Monday, 1 September 2008

It-Torċa: Meta Isqof sar jaf li ħuh kien gay

http://www.it-torca.com (Dan l-artiklu mhux fuq is-sit s'issa)
Minn SAMMY SAMMUT; 31.8.8

• Xi tkun ir-reazzjoni tiegħek jekk bħal sajjetta fil-bnazzi, ħuk jiftaħ qalbu miegħek u jgħidlek li hu gay? X’tagħmel quddiem din l-aħbar, speċjalment jekk it-tagħlim li ħadt fi ħdan il-Knisja Kattolika u d-drawwiet reliġjużi li saru parti minn ħajtek rabbew fik, anke jekk bla ħsieb u kontra x-xewqa tiegħek, omofobija nkallata? Xi tkun it-tweġiba tiegħek għal din l-aħbar meta dejjem ġejt imbumbardjat b’tant dikjarazzjonijiet ‘qaddisa’ li l-omosesswalità hija "perverżjoni u intrinsikament ħażina"? Tiċħdu għax hu midneb? Iżżebilħu għax tikkalkulah bħala mhux normali u inqas uman minnek? X’tagħmel quddiem dikjarazzjoni simili, speċjalment jekk tinzerta li int isqof li tkun qattajt ħajtek kollha taqdi u sservi lill-Knisja Kattolika?



















L-Isqof Thomas Gumbleton

It-tweġiba tiegħek ma nafx xi tkun, għalkemm sinċerament nittama li ma tkunx simili għal dik ta’ xi wħud li jippretenduha li huma spiritwalment ‘imdawlin’ aktar minn oħrajn tant li malajr tarahom jittimbraw lil dak u lill-oħra li huma fid-dnub, u saħansitra jiddikjaraw dan pubblikament fosthom permezz ta’ ittri fil-ġurnali. U agħar minn hekk, waqt li bejn il-linji jagħtu indikazzjoni tat-tniġġiż omofobiku li jkun qed inawwrilhom il-menti tagħhom u lil qalbhom, iwegħdu ‘it-talb’ tagħhom lill-vittmi li disgrazzjatament jinqabdu bejn difrejhom.


Iżda nafuha x’kienet ir-reazzjoni ta’ l-Isqof Kattoliku Thomas J. Gumbleton, li għal kważi erbgħin sena sħaħ serva l-ewwel bħala Vigarju Ġenerali kif ukoll bħala Isqof Awżilarju ta’ Detroit fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Lill-Isqof Gumbleton sirna nafuh permezz ta’ Suor Jeannine Gramick li kienet żaret Malta ftit tal-ġimgħat ilu bħala mistiedna tal-grupp LGBT Kattoliku, Drachma. Dan peress li huwa ilu s-snin jappoġġja u jaħdem fi ħdan dak magħruf bħala ‘New Ways Ministry’, ċentru nazzjonali Kattoliku, mwaqqaf fl-1977 minn Suor Jeannine u Fr Robert Nugent, bil-għan li jaħdem b’risq il-ġustizzja soċjali u għar-rikonċiljazzjoni ta’ persuni gay | lesbjani u l-Knisja.

Imrobbi f’familja li kienet tħaddan sod it-twemmin Kattoliku fejn kull diskors dwar is-sess kien meqjus bħala taboo, u bħal bqija tal-ġenerazzjoni tiegħu meta ħadd ma kien qatt joħlom bl-edukazzjoni sesswali fis-sistema edukattiva, ftit jew xejn kien jaf dwar dawn l-affarijiet u għalhekk ma kienetx xi ħaġa ta’ barra minn hawn li Thomas Gumbleton rabba’ fih ċertu sens ta’ omofobija.

Huwa ħass is-sejħa għas-saċerdozju sa minn ċkunitu anke jekk forsi dan kien dovut għall-fatt li l-edukazzjoni tiegħu ħadha fis-seminarju fejn daħal hekk kif xiref f’żgħoritu. Hemmhekk, l-affarijiet ma tantx kienu wisq aħjar għax l-unika insistenza li donnha kienet issir mill-awtoritajiet fejn jidħlu r-relazzjonijiet ma’ l-oħrajn, kienet dik li s-seminaristi ma kellhom qatt irawwmu ħbiberija partikolari ma’ persuna oħra maskili. U anke jekk dak iż-żmien ma kellu l-ebda idea l-għala kienet issir daqstant insistenza, illum jifhem li r-raġuni prinċipali kienet biex ikun assigurat li fis-seminarju ma jiżviluppawx relazzjonijiet ta’ bixra omosesswali.

"Għalhekk, sa mill-bidunett, l-idea kollha ta’ l-omosesswalità kienet waħda negattiva. Xi ħaġa ferm, ferm, ħażina. U meta tgħallimt it-teoloġija morali fis-seminarju maġġuri, tgħallimt dwar l-omosesswalità bħala attività. Ħadd qatt ma ħass il-bżonn li jagħmel xi distinzjoni bejn l-orjentazzjoni omosesswali u l-attività omosesswali. L-omosesswalità kienet mgħallma biss f’termini ta’ attività. U dik kienet ikkundannata. Ħażina.

"Għalhekk, kemm bħala qassis u kemm bħala konfessur, ma kelli l-ebda idea ta’ kif stajt ngħin lil min kien jiġi għandi u jqerr ‘id-dnub’ ta’ l-omosesswalità. Għax kont konvint għal kollox li din kienet kwistjoni ta’ għażla sempliċi, bħal kull għażla oħra li nagħmlu bejn ħaġa u oħra. Kont naħseb li f’dan kollu ma kienx hemm xi problema kbira. U hekk kont nitkellem, imġieba li xejn ma kienet ta’ għajnuna għal min kien qed jissielet bejn dak li kienet tgħid il-Knisja u dak li fil-ġewwieni ta’ qalbu kien iħoss lejn persuna oħra ta’ l-istess sess tiegħu", jispjega l-Isqof Gumbleton.

Jgħid li, minħabba l-injoranza li kellu fejn tidħol il-kwistjoni ta’ l-omosesswalità, huwa kompla jgħallem u jġib ruħu b’dan il-mod sakemm… f’daqqa waħda ġie kkonfrontat b’din il-problema fi ħdan il-familja tiegħu stess meta ħuħ kiteb ittra individwali lil ħutu kollha u lill-ommu.

Dwar dan, l-Isqof Gumbleton jirrakkonta kif ħuħ Dan "kitbilna biex jispjegalna dak li kien qed iħoss…. Qalilna li kien gay, kif kien ħajtu kollha…. Spjegalna kif bħal ħafna persuni omosesswali oħrajn kien iġġieled b’kull mod possibli dawn t-tendenzi tiegħu. Għax l-ewwel u qabel kollox int mgħallem li tendenzi simili huma mill-aktar ħżiena, u għalhekk tkun ikkundizzjonat b’mod li tibda tħoss li tassew huma ħżiena. U ħaġa naturali tipprova tirranġa l-affarijiet ħalli tipprova tkun dak li int m’intiex".

F’waqt minnhom ħu l-Isqof Gumbleton kien daħal is-seminarju bit-tama li hemmhekk isib xi tip ta’ refuġju. Jekk xejn, la darba tkun qassis, ħadd ma joqgħod jistaqsik l-għala bqajt qatt ma żżewwiġtx. Iżda malajr induna li hemmhekk ma kienx postu, u għalhekk telaq. Imbagħad iddeċieda li jiżżewweġ, għal darba oħra f’attentat li jgħid: "Le, m’iniex gay". Issaporta l-ħajja miżżewġa għal ftit aktar minn ħmistax-il sena u kellu erbat’itfal. Minkejja dan, però, qatt ma seta’ jbiddel dak li fil-fatt kien, għax din hija xi ħaġa li tifforma parti integrali minnhek innifsek.

"Għalhekk, f’daqqa waħda, kont iffaċċjat b’din il-ħaġa b’mod li qatt qabel ma ħsibt li se nħabbat wiċċi magħha, għax issa kienet quddiemi f’livell mill-aktar personali. X’kelli nagħmel? Kif kont se nġib ruħi? Niċħad lill-istess ħija. Kelli nżebilħu għax kien bniedem ħażin? Dawn u ħafna aktar ħsibijiet u mistoqsijiet għaddew mill-menti tiegħi u li għalihom ma kelli l-ebda tweġiba faċli", jirrakkonta l-Isqof Gumbleton.

Wara li ħaseb ħafna, huwa wasal għall-konklużjoni li l-ewwel ħaġa li kellu jagħmel kienet li jitratta l-omofobija li matul is-snin trawwmet ġewwa fih. Għax kienu ħafna negattivi r-reazzjonijiet tiegħu meta qara l-ewwel linji ta’ l-ittra li rċieva mingħand ħuħ. "Infatti, u llum nħossni mbarrazzat u kważi nistħi minni nnifsi, lanqas biss kont qrajt l-ittra kollha. Kelli idea ta’ x’kien ġej għax oħti kienet irċeviet ittra simili u kienet wissitni minn qabel. Għalhekk, meta rċevejt l-ittra indirizzata lili, qrajt l-ewwel paragrafu tagħha u armejtha ‘l hemm".

Huwa jkompli jgħid li minflok ma beda jaħseb kif se jgħin u jkun spalla ta’ appoġġ għal ħuħ, b’mod mill-aktar egoistiku beda jinkwieta dwar x’kien se jikkawzalu dan kollu, "jien li kont isqof u li kelli wieħed minn ħuti gay. X’kienu se jgħidu l-ġirien? Kif kienu se jieħduha l-parruċċani, għax meta jkun hemm xi ħadd li "jikxef" x’inhu, il-familja kollha tiġi involuta. Ħassejt li kienet xi ħaġa tal-mistħija li jkolli nammetti li ħija kien persuna gay…..

"Ħassejtni mħawwed, ma kontx naf fejn se naqbad nagħti rasi, kont mill-aktar indeċiż dwar x’kelli nagħmel. Bl-ebda mod ma ridt niċħad lil ħija iżda fl-istess waqt ħassejt li ċ-ċirkostanzi hekk kienu jitolbuni li nagħmel….. għax kif stajt jien, Isqof Kattoliku Ruman, ikolli ħija li kien gay u fl-istess waqt ngħid li kollox kien sew u li ma kien hemm xejn ħażin f’dan kollu? Dan kollu wassalni biex nerġa naħseb ħafna u neżamina mill-ġdid l-għala kelli reazzjoni daqstant negattiva".

L-Isqof Gumbleton jispjega kif b’dan il-mod huwa reġa ta ħarsa lura lejn ħajtu u beda jipprova jiskopri kif u l-għala fforma din l-idea daqstant negattiva lejn persuni omosesswali. B’hekk huwa beda jifhem l-affarijiet aħjar u jsir jaf ferm aktar dwar l-orjentazzjoni. Beda jirrealizza li fit-teoloġija morali hemm żvilupp sħiħ dwar l-orjentazzjoni b’oppost għal dik li hija attività omosesswali. Anke fi ħdan il-familja tiegħu, kemm fost ħutu kif ukoll ommu kienu inkwetati dwar dan kollu iżda qatt ma ħassew il-bżonn li jitkellmu dwar dawn l-affarijiet. Jgħid li ċertament din m’hiex xi ħaġa tajba iżda tipika, u jaħseb li familji oħrajn jagħmlu l-istess ħaġa, għax ċerti affarijiet ma titkellimx dwarhom.

"Din il-kwistoni kienet qiegħda tinkwieta bis-sħiħ lill-ommi u naħseb li ma tantx kont sensittiv wisq dwar dan. Iżda tant kont qed nitqabad miegħi nnifsi dwar dan kollu li ma bdejtx inħoss li kont f’qagħda li ngħinha wisq. Sakemm lejla waħda, ommi qabditni f’rokna u ffaċċjatni wiċċ imb’wiċċ. Dak iż-żmien ommi kellha madwar 85 sena u ċert li kienet qiegħda taħseb li s-siegħa tal-mewt kienet qiegħda toqrob lejha iżda aktar minn mewtha, kienet aktar inkwetata dwar id-disa’ ulied li rabbiet u bħal donnha riedet tkun ċerta li kollha kemm aħna konna fit-triq it-tajba…..

"Sakemm fl-aħħar, lejla minnhom meta mort inżuraha bħas-soltu, kienet segwietni sal-bieb ta’ barra u hemmhekk komplejna nitkellmu. Domna nitkellmu għal xi ftit minuti, jien fuq it-tarġa u hi tistrieħ mal-koxxa tal-bieb. F’daqqa waħda ħarset lejja u b’mod dirett staqsietni: ‘Allura Dan se jmur l-infern?’. Kont naf li b’xi mod jew ieħor kelli nweġibha. Ridt inweġibha b’mod onest u fl-istess waqt intaffilha ftit mill-inkwiet li ċert kienet qiegħda tħoss. U weġibtha immedjatament: ‘Le, Dan m’huwiex sejjer l-infern’.

"U dwar dan stajt nassiguraha bl-akbar fiduċja għax sadattant kont ħsibtha sew u rrealizzajt li Dan hekk kien magħmul. Għax Alla kien jaf b’dan sa mill-bidunett tal-ħolqien ta’ Dan. U Alla żgur li ma kienx se jikkundanna lil Dan għax kien omosesswali. Kif lanqas ma kien sejjer l-infern minħabba dak li kien. Hekk kien magħmul u Alla għamlu dak li kien, u fil-providenza ta’ Alla, dik kienet ħajjet Dan.

"Għalhekk stajt ngħidilha dan kollu fuq il-kuxjenza tiegħi u naħseb li assigurat ruħha dwar dan, għax wara kollox jien kont qassis u isqof, u għentha mhux ftit matul is-snin.

"Għaliha kien importanti ħafna dak li jien kont inħoss dwar dan kollu. Naf li kien aktar importanti minn dak li kienu qegħdin iħossu ħuti. U għalhekk kont ferħan ħafna li stajt nserrħilha moħħha bl-akbar konvinzjoni u fiduċja, kif ukoll b’ċerta kalma. Naf li hi ħassitha aħjar, kif ħassejtni jien. Ċert ukoll li b’hekk setgħet, sentejn wara, tmut fil-paċi għax il-problema li kienet qed itaqqlilha lil moħħha u lil qalbha, kienet solvuta", jirrakkonta l-Isqof Gumbleton.

(Jissokta)

Min hu Dr Thomas Gumbleton?

• Imwieled f’Detroit fis-26 ta’ Jannar 1930, tista’ tgħid li Dr Thomas Gumbleton qatta’ ħajtu kollha jaħdem bi sħiħ fi ħdan il-Knisja Kattolika. Wara li attenda s-Seminarju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, huwa kompla bl-istudji tiegħu fis-St. John’s Pontifical Seminary fi Plymouth, u aktar tard fl-Università Pontifiċja tal-Lateran ġewwa Ruma.
Iggradwa fil-Baċċelerat ta’ l-Arti fl-1952, kiseb grad M.Div fl-1956 u aktar tard, fl-1964, irnexxielu jikseb il-grad J.C.D. Fl-età ta’ 26 sena, kien ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Ġunju ta’ l-1956, mill-Kardinal Edward Mooney. Minn hemm ‘il quddiem, huwa serva f’diversi karigi pastorali.
Fil-bidu tas-sena 1968, Thomas Gumbleton inħatar bħala Vigarju Ġenerali għall-Arċidjoċesi ta’ Detroit u aktar tard fl-istess sena, eżattament fl-4 ta’ Marzu, ingħata l-inkarigu bħala Isqof Awżiljarju ta’ l-istess belt Amerikana. Huwa kompla iservi pastoralment f’għadd ta’ parroċċi, fosthom dik ta’ San Alwiġi, ta’ l-Ispirtu s-Santu u anke dik ta’ San Leonardu fejn baqa’ jaħdem sas-sena 2006 meta kien ġie ordnat u sfurzat jieqaf milli jkompli bil-ħidma pastorali tiegħu billi kien għalaq l-età li jirtira. Xtaq li jkompli jagħmel parti mill-komunità ta’ San Leonardu iżda t-talba tiegħu kienet miċħuda mill-Arċidjoċesi ta’ Detroit fl-2007 billi l-awtoritajiet ekklesjastiċi kienu iqiesuh bħala "xewka" xejn mixtieqa.
Iżda, minkejja li xejn ma kien jinżel tajjeb ma’ ħafna minn dawk li jiġġerrew u jsibu kenn fil-kuriduri tal-poter, ħidmet l-Isqof Gumbleton kienet apprezzata ferm tant li matul is-snin huwa ngħata għadd sostanzjali ta’ gradi onorarji, inkluż wkoll Dottorat Onorarju fid-Divinità, minn diversi istituzzjonijiet edukattivi. Fost oħrajn, nistgħu nsemmu s-Seton Hall Law School (New Jersey), Anna Maria College (Paxton, MA), Marygrove College (Detroit), St Joseph’s College (Philadelphia, PA), Aquinas College (Grand Rapids, MI), St Edwards’ University (Austin), Ohio Dominican University (Colombus, OH), St. Norbert College (Du Pere, WI) u LaSalle University (Philadelphia, PA).
L-Isqof Gumbleton kien ukoll il-fundatur ta’ Pax Christi fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fl-1972, fejn serva bħala l-president tagħha. Pax Christi hija għaqda li taħdem bis-sħiħ b’risq il-paċi, u sal-lum l-Isqof Gumbleton għadu magħdud bħala wieħed mill-‘Ambaxxaturi għall-Paċi’ tagħha.
Huwa wkoll membru attiv f’għadd ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet, fosthom: Call for Action, Detroit Catholic Pastoral Alliance, l-Institute for Public Accuracy, Pastors for Peace, Nevada Desert Experience, New Ways Ministry, SHARE Foundation ta’ El Salvador u t-Triangle Foundation.
L-Isqof Gumbleton ivvjaġġa lejn diversi pajjiżi madwar id-dinja biex ixxerred messaġġ ta’ paċi. Fost oħrajn, huwa żar ukoll l-Iraq biex jara b’għajnejh l-effetti li l-gwerra kienet qiegħda tħalli warajha. Huwa kien ukoll qanqal kontroversja sħiħa meta vvjaġġar ukoll lejn l-Irlanda biex jiddefendi qassis li kien tressaq quddiem il-qorti b’allegazzjoni ta’ ksur tal-liġi.
Kienu ħafna wkoll il-laqgħat ta’ talb li huwa mexxa jew ħa sehem fihom, apparti li deher f’għadd kbir ta’ programmi kemm televiżivi kif ukoll fuq ir-radju. L-Isqof Gumbleton kien mistieden ukoll jagħti taħditiet pubbliċi, u l-omeliji li għamel fil-parroċċa ta’ San Leonardu huma dokumentati fil-ġurnal ‘National Catholic Reporter’, magħruf sew għal kitbiet tiegħu li jmorru kontra t-tagħlim uffiċjali Kattoliku, u fejn huwa ppubblika diversi artikli minn tiegħu.

It-tieni parti ta' dan l-artiklu se tidher il-ġimgħa ddieħla fit-Torċa.

No comments:

Post a Comment