Sunday, 21 September 2008

It-Torċa: Skjavi u Omosesswali: L-ostiltà u l-indifferenza Vatikana lejn persuni gay - Ħtieġa ta’ bini ta’ pontijiet

www.it-torca.com (Dan l-artiklu mhux fuq il-website s'issa)
21.9.8; minn SAMMY SAMMUT

Kitbiet li qrajna u priedki li smajna dwarhom dan l-aħħar dwar l-omosesswalità fakkruna fid-dibattiti sħan li kienu saru fl-Amerika snin ilu dwar l-iskjavitù meta l-falliment li jinstab kompromoss wassal għal gwerra ċivili li ħalliet warajha katastrofi sħiħa, b’telfien ta’ tant ħajjiet. Iżda l-iskjavitù, bħall-omosesswalità, ma kienx battalja politika dwar kwistjoni li setgħet tkun innegozjata; aktar minn hekk kienet battalja morali li ma setgħetx twassal għal kompromess. Jekk xejn, kienet qanqlet kuxjenza kontra definizzjoni li kienet qed tmajna. L-iskjavitù ma setax ikun parzjalment morali jew morali taħt ċerti ċirkostanzi. Jew kien morali, jew inkella mmorali. Ma kienx hemm triq tan-nofs.

Fid-dibattitu dwar l-iskjavitù, dawk b’kuxjenza ġdida kienu ċari fl-argumenti tagħhom: il-bniedem uman ma jistax jinżamm imjassar. Din il-kuxjenza ġdida sfidat definizzjonijiet li kienu jissuġġerixxu li ċerti nies ma kienux jikkwalifikaw bħala bnedmin umani, li xi wħud kienu primittivi, maħluqin biex jobdu u jservu, li ma kienu tajbin għal xejn ħlief għal xogħol manwali. F’din id-definizzjoni, l-iskjavitù kien magħdud bħala moralment aċċettat u dawk li kienu jaqblu ma’ dan kienu jemmnu li l-iskjavitù kien virtù. U waqt li kienu jikkwotaw mill-Bibbja biex isostnu l-argumenti tagħhom, kienu jgħidu li b’dan il-mod, l-ilsier kien qed igawdi mill-benefiċċji ta’ ħajja u saħħa aħjar, kif ukoll kellu opportunitajiet ġodda u sbieħ "f’art ċivilizzata u kristjana".

Illum il-ġurnata, kliem bħal dan jinstema’ stramb, jekk mhux ukoll ostili, iżda l-ideat tas-superjorità razzjali kienu għadhom qawwijin fid-dinja tal-Punent sa tard is-Seklu Għoxrin, u li waslu għat-Tieni Gwerra Dinjija li wkoll swiet il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies.

Il-kwistjoni tal-omosesswalità wkoll tqanqal opinjonijiet divergenti. Waqt li hemm min jgħid li n-negozjar f’dan il-konflitt huwa possibli, oħrajn isostnu li l-omosesswalità, bħall-iskjavitù, hija kwistjoni morali u qatt ma tista’ twassal għal kompromess. U għal darba oħra, id-dibattitu li għaddej qiegħed iqanqal kuxjenza ġdida kontra definizzjoni li qiegħda tmut bil-mod il-mod.

Id-definizzjoni antika tiddikjara l-omosesswalità bħala għażla li jagħmlu persuni ħżiena, perverti u li huma inqas minn umani. Għalhekk din ma tistax tkun tollerata. Persuni li d-depravità tagħhom iġġiegħlhom jagħżlu "dan l-istil ta’ ħajja" għandhom ikunu kkonvertiti jew jitwarrbu li ma jmorrux ixellfu l-ordni soċjali; jekk huma omosesswali minħabba mard mentali, għandhom ikunu kkurati li ma jmorrux jinfettaw saħħet iċ-ċittadini l-oħrajn.

Din hija d-definizzjoni ddikjarata, anke b’ċerta onestà, minn ħafna minn dawk li jsejħu lilhom infushom bħala Nsara konservattivi u tradizzjonali. Fl-istess waqt huma ħafna minn dawn li jinsabu mbeżża’ għax studji u stħarriġ li qegħdin isiru qegħdin juru li din l-opinjoni tilfet ħafna mill-appoġġ li kellha. Maqbudin f’definizzjoni li qiegħda tmut, dawn l-Insara jassumu li l-kritiċi li ma jaqblux magħhom huma fuq in-naħa ta’ l-immoralità u ta’ l-anarkija morali.

Min-naħa l-oħra, il-kuxjenza l-ġdida li qiegħda dejjem aktar tissaħħaħ, tiċħad kull parti ta’ din id-definizzjoni. Din tgħid li persuni gay la huma mħassrin moralment u lanqas morda mentalment, billi l-orjentament sesswali ta’ dak li jkun mhix għażla, iżda xi ħaġa integrali li wieħed jinduna biha. Hija bħal meta wieħed jirrealizza li huwa maskili jew femminili, li jagħmel parti minn razza partikolari jew nazzjon, jew jekk hux xellugi jew lemini. Soċjetà morali u ġusta ma tinbenix fuq xi premessa li xi wħud mill-bnedmin huma inqas minn umani jew li huma perverti, u lanqas fuq il-bażi ta’ dak li jagħżlu jew fuq il-bażi ta’ x’inhuma. M’għandu x’jaqsam xejn dak li kien ġie ddikjarat qabel minn xi sors ta’ għerf antik.

Bħala eżempju, bosta drabi l-Bibbja kienet tkun ikkwotata minn xi wħud b’appoġġ għall-iskjavitù, biex jopponu x-xjenza jew biex in-nisa jinżammu milli jiksbu l-ugwaljanza. Fuq kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, il-Bibbja ma kienetx korretta. Li tikkwotaha llum biex tiġġustifika l-ħażen ta’ l-omofobija mhux inqas ħażin. Dawn l-isforzi għad ifallu, kif dejjem għamlu. Fl-aħħar mill-aħħar it-traġedja tkun li ċerti mexxejja tal-Knisja, li bħal donnhom dejjem ikunu fuq in-naħa żbaljata ta’ kwistjonijiet morali kbar fl-istorja, qishom qatt ma jitgħallmu l-lezzjoni tal-istorja: li kull preġudizzju, la darba pubblikament ikkontestat b’kuxjenza ġdida, tkun inqatgħetlu għall-mewt.

Jekk wieħed janalizza d-dibattitu li għaddej isib li l-ġerarkija tal-Knisja Kattolika Rumana għadha tirrifjuta l-għerf xjentifiku uman li jeżisti llum il-ġurnata, u waqt li tiddefendi d-definizzjoni antika billi tirrikorri għal kwotazzjonijiet mill-Bibbja, bħal donnha tilbes il-maskra tal-ħniena u l-mogħdrija. Huma jiddeskrivu u jsostnu li l-omosesswalità bħala li "mhix naturali" jew li hija "devjazzjoni", u jħeġġu li din għandha tiġi oppressa fejn jista’ jkun possibli u kkontrollata fejn mhux possibli.

Donnhom jiskoraġġixxu persuni omosesswali milli jidentifikaw ruħhom u jaċċettaw lilhom infushom bħala persuni gay kif ukoll biex ma jibżgħux jiddikjaraw l-orjentament sesswali tagħhom lill-għeżież tagħhom u dawk l-aktar qrib tagħhom, meta psikolġikament u xjentifikament nafu li n-nuqqas ta’ dan jikkawża ħsara kbira f’dak li jkun. Mhux hekk biss, imma anke fid-dokumenti uffiċjali tal-Vatikan ma jużawx it-terminu "gay" iżda jibqgħu jużaw it-terminu "omosesswali" biex jiffokaw għal kollox fuq l-att sesswali.

L-istudji kollha li saru juru li sa minn meta nħolqot il-kelma "omosesswalità" fis-Seklu Dsatax, l-omosesswalità kienet u għadha preżenti f’persentaġġ stabbli fir-razza umana f’kull żmien u kullimkien. Din l-istatistika tissuġġerixxi li l-omosesswalità ma tistax titqies bħala li mhix naturali iżda li hija aspett minoritarju tal-ordni maħluq li jidher normali fil-forom kollha tal-ħajja.

Il-knejjes evanġeliċi u fundamentalisti jiddikjaraw li dawn id-definizzjonijiet ta’ antikwità jħaddnu l-verità eterna ta’ Alla u kull attentat li jbiddilhom huwa jew xogħol Satana jew xi spirtu lajk li ma jemminx f’Alla, u li qed jisfida l-kelma ta’ Alla f’isem l-immoralità. Kien hemm ukoll min irriafferma dawn id-definizzjonijiet mingħajr ma nduna li kull definizzjoni li trid tkun riaffermata m’għadhiex tgħodd.

Xi knejjes oħra però, fosthom dawk Protestanti, Anglikani u oħrajn, imxew sew fuq din il-kwistjoni. Huma knejjes miftuħin li jilqgħu b’idejhom miftuħin lil persuni lesbjani, gay, bisesswali u transesswali, knejjes li joffru servizzi lill-komunità gay, knejjes li jħarsu lejn persuna gay verament bħala xbiha ta’ Alla, bħala rigal u allura lesti li b’mod konkret jilqgħu dan “ir-rigal”.

Dawn il-knejjes jiffukaw fuq il-ħajja sana tal-persuni LGBT u mhux fuq l-atti sesswali li possibilment jistgħu jagħmlu. Huma knejjes li jaħdmu u joffru servizzi biex persuni LGBT jilħqu l-milja tagħhom bħala ulied Alla, biex ikunu persuni sħaħ u integrati kemm fis-soċjetà u fi ħdan il-Knisja, u jagħtu l-akbar kontribut possibli bis-saħħa tat-talenti li Alla afdalhom u żejjinhom bihom. Dawn huma knejjes li mhux biss jilqgħu persuni LGBT imma anke lill-familja u lill-ħbieb tagħhom, joffru spazju veru fejn komunità tifforma fuq il-vera sisien tal-imħabba u r-rispett reċiproku.

Fil-każ tal-Knisja Kattolika Rumana teżisti inċertezza kbira dwar kemm se jitwal dan id-dibattitu u kemm se jkun hemm nies li jweġġgħu qabel jispiċċa l-preġudizzju. Għax kif fis-Seklu Dsatax ma setax jintlaħaq kompromess dwar l-iskjavitù għax fl-aħħar kien mifhum bħala kwistjoni morali, hekk ukoll fis-Seklu Wieħed u Għoxrin, l-omosesswalità ma tista’ qatt tkun kompromessa għax hi wkoll hija kwistjoni morali.

Ħafna kienu dawk li assumew li l-Knisja, fl-ispirtu ġdid u ħieles li segwa l-Konċilju Vatikan it-Tieni, kienet lesta li teżamina mill-ġdid it-tagħlim tagħha dwar l-omosesswalità. Teologi magħrufin emmnu li l-provi ġodda mill-oqsma tal-istudji tal-iskrittura, tal-istorja, tal-psikoloġija, tas-soċjoloġija u tat-teoloġija morali, kienu biżżejjed biex jikkontestaw serjament kull premessa li fuqha kien ibbażat it-tagħlim tradizzjonali. Antiċipaw ukoll dibattitu pubbliku fuq it-tagħlim tal-Knisja li eventwalment kellu jwassal għal reviżjoni ta’ kif il-Knisja tifhem u tħares lejn l-omosesswalità.

Iżda l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar tletin sena wriet mod ieħor bil-Knisja tkun iebsa daqs qatt qabel, waqt li pproklamat li t-tagħlim tagħha kien ibbażat fuq "rivelazzjoni divina", u għalhekk mhux miftuħa għall-bidla, minkejja kull prova ġdida li tappoġġja tali bidla. Infatti, hemm min isostni li l-ebda tagħlim morali fuq is-sesswalità m’hu infallibilment definit. Jgħidu ukoll li pass kbir lura sar meta kien iddikjarat li l-orjentazzjoni omosesswali ma kienetx kundizzjoni naturali iżda tirrappreżenta "diżordni oġġettiva" u kienet "orjentazzjoni għall-ħażen", bħal dak li qallu, Alla huwa tant krudil li lest joħloq lil xi wħud intrinsikament orjentati għall-ħażen! Din ma tinstemax bħala ereżija, speċjalment fid-dawl tat-tagħlim stess ta’ ommna l-Knisja?

Imġieba u dikjazzjonijiet bħal dawn ħafna drabi kapaċi joħolqu ħsara kbira f’moħħ ħafna żgħażagħ gay Kattoliċi li jaraw kontradizzjoni kbira bejn il-messaġġ li dawn iridu jwasslu u l-messaġġ ta’ Kristu li qatt ma lissen kelma waħda negattiva dwar l-omosesswalità. Mhux kulħadd kapaċi jeżerċità l-ħelsien leġittimu tal-kuxjenza u jagħmel dixxeniment ta’ dak li Alla qed jgħidilhom direttament permezz ta’ l-esperjenzi tagħhom. Kien ukoll iddikjarat li l-oppressjoni tas-sesswalità, sew bir-reliġjon, sew mill-istat kif ukoll minn terapisti li jinsistu li kapaċi jbiddlu persuni omosesswali f’eterosesswali mhux biss tnaqqas bis-sħiħ l-istima personali ta’ persuni gay u lesbjani iżda kapaċi wkoll twassalhom biex jibdew jobgħodu lilhom infushom tant li jaslu biex iwettqu ħsara lilhom stess u ġieli disgrazzjament jaslu għas-suwiċidju.


Il-Vatikan ma jqisx il-ħsara li jikkawżaw kliem tat-tagħlim uffiċjali tiegħu dwar l-omosesswalità mhux biss fuq il-persuna gay innifsiha imma wkoll fuq il-familji tagħhom … dawn il-kliem huma piż kbir li ftit reliġjużi huma lesti li jċaqalqu subgħajhom iż-żgħir biex jgħinu lil dawn il-familji jġorru dan il-piż.

Ftit li xejn naqraw dwar it-tbatijiet kbar li ħafna jsofru internament, li ġieli wkoll iwasslu għal traġedji. Waħda minn dawn li baqgħet tissemma kienet dik tal-poeta u intellettwali Alfredo Ormando li għaxar snin ilu, b’sinjal ta’ protesta kontra n-nuqqas ta’ sensittività min-naħa tal-ġerarkija Vatikana kien neħħa ħajtu eżattament f’Pjazza San Pietru, f’Ruma, billi tefa’ l-petrol fuqu u bħal ma kien għamel Jan Palach fi Praga, ta n-nar lilu nnifsu.

Kienu ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu tat-13 ta’ Jannar 1998, meta Alfredo Ormando – Sqalli ta’ 39 sena – wasal fil-pjazza ikonika ta’ Bernini, iġorr landa petrol li kien xtara ftit qabel u li kien qed iżomm f’borża tal-plastik sewda. Il-pjazza kienet kważi deżerta u hekk kif wasal ħdejn il-presepju li soltu jintrama’ hemm, niżel għarkubtejh bħal donnu se jitlob, ferrex il-petrol fuqu u ta n-nar lilu nnifsu. Imbagħad huwa qam u beda miexi lejn il-Bażilika "bħal ħuġġieġa ġganteska" sakemm twaqqaf f’tarf it-taraġ minn żewġ uffiċjali tal-pulizija li tefgħuh fl-art u tfewlu l-fjammi li kienu ħakmuh. Huwa miet wara ħdax-il ġurnata ta’ agunija kawża tal-ġrieħi gravi li ġarrab.

Alfredo Ormando kien gay. Kien twieled fir-raħal ta’ San Cataldo f’Cattanissetta. Il-ġenituri tiegħu kienu bdiewa llitterati b’tmint’itfal x’imantnu f’kundizzjonijiet ekonomiċi modesti. Waqt li kien qed imut, l-ittri tiegħu li ried jippubblika ġew ikkonfiskati. Iżda bħal donnu kien jaf x’ġej u għalhekk, qabel rikeb il-ferovija minn Palermo għal Ruma, bagħat il-kitbiet tiegħu lill-aġenzija ta’ l-aħbarijiet ANSA. Dawn il-kitbiet tiegħu fihom ħafna x’tomgħod, fosthom kif ħassu miċħud mill-Knisja u l-uġiegħ li dan ikkawżalu.

Il-mewt tiegħu ġiet irrapportata minn xi wħud bħala suwiċidju ta’ xi ħadd li kien mentalment żbilanċjat. Iżda l-ittri tiegħu jiżvelaw li ma kienx żbilanċjat iżda ddisprat. Fost oħrajn huwa kiteb hekk: "Għaddejt parti sew mill-erbgħin sena tiegħi nittama li l-kliem ippubblikat tiegħi jixirfu ‘l hemm mill-konfini tal-gżira tiegħi, Sqallija. Dan ma kienx possibli; ma ngħoddhomx ir-rifjuti li rċevejt minn djar tal-pubblikazzjonijiet kemm kbar kif ukoll żgħar. Iddeċidejt li nittrasforma f’għajta li ttarrax u sinjal li ma jitħassarx il-ġisem ta’ raġel li kelli u li ħabb raġel ieħor, u li ngħajjat b’saħħti kollha li l-Knisja ma tridx tara, ma tridx tisma’.

"Ġismi jkun il-pinna li tikteb kliemi li ħadd ma jista’ jħassar, il-linka jkun il-petrol. Nittama li huma jifhmu l-messaġġ li rrid inħalli: huwa forma ta’ protesta kontra l-Knisja li tiddemonizza l-omosesswalità u fl-istess waqt in-natura kollha, għax l-omosesswalità hija bint in-Natura Omm".


Għal ħafna gays Kattoliċi, Alfredo Ormando sar simbolu ta’ dak li huma jaraw bħala l-intolleranza tas-soċjetà u l-Knisja Kattolika Rumana lejhom. Din it-traġedja, li kull sena tkun imfakkra minn għaqdiet ta’ persuni gay u lesbjani fl-istess post tal-mewt tiegħu, wasslet ukoll biex il-jum tat-13 ta’ Jannar ta’ kull sena jibqa’ mfakkar bħala l-Jum Mondjali għad-Djalogu bejn ir-Reliġjonijiet u l-Omosesswali. It-traġedja ta’ Alfredo Ormando se tkun ukoll it-tema ta’ dokumentarju ta’ siegħa – bl-isem ta’ "Alfredo’s Fire" – li se jkun jitratta r-relazzjoni li teżisti bejn id-diskriminazzjoni kontra persuni gay u l-intolleranza reliġjuża u ironikament, l-importanza tal-esperjenza spiritwali.

Iżda fuq kollox, din it-traġedja u oħrajn li dwarhom ma naqraw imkien, juru l-ħtieġa li persuni gay u lesbjani, li forsi jafu x’jgħid it-tagħlim tal-Knisja dwar l-omosesswalità u l-immoralità oġġettiva ta’ atti omoġenitali, għandhom ukoll ikunu konxji ta’ tagħlim ieħor dwar l-omosesswalità: dak dwar id-dinjità umana u lejn il-persuna sħiħa, dwar il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet ċivili, dwar l-immoralità tad-diskriminazzjoni nġusta u l-vjolenza bla sens lejn persuni gay, kif ukoll il-mandat għal kura pastorali awtentika.

Turi wkoll il-ħtieġa li jisħqu tant fuqha gruppi Kattoliċi ta’ persuni gay, lesbjani, bisesswali u transesswali, bħall-grupp LGBT Kattoliku Malti – Drachma – li l-Knisja għandha jkollha l-amor proprju li tisma’ lil persuni gay u lesbjani dwar l-esperjenzi tagħhom u tiddjaloga magħhom dwar il-weġgħat, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom, kif ukoll li tkun preżenti għalihom pastoralment fl-isforzi tagħhom biex jintegraw is-sesswalità u t-twemmin reliġjuż tagħhom. B’dan il-mod, il-komunità tal-Knisja ikollha storja aktar kompleta tar-realtà komplessa ta’ l-omosesswalità u kif din teffettwa l-ħajja tan-nies tal-Knisja tagħha u b’hekk tkun f’qagħda li tassew tista’ twieġeb b’mod realistiku, sensittiv u kompassjoni awtentika. U wieħed jittama li dan ma jkunx parti tal-mistħija minn tal-Knisja Kattolika …. Mistħija li llum għandna minħabba dawk rikonoxxuti bħala żbalji ħoxnin tal-passat.

B’dan il-mod jinbnew il-pontijiet tant meħtieġa, fejn issir enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni għall-persuni gay u lesbjani Kattoliċi, il-familji u l-ħbieb tagħhom li ħafna drabi jħossuhom ittraskurati u esklużi mill-Knisja minkejja l-isforzi kollha li jagħmlu biex ikunu parti integrali minnha. B’dan il-mod ikun aktar faċli il-fejqan spiritwali u psikoloġiku ta’ dawk li jħossuhom iżolati u mċaħħdin kemm mis-soċjetà kif ukoll mill-Knisja li tant iħobbu.

Dawn l-esperjenzi ta’ uġiegħ u qtigħ il-qalb li ġieli wkoll ikunu mbuttati minn ċerta rabja, ħafna drabi huma riżultat ta’ perċezzjonijiet ta’ ostilità jew nuqqas ta’ attenzjoni pastorali minn ċerti oqsma fi ħdan il-Knisja. Permezz ta’ rispett reċiproku u parteċipazzjoni attiva fi ħdan il-Knisja, wieħed jista’ jaħdem għar-rikonċilazzjoni, li jfisser li rridu ninterpretaw it-tamiet u l-beżgħat ta’ kull naħa lill-oħra.

J’alla li dan iseħħ illum qabel għada.


-------

Website relatata: Alfredo's Fire: http://www.openeyepictures.com/alfredosfire/index.html
Ara t-trailer hawn: http://www.openeyepictures.com/alfredosfire/af_film.html

Hawnhekk tista' taqra ittra li Alfredo Ormando kiteb lil ħabib tiegħu ftit granet qabel ma kkommetta suwiċidju:

http://www.liguria.cgil.it/NuoviDiritti/News/palermo.htm

Palermo, Natale 1997

Caro Adriano, quest’anno non sento più il Natale, mi è indifferente come tutte le cose; non c’è nulla che riesca a richiamarmi alla vita.

I miei preparativi per il suicidio procedono inesorabilmente; sento che questo è il mio destino, l’ho sempre saputo e mai accettato, ma questo destino tragico è là ad aspettarmi con una certosina pazienza che ha dell’incredibile.

Non sono riuscito a sottrarmi a quest’idea di morte, sento che non posso evitarlo, tantomeno far finta di vivere e progettare un futuro che non avrò; il mio futuro non sarà altro che la prosecuzione del presente.

Vivo con la consapevolezza di chi sta per lasciare la vita terrena e ciò non mi fa orrore, anzi!, non vedo l’ora di porre fine ai miei giorni; penseranno che sia un pazzo perché ho deciso Piazza San Pietro per darmi fuoco, mentre potevo farlo anche a Palermo.

Spero che capiranno il messaggio che voglio dare; è una forma di protesta contro la Chiesa che demonizza l’omosessualità, demonizzando nel contempo la natura, perché l’omosessualità è sua figlia.

Alfredo


Questa lettera, che non abbisogna d’alcun commento, fu scritta da Alfredo Ormando, che la mattina del 13 gennaio 1998 si diede fuoco in Piazza San Pietro e morì poi dopo dieci giorni d’atroci sofferenze.

Alcuni amici si sono riuniti insieme ed hanno deciso che il 13 gennaio di ciascun anno tale sacrificio sia ricordato e serva da sprone per tutte le persone democratiche ed amanti della convivenza civile perché i diritti, di cui godono tutti i cittadini, siano riconosciuti alle persone omosessuali e transessuali in quanto tali.

Per questo lo ricordiamo anche noi come Ufficio Nuovi Diritti di Genova.

Enzo Peretta

No comments:

Post a Comment