7.9.8; Aleks Farrugia
Il-Ħadd li għadda rrappurtajna dwar diskors kontroversjali li għamel l-Isqof ta’ Għawdex, Mons Mario Grech, li fih huwa semma numru ta’ “limitazzjonijiet tal-libertà umana”, fosthom l-omosesswalità u ż-żina (li fil-kuntest nisrani jimplika anke lil persuni separati - la għad m’għandniex divorzju - li jgħixu ma’ partner li mhuwiex żewġhom) (Ara l-artiklu hawn). Dwar dawn il-‘limitazzjonijiet’, Mons Grech implika, matul l-imsemmi diskors, li l-Istat għandu jilleġiżla b’mod li jkun konformi mal-fehma tal-Knisja.
Ma setax jonqos li dwar dan nirċievu bosta reazzjonijiet. Ironikament aktar minn fost dawk li jsostnu l-argument ta’ l-Isqof ta’ Għawdex milli minn fost dawk li huma direttament milquta. Dan fih innifsu jibgħat sinjal li dawk milquta għad m’għandhomx il-kuraġġ meħtieġ biex ilissnu l-fehma tagħhom b’qawwa. Sinjal ċar ta’ l-emarġinazzjoni tagħhom; ta’ sofferenza mġarrba fis-skiet bħala salib personali u mhux kwistjoni soċjali li trid tinġarr mis-soċjetà kollha kemm hi.
L-implikazzjonijiet leġiżlattivi ta’ Mons Grech iħalluna mgħaġġbin. Wieħed jistenna li, fis-seklu 21, m’għadx baqa’ min jiddubita mil-lajċità ta’ l-Istat tagħna; Stat imsejjes fuq id-demokrazija, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-separazzjoni bejn Knisja u Stat. Separazzjoni li għandha tiżgura d-drittijiet kollha għal dawk li jemmnu fit-twemmin nisrani, imma wkoll għal dawk li għandhom twemmin differenti jew li l-istil ta’ għajxien tagħhom mhux dak approvat mill-Knisja. Ma naħsbux li xi ħadd jaqbel li pajjiżna jinbidel f’teokrazija, fejn il-liġi tar-reliġjon issir il-liġi tal-pajjiż, bħalma hemm fl-Iran u xi pajjiżi oħra li għandhom Stat Iżlamiku!
L-ewwel obbligu tal-politiċi għandu jkun lejn dak li hemm imnaqqax fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u mhux lejn it-twemmin privat tagħhom. Il-prinċipju fundamentali li huwa s-sies tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna huwa li għall-Istat Malti kull ċittadin huwa daqs l-ieħor. Li l-Istat m’għandux il-jedd li jiddiskrimina bejn ċittadin u ieħor; la bejn il-fqir u s-sinjur, la bejn is-suwed u l-bojod, la bejn l-insara u dawk li mhumiex, la bejn min hu straight u min hu gay, la bejn l-irġiel u nisa. Bejn ħadd. Kulħadd huwa ċittadin, bl-istess drittijiet u dmirijiet. Anke jekk fir-realtà, kif inhuma l-affarijiet illum, teżisti diskriminazzjoni kontra ċerti gruppi fis-soċjetà tagħna, li - anke jekk mhumiex fil-maġġoranza - xorta għandhom dritt kostituzzjonali għal-libertà tagħhom li jgħixu ħajjithom mingħajr preġudizzju. Bħalma għandhom koppji gay ikunu rikonoxxuti bħala tali għall-finijiet tal-liġi u bħalma persuni li ż-żwieġ tagħhom ma rnexxiex għandhom dritt li jibdew ħajja ġdida.
Il-politiċi għandhom obbligu li jaraw il-ħarsien tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Huma eletti fil-parlament bħala rappreżentanti ċivili tal-poplu; il-kwalifika tagħhom hija waħda mogħtija kostituzzjonalment biex iwettqu dmirijiet kostituzzjonali. Għalhekk li f’kull azzjoni li jieħdu - bħala rappreżentanti tal-poplu - id-dmir morali tagħhom huwa li jimxu mal-kwalifika kostituzzjonali u mhux skond kwalinkwe twemmin personali li jista’ jkollhom. Fl-aġir tagħhom iridu jħarsu liċ-ċittadini kollha tal-pajjiż u mhux xi grupp partikolari, b’saħħtu kemm hu b’saħħtu. It-twemmin tagħhom żgur li jista’ jgħinhom ħafna biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod onest u b’kuxjenza, imma ma jridx ikun impediment għalihom milli jilleġiżlaw b’mod li jiggarantixxi ħajja aħjar lil kull ċittadin.
Il-filosfu Grieg Aristotli jsemmi l-hena (happiness) bħala l-ogħla għan tal-bniedem matul ħajtu. Ħassieba u filosfi oħra, fosthom teologi magħrufa, matul iż-żmien ħarġu b’għanijiet oħra, imma ħadd minnhom ma seta’ jmeri l-argument Aristoteliku favur l-hena. Kien dan l-għan li għen lill-bniedem jiżviluppa, wara żminijiet ta’ oppressjoni u skjavitù, id-drittijiet li għandna llum u li huma mħarsa mill-Kostituzzjoni, mill-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Kostituzzjoni Ewropea, li aħna bħala pajjiż diġà rratifikajna. Ħadd, f’kuntest ta’ Stat lajk, m’għandu d-dritt jimponi fehmtu biex inaqqar il-libertà ta’ ħaddieħor u jżommu milli jsib l-hena f’ħajtu. Lanqas jekk din l-impożizzjoni ssir f’isem Alla. Għax l-Istat m’għandux il-kompitu li jservi ta’ inkwiżizzjoni.
L-akbar tagħlima tahielna Ġesù Kristu innifsu meta wissa biex nagħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu ta’ Alla!
----
Ittri lill-Editur 7.9.8 (Mhux qegħdin fuq il-website tat-Torċa s'issa)
L-Omosesswali u d-dnub - Elsie Caruana; Ghalliema
Għażiż editur,
Jien bhala nisranija ma naqbel assolutament xejn ma dak li nkiteb kif ukoll ma dak li kkumenta sehibna Chetcuti. F'gieh is-sewwa qrajtuha l-bibbja T-testment IL-qadim dak in -nhar dawn l-affarijiet ukoll kienu jezistu u ilhom jigu kkundannati minn dak iz-zmien ukoll meta Alla qered lil Sodoma u Gamorra. Dak huwa kontra l-holqien t'Alla. Tafu li wkoll QED jinfirdu familji ghax jidhlu nies ta l-istess sess bejn koppja gharajjes jew miżżewga. Ghidlu lil Chetcuti bir-rispett kollu lejh jara s-sitwazzjoni mill-angolu li l-aktar li QED jaghmel hsara u jifni lis-socjeta.Mhux bizzejjed ghandna familji mifrudin ghax imorru mas-sess oppost issa kien ghad fadal li tidhol din il-pjaga u nsibu min jissaportjaha wkoll. Ejja ma nkunux boloh u nikkritikaw fil-vojt ngharblu IL-fatti u min hawn nixtieq li fil-gazzetta taghkom li tant kont inhobb naqra nara artikli minn din IL-kwalita nhallu l-omosesswali jaqdfu ghal-rashom huma bhalma naqdef jien fil-hajja at kuljum jien li jien normali ghal grazzja tal hanin Alla u mhux inkunu tarka tax-xitan. Jiddispjacini x'hin nara artiklu bhal dan. Jekk ghalinqas minn irraporta dan l-artiklu jissaportja l-dan il-grupp at nies ghandu jkun konsistenti jirrispetta n-naha l-ohra dik in-naha li ma taqbilx. Kontroversja skond l-oppinjoni tieghi titqajjem x-hin jinqara dan l-artiklu. Ara tahsbu li dahhalt xi politika fin-nofs dahhalt il-principji religjuzi li l-gheziez tieghi ghallmuni. L-omosesswalita ghandha tithalla ghal-ġenb minnkom hallu lil-dak li jkun jirrifletti hux qed jaghmel sew dak li jkun jew le mhux tipprovaw ggieghlu l-dak li jkun jahsibha hekk kif tahsbuha intom.
Skuzani li ktibt fit-tul imma ix-xewqa li niktbilkom ilha hemm ghax QED inhoss li l-hsara ma QED taghmluha lil-hadd hlief lilkom stess.
Nota Editorjali mill-Editur tat-Torċa: Bħala gazzetta żgur li m’għandna l-ebda intenzjoni li nippruvaw inġegħlu lil xi ħadd jaqbel magħna bil-fors jew jemmen dak li nemmnu aħna. Minn naħa tagħna, m’aħniex se nidħlu fit-twemmin reliġjuż u l-validità tiegħu, iżda huwa l-obbligu tagħna li nsemmgħu leħen dawk il-persuni li huma diskriminati jew b’xi mod emarġinati. Bħala gazzetta aħna nagħmlu parti mis-soċjetà ċivili, fejn bil-Kostituzzjoni ta’ Malta kull ċittadin huwa meqjus ugwali ma’ l-ieħor irrispettivament mill-kulur, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Għalhekk ma nistgħu naċċettaw qatt li xi politiku jieħu l-parir ta’ Monsinjur Grech u jilleġiżla skond ix-xewqa ta’ grupp wieħed fis-soċjetà. L-Istat huwa ta’ kull individwu u għalhekk għandu jiggarantixxi li kull ċittadin jgħix ħajtu fil-libertà sħiħa, sakemm din il-libertà ma xxellifx il-libertà ta’ ħaddieħor. Ma nemmnux li l-preferenzi sesswali fil-kamra tas-sodda b’xi mod ixellfu d-drittijiet ta’ ħaddieħor, sakemm ma jkunx hemm abbuż. Imma l-abbuż iwettqu min irid iwettqu; m’hemmx distinzjoni bejn miżżewweġ jew qassis, omosesswali jew le.
----L-Omelija ta’ l-Isqof t’Għawdex - Mons. Anton Gauci
Qrajt fit-Torċa tal-31 ta’ Awwissu li omelija ta’ l-Isqof t’Għawdex "ġabet ir-rabja fost bosta għax anke tinstiga lill-mexxejja politiċi biex jilleġislaw skond il-fehma tal-Knisja". F’ġieħ is-sewwa, ejjew inkunu aktar preċiżi. U aktar insara. Anzi aktar umani u veri bnedmin, jiġifieri ħolqien t’Alla u b’rasna baxxuta għal-liġijiet tiegħu. Hemm differenza biex "tilleġisla skond il-fehma tal-Knisja" u tilleġisla skond il-fehma t’Alla. Ma jinteressanix li niddefendi lil dan jew lil dak l-isqof, imma li niddefendi l-liġi t’Alla altru li jinteressani. Huwa anki dmir tiegħi. Mhux biss bħala saċerdot, imma anki bħala nisrani u bħala ħolqien t’Alla. Jiddispjaċini nara li tant morna l-baħar fi ħwejjeġ tal-Fidi (ma ngħidx "ħwejjeġ tal-Knisja"!), li saħansitra neħduha kontra l-liġi t’Alla. Ma ninsewx li l-istat ukoll jaqa’ taħt Alla u l-liġi tiegħu. Mhux qed ngħid "jaqa’ taħt il-liġijiet tal-Knisja". Hawn ħallina minn dil-kunsiderazzjoni, anke jekk kwistjoni ta’ stat kattoliku.! B’ebda mod ma żbalja l-Isqof t’Għawdex meta kkwota lil San Pawl dwar il-libertà umana u tkellem mil-"limitazzjonijiet tal-libertà umana". Anzi nfaħħru! Hawnhekk m’aħniex fil-qasam "tal-Knisja", imma f’dak tal-liġi t’Alla li torbot lill-bnedmin kollha. Dak li ordna Alla la se nbiddlu jien, la se jbiddlu xi isqof jew papa, u s’intendi, lanqas se jbiddluh dawk li, għal raġunijiet personali tan-natura umana tagħhom, ma tantx ikunu kuntenti
b’dak li ordna Alla nnifsu. Wasalna f’dik l-estremità li kliem l-Iskrittura Mqaddsa ma japplikax għaż-żminijiet tagħna, għax, per eżempju fil-każ ta’ dak li jgħid San Pawl, dawk kienu "żminijiet u ċirkostanzi soċjali differenti"? Għal min jemmen f’Alla u fil-kelma tiegħu ma hemmx "żminijiet u ċirkostanzi differenti". Lanqas hemm li "ħadd m’għandu dritt jindaħal lill-persuni kif għandhom jgħixu ħajjithom fil-kamra tas-sodda tagħhom". Il-liġi t’Alla hija eterna, ma tinbidilx maż-żminijiet, maċ-ċirkostanzi soċjali u mal-postijiet. ‘add ma jista’ jbiddilha u qatt. Jekk is-serq u l-qtil huma kkundannati minn Alla, dawn jibqgħu kkundannati anki jekk il-bnedmin kollha jisirqu u joqtlu. Lanqas biex issalva d-dinja kollha, ma tista’ tbiddel il-liġi t’Alla. La f’kamra tas-sodda u mkien! La papa u lanqas gvern ma jistgħu jbiddluha! Li tgħid il-kuntrarju jfisser li tlifna l-fidi.
Iva, kif qal tajjeb l-av. Chetcuti, anki l-Katekiżmu jagħmel distinzjoni bejn omosesswalità u atti omosesswali. Huma l-atti li huma kkundannati minn Alla, mhux l-omosesswali, u l-affarijiet hekk jibqgħu sa l-aħħar tad-dinja kullimkien. Kumbinazzjoni jumejn qabel ma deher in-numru tat-TORĊA tal-31 ta’ Awwissu, deher artiklu tiegħi fuq dan is-suġġett ta’ l-omosesswalità fil-ġurnal Leħen is-Sewwa’. Mingħajr l-iċken sens ta’ ftaħir, ngħid li naħseb li kont ġust ħafna ma ħutna l-omosesswali. Xejn kundanni, imma mogħdrijiet! Però qatt egħmil kontra l-liġi t’Alla u qatt ħmerijiet bħal dawk tal-possibiltà li l-liġi t’Alla tista’ tinbidel jew ma tiġix osservata minna l-bnedmin, ibda mill-Papa u spiċċa fl-iċken uman. Hawn la hija kwistjoni ta’ nsara u mhux insara, lanqas ta’ Knisja jew Gvern. Mela l-omosesswali niddefenduhom fejn nistgħu, iżda mhux ngħidu l-ħmerijiet kontra l-liġi t’Alla. Lil Sodoma Alla qeridha, u tajjeb li aħna noqgħodu attenti li ma jeqridx anki lilna bil-ħmerijiet kollha ta’ ċertu raġunar tagħna.
No comments:
Post a Comment