http://www.it-torca.com/ (Din l-ittra lill-editur mhix fuq il-website s'issa)
21.9.8; minn Joseph Carmel Chetcuti, MA Hons, LLB Hons, Lic Theo, Melbourne
(Din hi l-ittra oriġinali li mhix editjata. Fit-Torċa dehret ftit iqsar biex toqgħod ġo faċċata waħda)
Aqra l-ittri ta’ nies bħal Elsie Caruana (għalliema) u Anton Gauci (monsinjur) u malajr tinduna għaliex il-moviment omosesswali kiseb tant suċċessi kontra dawk l-aspetti fundamentalisti tar-reliġjon kattolika. Kummenti banali, tfarrik ta’ l-iskrittura, kwotazzjonijiet barra l-kuntest u taħwid ta’ x’inhi u x’tirrappreżenta l-fidi kattolika.
DWAR IL-PLURALIZMU
Skond l-għarfa għalliema, il-midja Maltija għandha twarrab lill-omosesswali fil-ġenb. Nistaqsi: minn meta l-midja Maltija saret bord ta’ ċensura? Hu r-rwol tal-midja li tiċċensura l-libertà tal-ħsieb u l-espressjoni? Għaliex l-omosesswali m’għandux isemmi leħnu minn fuq il-midja Maltija? Mela l-omosesswali m’għandux il-jedd bħal ħaddieħor? Il-kattoliċi konservattivi biss huma ċittadini? Huma biss iħallsu t-taxxa? Għaliex il-ġerarkija tal-knisja biss għandha twassal il-messaġġ tagħha? Għaliex għandu jkun hemm qanpiena waħda fil-midja Maltija?
Allura drittijiet kostituzzjonali ma jiswew xejn quddiem il-propaganda tal-ġerarkija kattolika? F’artiklu 41, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid hekk: "(1) ħlief bil-kunsens tiegħu stess jew bħala dixxiplina tal-ġenituri, ħadd ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà tiegħu ta’ espressjoni, magħduda libertà li jkollu fehmiet mingħajr indħil, libertà li jirċievi idejiet u tagħrif mingħajr indħil, libertà li jikkomunika idejiet u tagħrif mingħajr indħil (kemm jekk il-komunikazzjoni tkun lill-pubbliku in ġenerali jew lil xi persuna jew klassi ta’ persuni) u libertà minn indħil dwar il-korrispondenza tiegħu."
U f’artiklu 40: "Il-persuni kollha f’Malta għandu jkollhom libertà sħiħa ta’ kuxjenza u jgawdu l-eżerċizzju liberu tal-mod rispettiv tagħhom ta’ qima reliġjuża."
Dawn huma drittijiet li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiggarantixxi. Ma jgawduhomx biss il-kattoliċi konservattivi. Anke dawk li ma jaqblux mal-papa preżenti, fosthom dawk li dehrilhom li l-elezzjoni tal-papa Ratzinger kienet "ċajta goffa" daqs kemm huma goffi ż-żraben ħomor tiegħu.
DWAR IT-TFARRIK TAZ-ZWIEĠ MILL-OMOSESSWALI
Lil Caruana u Gauci nistaqsihom: tistgħu tgħarrfuni kif jien persuna omosesswali - qed infarrak iż-żwieġ eterosesswali? Mhux allegazzjonijiet biss. PROVI.
Forsi għandkom f’raskom li xi omosesswali "jittantaw" jew "iħajjru" lill-miżżewġin jiżfnu ż-żifna tas-sodomija? Hemm omosesswali li jħajjru u jittantaw lill-miżżewġin u lill-eterosesswali. Kif hemm miżżewġin u eterosesswali li jittantaw u jħajjru lill-omosesswali. U kif hemm eterosesswali jittantaw u jħajjru eterosesswali oħra.
Tafu għaliex persuna "eterosesswali" tmur għal persuna omosesswali? Risposta: għax dik il-persuna mhix "eterosesswali". Hi bisesswali jew omosesswali. Forsi żżewġet minħabba pressjoni mill-familja jew biex tidher "normali" fis-soċjetà. Imma xorta baqgħet omosesswali minkejja li hi miżżewġa u li għandha ruxxmata ta’ tfal. Kif baqgħu omosesswali dawk l-uħud jew il-ħafna li saru qassisin u patrijiet.
Isimghu l-ħmerijiet tagħkom: il-miżżewġin u l-eterosesswali huma tant boloh u debboli li jaqgħu għal kull min jittanthom jew iħajjarhom. Mhix opinjoni sabiħa tal-miżżewġin u ta’ l-eterosesswali. Allura, ngħid jien, l-eterosesswali huma daqstant bla sinsla? Jekk huma tant debboli, kif tgħid l-għalliema, mhux aħjar dinja mingħajrhom?
Ma nafx jekk iż-żwieġ hux imfarrak illum iktar milli kien fl-imgħoddi. Forsi llum il-miżżewġin iħossuhom iktar liberi jaħarbu minn relazzjonijiet oppressivi. ‘aġa tajba. Għalhekk Malta għandha ddaħħal id-divorzju. Iżda jekk hu minnu li ż-żwieġ eterosesswali qed jitkisser, it-tkissir hu tort ta’ l-eterosesswali stess. Tgħabbux l-omosesswali bin-nuqqasijiet tagħkom eterosesswali!
IL-LIĠI TA’ ALLA U L-LIĠI TAL-KNISJA
Gauci jsemmi l-liġi ta’ Alla u l-liġi tal-knisja. U hemm il-liġi divina (din, naħseb, ta’ Alla wkoll) u l-liġi naturali. U ma ninsewx il-liġi ta’ l-attrazzjoni. Iżda din ta’ l-aħħar, naħseb jien, ftit tinteressa lill-monsinjur. Dwar dik ta’ Alla, Gauci jinsisti li ħadd ma jista’ jbiddilha, lanqas il-papa, il-kardinali jew l-isqfijiet.
X’tifhem, ħabib, bl-espressjoni "il-liġi ta’ Alla"? L-għaxar kmandamenti? L-iskrittura? It-tradizzjoni? Il-maġisterjum tal-knisja? Skond ir-reliġjon kattoliku, dawn mhux kollha aspetti tal-liġi ta’ Alla?
U la darba l-liġi ta’ Alla, kif tgħid int, qatt ma tinbidel, taf tgħidli x’ġara minn dawk li kielu zalzetta nhar ta’ Ġimgħa u spiċċaw fin-nirien ta’ l-infern? Għadhom hemm, monsinjur? U dawk it-tfal innoċenti li marru l-limbu li, skond dan il-papa preżenti, m’għadux jeżisti, issa fejn spiċċaw dawn l-innoċenti? Il-limbu ma kienx parti mit-tradizzjoni kattolika? Se tagħmlu apoloġija lil dawk il-ġenituri li tnikktu għax beżgħu li t-trabi tagħhom spiċċaw hemm? U dawk il-laburisti li dfintuhom fil-miżbla, għadhom l-infern?
Issa toqgħodx tiddistingwi bejn il-liġi ta’ Alla u dik tal-knisja. Eternità infern mhix ħaġa taċ-ċajt. Tużawx il-liġi ta’ Alla biex issawtu l-proxxmu. Ngħid għalija, nippreferi l-liġi umana għax din iktar ħanina mill-liġi ta’ Alla tagħkom, Alla tal-kartapesta.
DWAR L-ISKRITTURA
Skond Gauci, min jemmen f’Alla u fil-kelma Tiegħu (jew Tagħha) ma hemmx kwistjoni ta’ "żminijiet u ċirkostanzi differenti." M’hemmx bżonn napplikaw l-iskrittura għal żmenijietna. U ninsew l-iżviluppi xjentifiċi kollha li saru f’dawn l-aħħar elfejn sena. U nibqgħu nemmnu li d-dinja tagħna ċatta. U li d-dinja tagħna ċ-ċentru ta’ l-univers.
‘allina, monsinjur. Insejt x’qal fl-1996 il-papa Ġwanni Pawlu II fil-messaġġ tiegħu lill-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi dwar it-teorija ta’ l-evoluzzjoni: "In order to delineate the field of their own study, the exegete and the theologian must keep informed about the results achieved by the natural sciences" (Fiedler, M et al, Rome Has spoken: A Guide to forgotten papal statements, and How They Have Changed Through the Centuries, paġna 40). Lest tilqa’ l-isfida tal-Papa Ġwanni Pawlu II, monsinjur?
Fejn huma l-manuskritti oriġinali tal-Bibbja? Dawk li għandna huma traduzzjonijiet biss. U kulħadd igerfex! U kulħadd iżid! U kulħadd jinterpreta! Anke x-xitan jaf jikkwota l-Bibbja. Mhux hekk, monsinjur? U jekk il-Bibbja hi inkonsistenti, ta’ min hu t-tort, ngħid jien?
DWAR L-IMBERKIN SODOMA U GOMORRA
Ikompli l-kummiedji. Dejjem skond Caruana u Gauci, Alla farrak lil dawn iż-żewġt ibliet minħabba l-omosesswali prattikanti. Ara x’faqgħa ta’ bliet kienu fejn kważi kulħadd kien pufta jew lesbjana! Forsi minn hemm beda l-Mardi Gras!
U x’tgħidilha fuq il-kliem ta’ Eżekjel (16:49-50): "dan kien il-ħażen ta’ oħtok Sodoma: kburija, xaba’ ta’ ħobż u sliem bla ħsieb kellha hi u wliedha, id il-fqir u l-miskin ma weżnitx, u tkabbru u tagħmlu egħmil mistkerrah quddiemi, u warrabthom malli rajt (dan)."
U kif setgħu l-irġiel ta’ Sodoma kienu omosesswali meta Lot offrilhom iż-żewġt ibniet tiegħu (Ġenesi 19:8)? Lot miġnun? Omosesswali rġiel, irġiel iridu mhux bniet! Mela Sodoma u Gomorra kienet iktar dwar l-eterosesswali milli dwarna l-omosesswali.
U skond Luqa (17:28-29): "Hekk ukoll bħalma ġara fi żmien Lot: kienu jieklu u jixorbu, ibiegħu u jixtru, iħawlu u jibnu; imma dak in-nhar li ħareġ Lot minn Sodoma, kienet xita mis-sema tan-nar u kubrit li qered lil kulħadd." Forsi, ngħid jien, dawk li kienu jieklu u jixorbu, ibiegħu u jixtru, iħawlu u jibnu, kienu omosesswali!
U skond Mattew (10: 14-15): "Jekk xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax kliemkom, oħorġu min dik id-dar u minn dik il-belt u farfru t-trab ta’ riġlejkom. Ngħidilkom is-sewwa, li jkun eħfef f’jum il-ħaqq għal art Sodom u Gomorra, milli għal dik il-belt." U għalhekk ikollok tikkonkludi, monsinjur, li n-nuqqas ta’ ospitalità hu inqas gravi mis-"sodomija".
U jekk baqa’ żmien, monsinjur, ikkonsulta l-Mishnah li tgħid li d-dnub ta’ Sodoma kien dwar il-proprjetà.
Fejn ix-xitan daħħaltu f’raskom li d-dnubiet ta’ Sodoma u Gomorra kienu dawk tas-sodomija. U fl-aħħar mill-aħħar, is-sodomija mhix monopolju ta’ l-omosesswali. Igawduha wkoll l-eterosesswali. Atti sesswali huma atti sesswali tkun xi tkun l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Allura, monsinjur, għaliex ma tiffokax fuq l-atti u mhux fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ xi wħud li jidħlu għal dawn l-atti. Fejn huma l-ittri pastorali dwar is-sodomija bejn l-eterosesswali? Forsi tattakkawna għax aħna minoranza. Intkom imdorrijin tagħtu bis-sieq li min taħsbu li hu dgħajjef biex dejjem tidhru li qed tirbħu u biex tidhru iktar b’saħħitkom u ħelwin milli intkom.
Dwar il-miskin San Pawl li bħalek, monsinjur, qatt ma żżewweġ, ngħid hekk: San Pawl tkellem dwar ċerti atti sesswali f’kuntest ta’ żina. Mhux f’kuntest ta’ relazzjoni ta’ mħabba. San Pawl ma fehemx l-omosesswalità bħala orjentazzjoni sesswali imma biss bħala att. X’tistenna minn wieħed li ma tantx kien iħobb in-nisa? Aqra x’jgħid l-isqof John Shelby Spong fuq sieħbek San Pawl.
U dawn xi ħmerijiet huma? Tippriedka t-tolleranza lejn l-omosesswali? B’liema dritt tagħmel hekk, ħabib monsinjur? Mela int ikbar minn Alla? Insejt x’tordna l-iskrittura? L-iskrittura tordna l-mewt għar-raġel li għamel ma’ ieħor (Levitiku 20:13). Oqtol, monsinjur, għax hekk tordna l-iskrittura. Oqtol ukoll min jidgħi lil missieru u ommu (Levitiku 20: 9) u min jiżni ma’ mart għajru (Levitiku 20:10). Hekk tgħid l-iskrittura.
DWAR IT-TRADIZZJONI
X’tifhem b’"tradizzjoni"? Qrajt il-ktieb ta’ John Boswell? Kien hemm liturġija kattolika għal koppji omosesswali? U l-qaddisin Kosma u Damjanu kienu omosesswali? Xi tgħid dwar ir-relazzjoni bejn David u Jonathan? Taħseb li din kienet ta’ xeħta omosesswali (aqra 1 Sam 20:30)?
Ġesù approva relazzjonijiet omosesswali għax Ġesu qatt ma kkundannahom. Jew Ġesù Alla jew bniedem. Jekk nesa’ jitkellem dwar l-omosesswali li, skond kliemek, tant jagħmlu ħsara, ma kien Alla xejn għax Alla ma jinsiex.
U t-tradizzjoni ma tinbidilx, monsinjur? Ftit eżempji ta’ kemm int żbaljat.
Sa’ l-1866, il-Vatikan kien tal-fehma li ma kien hemm xejn ħażin fil-jasar ta’ xi bnedmin għax il-jasar, dejjem skond il-Vatikan, la kien kontra l-liġi divina u lanqas il-liġi naturali: "Slavery itself ... is not at all contrary to the natural and divine law" (Fiedler, bħal qabel, paġna 85).
Il-papa Piju IX (1866) u l-Kummissjoni Pontifikali tal-Bibbja (1909) opponew u kkundannaw it-teorijia ta’ l-evoluzzjoni għax din kienet kontra l-iskrittura u t-tradizzjoni. Issa, skond Joe Mizzi: "L-evoluzzjoni hi l-filosofija fundamentali ta’ religjonijiet bhal Buddizmu u l-Hinduizmu, kif ukoll tar-religjon moderna tal-punent, l-umanizmu sekulari. Darwin ta kredibiltà xjentifika lil din il-filosofija bil-pubblikazzjoni tal-ktieb The Origin of Species fl-1859." Alla veru ħoloq il-bniedem skond Ġenesi u d-dinja f’sitt ijiem, monsinjur?
U dwar il-libertà reliġjuża, Santu Wistin jgħid: "There is unjust persecution, which the impious commit against the Church of Christ, and there is just persecution, which the churches of Christ commit against the impious ... The Church persecutes out of love and the impious out of cruelty" (l-istess ktieb, 46). M’intkomx boloh?
"NITĦASSAR LIL GAUCI"
Titħassarx lill-omosesswali, monsinjur. Nitħassrek jien, ħabib, li wara snin twal fil-knisja qed turi l-limitazzjonijiet tiegħek preċiżament f’dawk il-ħwejjeġ li int tippretendi taf xi ħaġa.
U f’ġieħ il-ħaqq u s-sewwa, għaliex tikkwota biss dawk ix-xjenzati li għandhom rabta mal-knisja kattolika. Ma tafx li ZENIT hi magħmula minn professjonisti u voluntieri kattoliċi? X’tistenna minn riċerkatur li jippartjeni xi għaqda kattolika bħall-Catholic Medical Association? Mhix fil-kompetenza tal-knisja kattolika li tiddeċiedi jekk l-orjentazzjoni omosesswali hix marda jew le.
Issa ippermettili nfakkrek x’tgħid il-liġi ta’ Alla. Alla tiegħek qabad u sabbat it-trabi ta’ Babel mal-blat (Salmi 137, 7-9). Skond Alla tiegħek, kull mara li titlob jew tipprofetizza b’rasha mikxufa tagħmel għajb lil rasha (1 Korintin 5). Alla tiegħek ordna li l-mara għandu jkollha fuq rasha sinjal tal-jedd (tar-raġel) minħabba l-anġli (1 Korintin 11). Alla Tiegħek ikompli għaddej bil-ħmerijiet: in-nisa għandhom jibqgħu siekta fil-ġemgħat (1 Korintin 34). Skond Alla, jekk mara trid titgħallem xi ħaġa għandha tistaqsi lil żewġha (1 Korintin 35). Allura, monsinjur, taħseb li l-gvern ta’ Gonzi għandu jippermetti n-nisa jmorru l-università? U x’nambu iktar nisa avukati u nisa tobba jew nisa politikanti, monsinjur? Professjonijiet mingħajr nisa. L-istess kwadru kif insibu fil-ġerarkija kattolika. B’kull rispett, monsinjur, nies li jinterpretaw l-iskrittura litteralment iwaqqgħu l-istess skrittura għan-nejk. Nies bħal dawn għadhom jgħixu fid-dawl bati tal-lampa tal-pitrolju!
U issa li int tant tħobb il-liġi ta’ Alla, taf tgħidli għaliex isejħulek "Fr" meta Gesu stess ordna li ħadd m’għandu jissejjaħ "missier" għax wieħed hu l-Imgħallem u wieħed il-Missier (Mattew 23:8-10)? U fejn Alla ordnalek tilbes żraben bil-bokkli, faxex ħomor u mitri sbieħ? Komplu għawġu l-liġi ta’ Alla kif jaqbilkom.
Il-paċi miegħek.
No comments:
Post a Comment