Wednesday, 3 September 2008

Leħen is-Sewwa: Tifhimhom, tagħdirhom, imma…..

Sibt, 30 ta’ Awwissu, 2008; Minn Mons Anton Gauci

F’ġurnali kattoliċi f’pajjiżna, tant bil-Malti kemm bl-Ingliż u ta’ kull kulur, spiss insibu artikli u intervisti b’rabta mal-omosesswalità. ‘ħafna drabi, miktuba minn bnedmin milquta personalment f’dan il-qasam, tant irġiel kemm nisa. U, ħafna drabi wkoll, bi kritika għat-tagħlim u l-atteġġjament tal-Knisja magħhom.

Trid tifhimhom lil dawn ħutna u trid tagħdirhom. Xejn kundanni kontra dan jew dak, din jew dik. Imma l-Knisja sa hawnhekk tista’ tasal, għax fin-nofs hemm il-liġi t’Alla, li fuqha l-istess Knisja ma għandha l-ebda setgħa.
Mhux f’Malta biss U ara ma naħsbux li huwa f’Malta biss li dawn ħutna jsemmgħu leħinhom! Anki f’pajjiżi oħra, bħal l-Amerika, l-Ingilterra, l-Italja, Israel u x’naf jien.
Daqqa b’kitba u daqqa bi protesti u marċijiet pubbliċi. Ftit xhur ilu, fl-Istati Uniti, ma kellux inkwiet bi ftit l-Arċisqof ta’ l-Arċidjoċesi ta’ San Pawl u Minneapolis minħabba din il-kwistjoni
tal-omosesswalità! Sa velja pro-omosesswali kellu barra mill-katidral, imsejħa "Velja għas-Solidarjetà", bi protesta kontra t-tagħlim kattoliku infallibbli fuq is-sesswalità umana. Din seħħet peress li l-Arċisqof John Nienstedt kien ta dan it-tagħlim fir-rivista djoċesana "The Catholic Spirit".
L-omosesswali huma rrabjati kontra t-tagħlim kostanti tal-Knisja dwar atti omosesswali. L-Arċisqof kiteb hekk: "Dawk li attivament jinkoraġġixxu jew jippromwovu atti omosesswali ikunu qegħdin formalment jikkoperaw f’ħażen kbir u, jekk ikunu jafu u jagħmluh minn jeddhom, huma ħatja ta’ dnub mejjet.
Huma kisru l-għaqda mal-Knisja u ma jistgħux jitqarbni sakemm ma jkollhomx konverżjoni tal-qalb, juru sogħba għal egħmilhom u jirċievu l-assoluzzjoni sagramentali minn saċerdot".
L-Arċisqof ġie akkużat mill-hekk imsejħa progressiv Catholics, li qalu li l-Arċisqof hu nieqes mill-ħniena. Artiklu fi-Minneapolis Star Tribune qal li n-nies ta’ Minneapolis kienu ġeneralment irrabjati għax l-Arċisqof irrifjuta li "jilwi" (bend) it-tagħlim tal-Knisja biex jakkomoda stil ta’ ħajja
omosesswali.

Ma tistax
Għal elfejn sena r-reliġjonijiet tad-dinja żammew l-atti omosesswali bħala oġġettivament immorali. L-omosesswalità mhix xi ħaġa ġdida. Għandna records dwarha sa minn żmien Abram. Sas-sena 1972 l-American Psychological Association inkludiet l-omosesswalità f’dak li sejħet Diagnostic and Statistical Manuel of Mental Disorders. U sentejn ilu l-Kungress Amerikan
stqarr li l-omosesswali jistgħu jservu fil-militar jekk iżommu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom privata u ma jieħdux parti f’attività omosesswali.
F’intervista mal-ġurnal Chicago Tribune fis-sena 2007 il-Ġeneral Peter Pace, Chairman tal-Joint Chiefs of Staff, ammetta li dak li l-Kristjaneżmu u l-Ġudajiżmu dejjem għallmu huwa prinċipju morali mhux negozjabbli. Mhux possibli li jingħalaq ħalq il-Papiet, l-Isqfijiet jew anki l-Catholic
Medical Association f’dan il-qasam. F’intervista li ta lir-rivista Zenit, Dr Rick Fitzgibbons tas-CMA qal li "żgħażagħ gay, lesbjani u bisesswali jinstabu f’riskju mkabbar ta’ diżordni psikjatriku u ta’ mġieba suwiċidjali" u dan skond studji li dehru fl-"American Medical Association’s Archives of General Psychiatry".

Il-Knisja
Meta kien għadu l-Kardinal Joseph Ratzinger, il-Papa Benedittu XVI, f’ittra lill-isqfijiet Kattoliċi dwar il-pastorali ma’ l-omosesswali, fakkar li l-Appostlu San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin 6,9, iniżżel lil dawk li jgħixu ħajja attivament omosesswali, fost dawk li ma jidħlux fir-Renju
t’Alla. L-istess Kardinal Ratzinger ifakkar ukoll li, fl-Ittra lir-Rumani 1, 18-32, San Pawl iniżżel l-attività omosesswali bħala eżempju ta’ għama li waqa’ fuq l-umanità. Ifakkar ukoll li, fl-Ewwel Ittra lil Timotju 1,10, San Pawl espliċitament iniżżel lil min jikkommetti atti omosesswali bħala midneb’.
Imbagħad Ratzinger jikteb li min jieħu parti f’atti omosesswali ikun qed iġib ruħu immoralment.
F’dan il-qasam, il-Knisja għandha jdejha marbuta b’dak li jingħad fl-Iskrittura Mqaddsa. U la l-Papa u lanqas l-isqfijiet ma jistgħu jbiddluh.
Huwa għalhekk li, fin-numru 2357 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, naqraw dan il-kliem: "Fuq il-bażi tal-Iskrittura, li turi l-omosesswalità bħala għemil mill-aktar ħażin (ara Ġen. 19, 1-29; Rum 1, 24-27, 1 Kor. 6, 10:1 Tim 1.10), it-Tradizzjoni dejjem għallmet li "kull għemil omosesswali hu fih innifsu diżordinat. Hu għemil kontra l-liġi naturali. Jagħlaq l-att sesswali
għall-għoti tal-ħajja. Ma jiġix minn komplementarjetà affettiva u minn sesswalità vera. Ma jistax jiġi approvat għall-ebda raġuni.
Il-Knisja tiddistingwi bejn tieħu sehem f’atti omosesswali u jkollok inklinazzjoni omosesswali. Ta’ l-ewwel hija dejjem oġġettivament dnub, fil-waqt li tat-tieni mhix. Mela l-problema mhix mal-Papa jew ma’ l-Isqfijiet li jgħallmu, imma ma’ l-istess Teoloġija Morali Kattolika. Dawn
kellhom bżonn jifhmu dawk li huma milquta personalment u dak li jżommuha ta’ kattoliċi progressivi’.
Il-ħażin u t-tajjeb ma jiddeterminawhx il-Papiet u l-Isqfijiet. Dawn bilfors iridu jgħallmu dak li ddetermina Alla. Xejn iżjed u xejn inqas. M’għandhom ebda setgħa li jmorru kontra, lanqas biex isalvaw id-dinja kollha. Jekk iġibu ruħhom xort’oħra, ikunu sempliċiment fost dawk li Swor Luċija ta’ Fatima sejħet "djabolikament diżorjentali".
Mela tifhem, iva, u tagħder. Tagħder lill-bnedmin, mhux l-imġiba ħażina fiha nfisha. Ma toqgħodx tagħmilha ta’ mħallef u tikkundanna. Imma lanqas tista’ tbiddel il-liġi t’Alla. Il-Knisja m’għandha ebda setgħa li tagħmel dan. Nerġa’ ngħid li lanqas biex issalva d-dinja kollha. Kif ikkwota l-Katekiżmu, anki fil-Ktieb tal-Ġenesi 19, 1-29 l-Iskrittura turi ċar li Alla ma jridx atti omosesswali u li dawn huma għemil ta’ depravità gravi.

Nota minn P. Attard
Ir-reazzjoni tiegħi fuq dan il-kliem tista' taqraha [hawn] jew [hawn].

Nota minn Mario Gerada fuq Sodom
"The crime of your sister Sodom was pride, gluttony, calm complacency; such were hers and her daughters' crimes. They never helped the poor and needy; they were proud, and engaged in loathsome practices before me, and so I swept them away as you have seen."
Ezekiel 16: 49-50

2 comments:

  1. Lil Mons Gauci.

    Minn kliemek huwa evidenti li m'ghandek l-ebda hjiel fuq is-suggett li ddecidejt tikteb erba' kelmiet dwaru. Din hi xi haga pjuttost komuni fost membri tal-knisja, li jifthu halqhom fuq realtajiet umani bi hsibijiet bbazati biss fuq dak li tghid "l-iskrittura" u minghajr l-ebda prova xjentifika ohra.

    Il-fatt li int issejjah lill-persuni gay bhala "milquta” mill-omosesswalita` fl-ewwel paragrafu tieghek, juri kemm ma tafx fuq hiex qed titkellem, u li l-argumenti tieghek saru biss biex jigu msahha, b'xi mod, it-tezijiet mhawda tal-knisja dwar persuni gay.

    Ghall-kuntrarju ta’ li ktibt int, persuni gay m'huma "milquta" b'xejn. Is-sesswalita` in generali (mhux l-omosesswalita` biss) hija attribut ta' kull persuna bhala individwu u ghandha titqies bhala don, mhux bhal xi sehta jew dizgrazzja, kif kliemek qisu jimplika. L-unika haga li l-persuni gay huma milquta biha hija l-omofobija u l-kliem mimli njoranza u mibgheda sottili li biha s-socjeta` ta’ madwarna u tista’ tghid ir-rapprezentanti kollha tal-knisja jitkellmu biha fuq is-suggett.

    L-uzu ta’ frazijiet bhal “il-kwistjoni tal-omosesswalita`” juru kemm inti maqtugh mir-realta`. L-omosesswalita` mhix kwistjoni, hsieb, idea jew xi delizzju. Lanqas ma hi “stil ta’ hajja” kif ukoll sejjahtilha. Bhal persuni eterosesswali li jsibu l-milja taghhom f’relazzjoni ta’ mhabba ma’ persuna tas-sess oppost, daqstant iehor jaghmlu persuni omosesswali, izda r-relazzjoni tkun ma’ persuna ta’ l-istess sess.

    Bhal bosta persuni ohra fil-knisja, int tghid li l-knisja trid "tghader u tifhem" lill-persuni gay. M'ghandux ikun hemm kundanni, tfakkarna. Hawn fejn tibda r-retorika li xbajna nisimghu.

    L-ebda persuna gay m'hi qed tistenna li tigi mghadra u mifhuma mill-knisja. L-istqarrijiet li johorgu mill-knisja minn zmien ghal zmien jindikaw li l-knisja mhix lesta li taccetta veritajiet godda, semplicement ghax "l-iskrittura" taghkom, miktuba eluf ta' snin ilu, dak iz-zmien ma qablitx maghhom.

    Inti tikkwota lill-gurnal tal-Catholic Medical Association fejn jintqal li persuni gay "jinstabu f'riskju mkabbar ta' diżordni psikjatriku u ta' mġieba suwiċidjali". Niskanta kif inti tahseb li din l-istatistika qieghda b’xi mod issahhah l-argumenti tieghek.

    Izda tghidlix li inti sorpriz b'din l-ahbar! Kemm iktar il-knisja trid iddum ixxandar gideb fuq persuni gay? Kemm iktar ghandha tibqa' tghid li atti ta' mhabba bejn persuni gay huma, kif tghid inti stess iktar 'l isfel fil-kitba tieghek "oggettivament immorali"? Kemm iktar trid tibqa' tindahal lill-gvernijiet biex ma jaghtux drittijiet ugwali ghal koppji gay biex jigu regolarizzati r-relazzjonijiet taghhom? Kemm iktar ghandha tibqa' thawwad mohh genituri ta' persuni gay u iggielhom jahsbu li wliedhom huma morda u li l-imhabba taghhom lejn persuna ohra tal-istess sess hija mmorali?

    Tahseb li dan il-gideb u t-tfiegh ta' tajn fuq minoranza diga' storikament oppressa ma jkollux effett fuq il-hsibijiet ta' zghazagh gay li jibdew jahsbu li s-sesswalita` taghhom hi xi haga pervertita, ghax dak ikun li sammritilhom f'mohhhom il-knisja?

    Qatt smajt b’Matthew Shepard? Qed nassumi li le. Mela Matthew Shepard kien guvni ta’ madwar 18-il sena jghix fl-istat tal-Wyoming, fl-Amerka. Qed nikkonjuga l-verbi fil-passat ghax tieghu mhix storja li se tispicca sabih. Kien l-1998, u darba wahda, Matthew inghata lift bil-karozza minn zewg guvintur. X’hin sabu ruhhom ‘il boghod min-nies, iz-zewg guvintur hargu lil Matthew mill-karozza, faqghulu wiccu bid-daqqiet ta sieq u ta’ ponn, rabtuh ma xatba, u hallewh ghal mejjet. Minflok lift ghad-dar, Matthew inghata lift ghad-dinja l-ohra. Dan kollu ghax Matthew kien gay, u z-zewg zghazagh l-ohra kienu kibru bit-tghalim li persuni gay huma persuni orribbli, u dan kien dak li baqghu jishqu anke wara li gew akkuzati bil-qtil. Matthew instab l-ghada filghodu minn ciklist li nserta kien ghaddej minn hemm u mill-forma li biha kien imsallab, ghall-ewwel hasbu scarecrow.

    Il-misthija tal-affari hi li sacerdot min-North Carolina, ftit wara dak li kien gara kien ikkwota l-bibbja u sahaq quddiem dawk prezenti li meta xi hadd joqtol persuna gay, id-demm mhux fuq min qatel, izda fuq il-persuna gay, ghax “atti omosesswali” huma abominevoli quddiem alla. Kompla jghid li kliem alla - jew kliem alla kif jinterpretah hu, ippermettili nzid - huwa mmutabbli u ma jistax jibdlu l-bniedem.

    Il-genituri ta’ Matthew, milquta minn tragedja bhal din, fethu www.matthewshepard.org. Nistiednek taghti titwila.

    Nistiednek tirrealizza wkoll li ninsabu fl-2008. Kwotazzjonijiet bl-addocc mill-"iskrittura" jinfluenzaw biss lil nies li mhux kapaci jfittxu u jsaqsu ghalihom infushom. Ma ninsewx, tridx, dak li t-tghalim tal-knisja gab fuq persuni ohra lura fis-snin. Bhal meta Galileo Galilei gie mgieghel iqatta' l-bqija ta' hajtu go priguni ghax hareg bit-teorija stramba li kienet id-dinja li ddur max-xemx u mhux bil-kontra! Il-papa gharef taz-zmien sahaq li dawn l-iskoperti jmorru kontra t-tghalim tal-knisja u ddecieda li Galileo kien qed jaghmel sagrilegg meta tkellem fuq dak li kien sab.

    Mur ghidlu 'l Galileo li kellu ragun hu - li l-kwotazzjonijiet mill-bibbji kollha tad-dinja ma kellhom l-ebda relevanza meta mqabbla mal-iskoperti xjentifici! U kellhom jghaddu 500 sena sabiex il-knisja talbet skuza ghall-ghemil taghha! Ghax kif tghid int, “il-Knisja għandha jdejha marbuta b’dak li jingħad fl-Iskrittura Mqaddsa.” U dak li tghid l-“iskrittura” qatt m’ghandu jigi ezaminat biex wiehed jara hux applikabbli ghal-lum, hux hekk? Inti tista’ temmen li l-“iskrittura” hija nfallibli, izda tkun qed taghmel zball gravi jekk temmen li l-mod kif inti jew persuni ohra jifhmu l-“iskrittura” huwa nfallibli. Tinsiex ukoll li l-bibbja mhux ktieb dwar is-sesswalita` umana, bl-istess mod kif ma kienx ktieb dwar l-astronomija fi zmien Galileo. Jekk xejn, il-bibbja huwa ktieb dwar alla.

    Mill-qalb qed nispera li inti ma taqbilx ma versi ohra mill-bibbja, mehuda bl-addocc kif inti hadt tieghek, bhal Deut 22:13-21, Deut 22:22, Mark 12:18-27, Deut 25:11-12 u bosta ohrajn.
    Xtaqt ukoll inkun naf, meta int issejjah lill-“atti omosesswali” bhala “oggettivament dnub”, din l-oggettivita` minn fejn giet? Oggettivament skont min? Jekk xi had jghid li dak li ktibt int fuq is-suggett int huwa “oggettivament zbaljat”, xi tghidlu? Inti sibt xi siltiet mill-“iskrittura” u donnok qed tintrabat maghhom – kull ma tghid u tahseb fuq is-suggett hu marbut ma’ dawk is-siltiet. Il-fatt li forsi m’ghadhomx applikabbli ghal-lum, jew li meta ntqalu setghu fissru hag’ohra qisu mhux qed jghaddilek minn mohhok.

    Mons Gauci, tista' ddawwar wiccek in-naha l-ohra jekk tara koppja gay ghaddejja id f'id fit-triq, tista' tikteb fuq id-dizgust ripunjanti li thoss jekk tarahom ibusu lil xulxin. Hossok liberu li tikkwotalhom bl-addocc mill-"iskritturi" tieghek u tghidilhom li qed jghixu fil-hazen. Tista' terga' tikkwotalhom lil Swor Lucija u tghidilhom li huma "djabolikament diżorjentati".

    Kliem il-knisja qajla se jxekkel l-imhabba ta’ bejn dawk it-tnejn.

    Emminni. Hossok liberu.

    ReplyDelete
  2. Interessanti li l-istindi suwiċidjali fost nies gay huma akbar fost komunitajiet kristjani skond studju fl-Amerka - forsi għax il-knisja Kattolika iġġgielhom jogħbodu lilhom infushom.

    Il-kumment ta' qabel hu għaqli ħafna u kien miktub minn bernard li hu ukoll membru validissimu tal-kumitat tal-malta gay rights movement kif ukoll l-editur tal-ġurnal online Alegre.
    (http://www.maltagayrights.net/node/13 )

    ReplyDelete