Monday, 4 August 2008

L-Orizzont: La mara … tiżżewweġ raġel

Dan l-artiklu mhux fuq is-sit http://www.l-orizzont.com s'issa.
2.8.8

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti esprima l-appoġġ tiegħu lil Joanne Cassar, il-persuna li minkejja li llum hija rikonoxxuta bħala mara, s'issa ma tħallietx tiżżewweġ raġel.

Wara li fil-jiem li għaddew Cassar ħadet il-każ tagħha fil-Qorti Kostituzzjonali, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ħass li għandu jesprimi l-appoġġ tiegħu lejn din il-kawża ġusta.

"Nemmnu li persuna rikonoxxuta bħala mara, dan wara li għamlet 'gender reassignment' u b'hekk assumiet is-sess femminili b'mod irriversibbli, għandha kull jedd li tiżżewweġ ċivilment raġel. Qegħdin nieħdu din il-pożizzjoni mhux għax nemmnu li neċesarjament irridu nagħmlu bħal pajjiżi oħrajn, iżda għax aħna konvinti li f'dan l-istadju huwa sempliċiment dritt ta' din il-mara li tiżżewweġ raġel. Xejn iktar u xejn inqas", qal il-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Waqt li qal li f'dan l-istadju għamilha ċara li din hija biss il-pożizzjoni uffiċjai tiegħu, il-Forum Żgħażagħ Laburisti esprima t-tama li l-każ inkwistjoni jkun riżolt b'mod sodisfaċenti f'pajjiżna u ma jkunx hemm għalfejn jitla' quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex Joanne tkun tista' tiżżewweġ persuna tas-sess oppost tagħha f'pajjiżna.

Ta' min jgħid li anke Alternattiva Demokratika, permezz tal-kelliem uffiċjali tagħha għall-affarijiet li jolqtu mill-qrib persuni LGBT, l-Inġinier Patrick Attard, ukoll kienet esprimiet id-diżappunt tagħha għall-umiljazzjoni li qed ikollha ssofri Joanne Cassar, li wara l-intervent kirurgu magħruf bħala 'sex-reassignment', mhix qiegħda titħalla li tiżżewweġ.

F'isem Alternattiva Demokratika, l-Inġinier Attard esprima s-simpatija, l-appoġġ u l-akbar solidarjetà ma' Joanne Cassar u appella lill-iStat biex tassew jirrikonoxxi għal kollox l-identità ta' persuni bħalha.

"Alternattiva Demokratika tisħaq għall-introduzzjoni ta' sħubija ċivili bejn persuni ta' l-istess sess. Il-liġijiet tagħna għandhom jirriflettu r-realtà attwali u jagħtu rikonoxximent legali lil persuni li huma kommessi għal xulxin. Persuni adulti għandhom jitħallew liberi li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, u l-iStat m'għandux ikompli jgħid lin-nies x'għandhom jagħmlu f'materji daqstant intimi u personali", saħaq Patrick Attard.

Huwa esprima wkoll it-tama li fl-aħħar jirbaħ is-sens komun u jipprevali l-umaniżmu, kif ukoll li l-iStat iħalli lil din il-mara, li kellha ssofri ħafna biex tkun dik li hi, tiżżewweġ lill-persuna li hi tħobb. "Alternattiva Demokratika tħoss li f'dan il-każ, ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet kien insensittiv għall-aħħar", temm jgħid il-kelliem ta' AD għall-affarijiet li jolqtu lil persuni LGBT.

No comments:

Post a Comment