Monday, 25 August 2008

L-Orizzont: Rapport li se jintuża bħala bażi għal liġi Ewropea

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=46800
23.8.8; minn Victor Vella

Rapport li ħareġ mill-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (FRA), qiegħed jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-komunità ta’ omosesswali f’Malta. Dan hekk kif l-istess rapport isejjaħ biex ikun hemm regoli għall-pajjiżi Ewropej li ma jagħmlux differenzi bejn żwiġijiet tradizzjonali u dawk bejn persuni ta’ l-istess sess.

Din l-istess aġenzija fir-rapport tagħha qiegħda tirrakkomanda li għandha tingħata spinta l-promozzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta ma’ l-omosesswalità u identitajiet oħrajn. Ir-rapport jitlob ukoll li l-omofobija tiġi dikjarata bħala reat kriminali permezz ta’ leġislazzjoni.

Ir-rapport inkiteb minn grupp imsejjaħ ‘FRALEX’. Il-Parlament Ewropew talab lill-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem (FRA) biex tħejji opinjoni għal liġi ġdida Ewropea, biex finalment tkun projbita d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali fl-impjiegi, l-edukazzjoni, sigurtà soċjali, saħħa, u aċċess għal servizzi.

Bħalissa l-liġijiet Ewropej jestendu protezzjoni fuq orjentazzjoni sesswali fil-qasam tal-impjiegi, waqt li tħalli l-oqsma l-oħrajn suġġetti għal-leġislazzjoni nazzjonali.

Ir-rapport li fih 165 paġna imur lil hinn mid-direttiva proposta. Tant li fih analiżi tal-possibilitajiet tal-liġijiet Ewropej u tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea li qegħdin jew jistgħu jkunu qegħdin jiddiskriminaw kontra l-omosesswali. Dawn jinkludu liġijiet fil-qasam tal-impjiegi, fil-moviment ħieles tal-persuni, fil-qasam tar-refuġjati, riunifikazzjoni tal-familji u fil-liġi kriminali.

Ir-rapport mill-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem (FRA), jargumenta li l-liġijiet Ewropej għandhom jisfurzaw lill-istati membri, li fihom m’hemm ebda leġislazzjoni li tippermetti żwieġ bejn koppji omosesswali, biex titratta lil dawn il-persuni li jkunu f’arranġament simili bħala koppji miżżewġin.

L-estensjoni ta’ privileġġi għall-koppji omosesswali hu ġustifikat fir-rapport minħabba l-prinċipju fundamenti tal-UE fosthom dak ta’ trattament ugwali. Koppji omosesswali f’Malta f’kummenti lil l-orizzont qalu li “la koppja omosesswali ma tistax tiżżewweġ, tispiċċa li jekk wieħed ikun f’relazzjoni u jmut, is-sieħeb l-ieħor mhux intitolat għall-leave li koppji tradizzjonali huma intitolati għalih. Anke fejn jidħol il-wirt ta’ dik il-koppja omosesswali, is-sieħeb li jibqa’ ħaj ma jiritx l-assi jew id-dar jekk ma jkunx hemm testment. Fejn jidħol id-dejn, il-fatt li m’għandniex dritt legali li niżżewġu, iwassal biex ikun baqa’ ħaj ma jkollux responsabbiltà tad-dejn li tkun għamlet il-koppja. Fejn jidħol il-leave mediku biex nieħdu ħsieb membru tal-familja li jkun marid serjament, naraw li dan ukoll m’aħniex intitolati għalih”.

L-istess persuni qalulna li “fejn jidħol il-qasam tad-djar, skemi miftuħin għall-persuni miżżewġin jew inċentivi għalihom, għalina ma jgħoddux. Nistgħu napplikaw għal ċertu skemi, imma hemm ħafna każi fejn diversi allegaw li twarrbu sempliċiment għax huma omosesswali. Fuq l-immigrazzjoni hawn sitwazzjoni kerha ħafna. Is-sieħeb ta’ persuna omosesswali ma jitħalliex jingħaqad mas-sieħeb tiegħu ma jitħalliex jgħix f’Malta sempliċiment għax għandu sieħeb Malti. Dan meta fil-każ ta’ koppji tradizzjonali, dawn għandhom id-dritt li dak li jkun ġej minn pajjiż ieħor jingħata l-permess li jgħix f’pajjiżna u jrabbi l-familja”.

Jenfasizzaw li “koppji omosesswali ma jistax ikollhom assigurazzjoni konġunta fuq id-dar jew fuq il-karozza. Fuq il-postijiet tax-xogħol, is-sidien ġieli jispiċċaw jagħmlu assigurazzjoni lill-ħaddiema u l-familja tiegħu kollha f’każ ta’ familja tradizzjonali. Hemm ukoll il-każ tat-taxxi, fejn ma nistgħux ingawdu minn benefiċċji soċjali diretti għall-familji”.

No comments:

Post a Comment