Monday, 4 March 2013

iNews Malta: Kliem Gonzi jweġġa’ lil Joanne Cassar… tgħidlu “Shame on You”

http://www.inewsmalta.com/dart/20130301-kliem-gonzi-jwe-lil-joanne-cassar-tg-idlu-shame-on-you
14:17 | 01.03.2013



Il-każ ta’ Joanne Cassar, persuna transgender li l-istat Malti rrifjutalha d-dritt li tiżżewweġ illum qiegħed quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Joanne Cassar vs Malta jaqra l-isem tal-każ.

Fl-2006, Joanne Cassar, flimkien ma' dak li kien l-għarus tagħha applikaw biex jinħarġulhom it-tnedijiet taż-żwieġ mir-Reġistratur taż-Żwiġijiet. Dawn ma nħarġux minkejja li Cassar kienet għamlet operazzjoni fejn bidlet is-sess tagħha. Fil-fatt, riżultat ta’ din l-operazzjoni hija setgħet tibdel is-sess tagħha minn fuq il-karta tal-identità u ċ-ċertifikat tat-twelid.

Kien fl-2007 li Joanne Cassar rebħet kawża ċivili fejn il-qorti tat ordni lir-Reġistratur taż-Żwiġijiet biex joħroġ it-tneddijiet. Iżda, l-istat Malti appella u din il-kawża kienet revokata f'appell f'Mejju 2008.

Cassar fetħet kawża quddiem il-Qorti Kostituzjonali Maltija fejn mill-ġdid ingħatat raġun. Iżda, din is-sentenza mill-ġdid reġgħet ġiet revokata wara appell fl-2011.

Imħeġġa mill-komunità gay u transgender f’pajjiżna u lil hinn minnu Cassar fetħet kawża fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Anke jekk sforz tal-proċess legali fit-tul u diffiċli Cassar kienet tilfet lil għarus tagħha hija baqgħet tinsisti dwar id-dritt tagħha li tiżżewweġ.

Wara li għaddiet minn dan kollu lbieraħ Joanne ma felħitx tisma' d-diskors tal-Prim Ministru li qal li fil-leġislatura li jmiss idaħħal liġi għall-persuna transesswali. Dan wara li l-istat Malti iġġieled kontra d-drittijiet tagħha sal-aħħar mument. Muġugħa b’dan kollu kitbet hekk: “Dr Gonzi, jiddispjaċini ħafna fuq li smajt il-bieraħ wara dak kollu li għaddejtuni minnu f'dawn l-aħħar seba' snin.”

Qaltlu kif jista’ issa jgħid li se jgħin persuna transesswali wara li ċaħduha mid-drittijiet tagħha. “Intom stess għidtu ‘lbierah li kif tinqata’ l-kawża jkollkom taċċettawha bilfors fil-parlament. Mela għalfejn lili ħalejtuni ngħaddi minn dan il-martirju kollu. Kissirtuni… mentalment, moralment u finanzjarjament. Shame on you Dr. Gonzi,” kitbet bi kliem iebes Joanne li qalet kemm xtaqet li tkun hi li tintervistah.

“Nippreżentalek seba' snin karti mill-qorti ħa tkun taf mil-liema martijrju għaddejtuni u issa li ġejja l-elezzjoni ħa tipprovaw iġagħlu n-nies jemmnu li intom kontu warajja. Int għadek il-Prim Mintistru, għamilli karta bil-miktub li tagħtini d-dritt tal-bniedem,” iżżid tikteb.

Hawn Cassar titkellem dwar kif hi kienet dejjem nazzjonalista. “Kont nazzjonalista u kont nemmen ħafna fikom u dejjem lilkom ivvutajt imma issa daqshekk. Issa nistennew mill-Ewropa ha naraw kif ħa tinqata’. Jiddispjaċini ħafna li kelli ndur kontra l-partit tiegħi u nara l-karti fil-qorti Ewropea Joanne Cassar vs Malta. Tal-mistħija,” temmet tgħid imweġġa’ Joanne Cassar.

No comments:

Post a Comment