John Pisani | 19:47 | 28.02.2013
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ta x’jifhem li anke hu se jibda jirċievi ċekk fis-sena bħalma qed jirċievu residenti li joqogħdu fl-inħawi tal-impjant ta’ riċiklaġġ f’Wied il-Għajn.
F’attività bit-tema “Int u l-Prim Ministru” li saret illejla f’Ħal Għargħur, Lawrence Gonzi kien intervistat mill-personalità televiżiva u stilista tax-xagħar Celine. Hija staqsietu jekk iċ-ċekk li rċeviet, peress li hi toqgħod Wied il-Għajn, kienx xi ħaġa ta’ qabel l-elezzjoni. Fir-risposta tiegħu Dr Gonzi qal – “le dak se nibdew nirċievuh kull sena” u dan għax anke hu joqgħod fl-istess inħawi.
Intant, uħud li għamlu kuntatt magħna ddejqithom l-introduzzjoni u l-għeluq li għamel il-preżentatur Jean Paul Micallef meta qal li l-PN huwa partit inklussiv u kien għalhekk li stieden lil Celine, persuna Transgender, biex tintervista lill-Prim Ministru. Dawk li tkellmu magħna qalulna li kieku l-PN ried juri li jaċċetta lil kulħadd Micallef ma kellux għalfejn jemfasizza li stiednu lil Celine meta qal li huma jaċċettaw persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti. Huma qalulna li seta’ ma qal xejn u ntorduċa lil Celine bħala persuna daqs l-oħrajn u mhux emfasizza li hi differenti.
Anke l-istess Prim Ministru tkellem dwar dan u qal li f’pajjiżna hemm bżonn liġi li titrattat il-bżonnijiet tat-transgender. Kienet Celine li qalet li kien id-Deputat Laburista Evarist Bartolo li ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament dwar it-transgender, xi ħaġa li Gonzi kkonferma. Huwa qal li din il-liġi m’għadditx mill-Parlament minħabba dak li nqala’ fl-aħħar sena iżda wiegħed li din il-liġi tiġi diskussa f’leġislatura ġdida.
No comments:
Post a Comment