http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1=%27Ahbarijiet%27&ID2=86181
8.2.2012
Fi stqarrija li ngħatat b'urġenza lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li ta struzzjonijiet lill-Ministru tal-Ġustizzja Chris Said biex iniedi proċess ta' konsultazzjoni biex jaraw jekk hemmx possibbiltà li l-pieni fuq reati ta' mibgħeda jiħraxu.
Dr Gonzi qal li ħa din l-azzjoni wara li f'inqas minn tliet ġimgħat seħħew żewġ attakki omofobiċi. Il-Prim Ministru qal li dan il-proċess għandu jara jekk hemmx possibiltà biex jiħraxu l-liġijiet li jipprevenju reati ta' mibegħda.
Minkejja li l-ġurnalisti kienu msejħin Kastilja għal konferenza tal-aħbarijiet urġenti, fil-fatt ma kinitx konferenza tal-aħbarijiet u bħalma jagħmel issoltu, Lawrence Gonzi ma rrispondiex għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Huwa qal li din l-azzjoni ttieħdet fid-dawl tal-aħħar żewġ reati li seħħew, fejn tfajliet ġew aggrediti minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
"Dawn ir-reati ta' mibgħeda huma reati omofobiċi, immotivati mis-sesswalità tal-persuni kkonċernati," qal Gonzi. Tliet ġimgħat ilu fil-Ħamrun żewġ tfajliet kienu attakati minn żewġ ġuvintur allegatament minħabba li t-tfajliet huma lesbjani. Waħda mit-tfajliet sofriet ġrieħi gravi u kellha bżonn il-kura medika.
It-tieni każ seħħ nhar il-Ġimgħa għadda, żewġ tfajliet oħrajn bl-istess orjentazzjoni sesswali sfaw aggrediti minn xufier tal-Arriva wara li kienu qegħdin jitgħanqu fil-karozza tal-linja. Dawn sfaw aggrediditi minn xufier li dak il-ħin ma kienx xogħol u li nzerta kien fuq ix-xarabank. Il-kumpanija Arriva keċċiet lil dan l-impjegat u tressaq il-Qorti b'urġenza.
Id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru saru wara l-kundanna tal-MGRM kif ukoll tal-LGBT Labour. Ilbieraħ il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ikkundanna bla riżervi kull forma ta' diskriminazzjoni omofobika.
No comments:
Post a Comment