http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2012/FLIMKIEN/Flimkien_Frar.pdf
Frar 2012, Numru 87, pġ 9, minn Ftaħt Għajnejja
Iltqajt ma’ persuna … mimlija sentimenti sbieħ, b’qalb li taf tħobb, edukata, b’ħajja mimlija valuri u b’potenzjal kbir; persuna li tieħu gost tkun magħha. U skoprejt li din il-persuna hi … gay.
U ħassejtni nistħi minni nnifsi. Ħassejt sens ta’ ħtija talli ħsibt li kelli d-dritt niġġudika, nikkundanna u nwaqqa’ għaċ-ċajt lil persuni gay, u talli npoġġi lil kulħadd fl-istess keffa.
Qed ngħid hekk għax kont naħseb li kull persuna omosesswali kienet rappreżentata
biss fil-parati tal-gay pride u f’dak li hu pervers, u nsejt li anki l-eterosesswali (dawk li mhumiex gay) xi drabi jagħmlu hekk u anki agħar.
Kont naħseb ukoll li persuna tkun omosesswali tort tagħha, għax kienet tgħix ċertu tip ta’ ħajja, imma skoprejt li bejn l-10 u t-12 fil-mija tal-popolazzjoni jitwieldu hekk. Skoprejt ukoll li l-familja fejn tkun trabbiet m’għandha tort ta’ xejn u l-persuna gay m’għandha l-ebda kontroll fuq jekk għandhiex tkun gay jew le għax fl-aħħar mill-aħħar tkun twieldet hekk.
U jekk m’għandi l-ebda dritt (anzi ħaġa ta’ min jikkundannaha) li naqta’ missoċjetà u nidħak b’persuna li hi differenti minni jew għandha xi diżabbiltà, għaliex naħseb li għandi dritt nagħmel hekk lil persuna li twieldet omosesswali?
Ħassejt li għandi nikteb għax dan l-episodju lili tani tbeżbiża qawwija.
Għaliex ngħidu li aħna nsara jekk minflok komprensjoni, tolleranza u mħabba lejn il-minoranzi li jkunu għaddejjin minn tbatija kbira, nagħmluha tal-maġistrati u tal-imħallfin?
Bħal ma qal saċerdot Taljan dan l-aħħar fuq it-televiżjoni waqt diskussjoni fuq is-suġġett: “Aħna m’għanda dritt inpoġġu lil ħadd ġo ghetto; m’għandniex id-dritt naqtgħu lil xi ħadd mis-soċjetà. Imma d-dover tan-nisrani fuq l-eżempju ta’ Kristu hu li joħroġ, jiltaqa’, jisma’ u jgħin lil kull
bniedem emarġinat.”
Dan hu l-appell li nixtieq nagħmel lil kull saċerdot u lil kull nisrani: Bħalma qegħdin nippruvaw nagħdru, inħobbu u ngħinu liddrogati, il-prostituti, il-ħabsin, ir-rifuġjati u minoranzi oħra, ejjew nippruvaw nagħtu jdejna lill-persuna gay li kull ma tixtieq hu li tgħix ħajja verament umana, fil-paċi.
Tajjeb niftakru li dak li jidher ‘il bogħod minna, jista’ jkun viċin ħafna tad-dar u l-għeżież tagħna.
[Flimkien hi Rivista ta’ kull xahar maħruġa mill-Kulleġġ tal-Kappillani u titqassam b’xejn lill-familji Maltin kollha.]
No comments:
Post a Comment