4.8.2011 minn Socrate, Santa Luċija
Sur Editur;
Ċerta “Skrupluża”, fl-ittra tagħha ppubblikata fil-ġurnal l-orizzont tas-Sibt, 23 ta’ Lulju, esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha li koppji gay jew lesbjani jkollhom appartament tal-gvern fejn jgħixu. Skont hi, dawn jistgħu jkunu ta’ skandlu għal tfal li jkunu jgħixu f’dak il-blokk ta’ appartamenti.
Jiena ma naqbel assolutament xejn ma’ dak li kitbet. Dawn huma ċittadini daqs kulħadd u għandhom kull dritt li jkollhom għajnuniet soċjali kif wkoll post ta’ abitazzjoni. L-iskandli mhux dawn in-nies jagħtuhom sinjura “Skrupluża“, l-iskandli jagħtuhom nies li fil-parti l-kbira minnhom ikunu miħħewwġin bil-knisja u li tismahom jiġġieldu, jidgħu u jgħidu kliem oxxen quddiem uliedhom.
Kull fejn ikunu l-gays u l-lesbjani dejjem rajthom iżommu l-ordni. Nies indaf u jżommu madwarhom nadif. Ma nafx għaliex din id-diskriminazzjoni ma’ dawn in-nies. Jiena m’inhix hekk, imma nirrispetahom. Għalkemm m’hemm xejn ħażin li tkun hekk. Nagħlaq billi nħeġġeġ lill-Gvern biex lill-persuni LGBT jagħtihom l-għarfien li jixirqilhom.
---
Persuni LGBT għandhom dritt daqs ħaddieħor
9.8.2011 minn Charles Bayliss, Żurrieq.
Sur Editur,
Fil-ħarġa ta' l-orizzont tas-Sibt 23 ta' Lulju, 2011, dehret ittra miktuba mis-Sinjura “Kurjuża” (għaliex ma urietx isimha, għandha x'taħbi?) fejn talbet lill-awtoritajiet ma jikkunsidrawx koppji gay għal "social housing".
Din is-sinjura milli jidher għadha tgħix fis-snin 60 jew għamlet dan il-kumment bl-egoiżmu nisrani tagħha. Għall-grazzja ta' Alla jien u l-partner tiegħi m'ghandniex
bżonn ta' dan is-servizz imma hemm ħafna minn sħabna li jixtiequ jsibu post, imma minħabba ċirkostanzi finanzjarji ma jistgħux.
Jien u l-partner tiegħi ilna flimkien 7 snin u fiż-żewġ postijiet li kellna qatt ma tajna fastidju lil ħadd, anzi kienu l-ġirien li fittxew il-ħbiberija tagħna. Mhux biss rajna rispett kbira mingħand il-ġirien, imma talli kultant jiffittawna b'mod pożittiv biex jgħinuna. Ma naħsibx li aħna l-gays aħna xi nies minn wara l-muntanji. Aħna nħallu lil ħaddieħor jgħix ħajtu u ħaddieħor iħalli lilna ngħixu ħajjietna.
Imma fl-ittra taghħa, din il-korrispondenta ħarġet ċerta tonalità ta' omofobija. Sinjura aħna twelidna f'din Malta tagħna ċittadini daqsek bid-dmirijiet u nippretendi DRITTIJIET ugwali daqsek u daqs ħaddieħor. Hawn ħafna, inkluż il-gvern li lilna jarana ċittadini tat-tielet klassi, imma imbagħad fejn jidħlu dmirijiet, ħlas ta' taxxi u VAT per eżempju, aħna ċittadini tal-ewwel klassi; anzi aħna nħallsu taxxa aktar minnek għax m'aħniex rikonuxxuti bħala koppja.
Sinjura ‘Skrupluza’, parir tal-aħħar se nagħtik. Oqgħod attenta kif titkellem għax jista' jkun li xi ħadd minn uliedek jew ulied uliedek jista' jkun omosesswali u jkollu/jkollha tiffaċċja dak li egoistikament int u nies bħalek tridu ċċaħduna.
No comments:
Post a Comment