Saturday, 17 September 2011

L-Orizzont: Il-Pulizijia u l-PN fil-Muta. - Alla ħalaq lil Adam u Eva u mhux lil Adam u stEve

http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article1734.html
13.9.2011

Sal-bieraħ filgħaxija l-Pulizija kienet għadha siekta dwar jekk hix qed tinvestiga u jekk hux se tieħu passi kontra membri fil-paġna estrema “DNA Nazzjonalist biss u sal-mewt” f’liema sit hemm mem­bri li qed ixerrdu mi­begħda kontra l-immigranti Afrikanti b’kum­ment li l-aktar li jispikka jkun dak li kien jgħid “xawer bil-petrol u nixgħalilhom sulfarina. Mill-ewwel wieħed sal-aħ­ħar wieħed li daħal”. l-orizzont staqsa lill-Korp Pulizija jekk hux qed tinvestiga l-mibegħda li nkitbet kontra l-immig­ranti f’din il-paġna, li mal-isem tiegħu hemm ritratt tal-Prim Ministru Gonzi. Il-Pulizija sal-bieraħ tard filgħaxija kienu għadhom ma taw l-ebda reazzjoni.
l-orizzont staqsa ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-PN dwar dan is-sit u kif iħares lejn il-fatt li membri f’dan is-sit estrem hemm MPs, ministri u anke uffiċjali tal-PN. Sakemm mor­na għall-istampa ukoll konna għadna bla tweġiba.
Intant jidher li l-problema tal-kummenti iebsin f’dan is-sit kompliet ilbieraħ, hekk kif saru kummenti xejn pożittivi fuq il-’gays’. Jispikka dak li għamel l-amministratur tas-sit stess, fejn qal li “Alla ħalaq lil Adam u Eva u mhux lil Adam u Steve”.

Għalkemm s’issa ­ l-Pulizija ma ħadet l-ebda passi kontra dawn il-kummenti iebsin f’dan is-sit estrem, il-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna tgħid li “kull min juża kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużivi, jew insolenti, jew jesebixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali jew b’hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar ħabs.”
Il-Kodiċi Kriminali jgħid li “vjolenza jew mibegħda razzjali tfisser vjolenza jew mibegħda kontra grupp ta’ persuni f’Malta definiti b’riferenza għall-kulur, razza, reliġjon, dixxendenza, nazzjonalità jew oriġini etnika jew nazzjonali jew kontra xi membru ta’ dak il-grupp”.
Intant f’dan is-sit estrem issib li hemm membri fih għadd ta’ membri parlamentari, ministri, segretarji parlamentari, uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u anke impjegati mlaħħqin f’dipartimenti tal-Gvern.
Fost il-persuni li jispikkaw għall-preżenza tagħhom f’dan il-grupp hemm Charmaine Gauci mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard. Bħala membri hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Charlo Bonniċi, is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, id-Deputat Nazzjonalista Franco Debono, is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari Mario Galea, il-Ministru Joe Cassar, is-Segretarju Parlamentari Chris Said, id-Deputat Nazzjonalista Philip Mifsud, Louis Galea, id-deputat Nazzjonalista Censu Galea, id-deputat Michael Gonzi, id-Deputat Joseph Falzon u d-Deputat David Agius.
F’dan il-grupp estrem, intitolat “DNA Nazzjonalist biss u sal-mewt” hemm ukoll bħala membru Peppi Azzopardi, il-membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti Simon Busuttil u David Casa, Paul Gonzi u t-tabib Frank Portelli”.

No comments:

Post a Comment