Friday, 30 September 2011

L-Orizzont: Id-djalogu jagħmel ġid aktar mill-kundanni

http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article2277.html
28.9.2011 minn SAĊERDOT, Victoria, Għawdex

Sur Editur,

Ippermettili nirreferi għal dak li kien irrapportat fil-ġurnal tiegħek tal-Ħamis, 1 ta' Set­tembru, 2011, fejn f'paġna 8 kien hemm artiklu li kien in­titolat: "Monsinjur jikkundan­na lil kull min appoġġja d-dħul tad-divorzju".

Dwar il-kontenut ta' dan l-artiklu, xtaqt inqajjem xi mistoqsijiet u nagħmel xi kjarifiki/interventi:

Intqal li "għadha ma saret ebda ċensura mill-awtoritajiet tal-Knisja". Nifhem jien li dak li stqarr l-Onorevoli Ċensu Galea qiegħed jiġi endorsjat minn dan il-ġurnal. Jien jidhir­li li l-PL, li hu l-partit tal-liberali u tal-progres­sivi, hu kontra ċ-ċensura! U al­lura x'sens jagħmel li toħloq pressjoni fuq l-awtoritajiet ekk­leżjastiċi biex japplikaw ċ-ċensura? Aħna rridu jew ma rridux li l-Knisja tirriforma ruħ­ha?

Inkwantu t-tagħlim tal-Knisja dwar "l-indissolubbiltà taż-żwieġ", jiġifieri, li "l-indissolubbiltà taż-żwieġ hi Domma tal-Fidi definita fis-Sessjoni XXIV tal-Konċilju ta' Trentu u definita bħala ex iure divino" – persważ li dan it-tagħ­lim għadu jgħodd u allura s'hawn il-Monsinjur Gauci għan­du raġun.

Ċertament li dawk l-Insara li jiċħdu dan it-tagħlim awtomatikament jwettqu żball u allura bħala konsegwenza jsi­ru ħatjin ta' Ereżija u allura s'hawn il-Monsinjur Gauci għan­du wkoll raġun.

Fejn ma naqbilx ma' Monsinjur Gauci hu fil-każ tal-interpretazzjoni, bħallikieku li l-Parlamentari Maltin li vvotaw favur id-divorzju kienu qegħdin jiċħdu dan it-tagħlim dommatiku.

Nifhem jien li l-Parlamenta­ri Maltin kienu qegħdin jil­leġiżlaw għall-membri ta' Stat Sekulari/Lajk. Kellhom f'moħħ­hom li jilleġiżlaw ix-xewqa ta' Poplu Sovran kif es­pressa fir-Referendum. Kellhom f'moħħhom is-soċjetà ċi­vili fl-interezza tagħha. Iċ-ċittadin li mhux Nisrani (anke jekk f'minoranza) għandu l-benefiċċju li jagħmel użu minn din il-liġi. S'intendi anke ċ-ċittadin li hu Nisrani jis­tà jagħmel użu minn din il-liġi però jkun qiegħed jirriskja li ma jkunx f'rabta regolari mal-Knisja – dan hu tagħlim tal-Knisja Kattolika. S'intendi sta għan-Nisrani jekk jonorax il-liġi tal-Knisja jew le! Bħalma sta għan-Nisrani jekk jo­norax il-liġi t'Alla jew le!
Naħseb li f'dan ir-rigward ikun utli jekk wieħed jirrifetti fuq il-kelmiet tal-Arċisqof ta' Berlin (li miet fit-30 ta' Ġunju) il-Kardinal Georg Sterzinsky, meta stqarr fuq Domradio.de, li "secularism would continue to spread and the number of Christians continue to shrink. For Christians this would increasingly resemble the situation in biblical times and would be a 'Christianity of choice'." (The Tablet, 9 ta' Lulju, 2011, p.27).

Ikun utli wkoll jekk nirrif­lettu fuq il-kelmiet tal-Arċis­qof ta' New York, Timothy Dolan. Fil-kuntest tal-abbozz ta' ligi li jikkontempla l-leġiż­lazzjoni dwar "same sex marriage" (li hu differenti mill-każ tagħna), filwaqt li jikkonsidra din il-leġiżlazzjoni bħala: "ominous threat" u għal­daqstant jwissi li l-Gvern "should not be able to change fundamental social institutions", għall-mistoqsija li sarit­lu "whether the Church would excommunicate Catholics who supported the measure, jwieġeb billi jikkonkludi: "We try to model ourselves af­ter Jesus, and he's always conciliatory… Sometimes, if we come off too hard, we lose more people. Our job is to try to patiently change hearts, and not be throwing people out." (The Tablet, 2 ta' Lulju, 2011, p.30).

Fil-fehma tiegħi, jekk nieħdu f'konsiderazzjoni t-twissijiet ta' dawn l-Isqfijiet, ikun hemm aktar lok biex il-Knisja tiddjaloga mas-Soċjetà Ċivili, minflok nehdew nitkellmu fuq ċensuri u skomuniki. Fuq kollox, u hawnhekk nixtieq in­qajjem u nikkonkludi b'mis­toqsija fundamentali, jistgħu jew ma jistgħux, it-twissijiet ta' dawn l-Isqfijiet, jservu bħa­la linja gwida għall-Knisja Maltija?

No comments:

Post a Comment