Tuesday, 19 April 2011

L-Orizzont: Tliet snin ħidma minn Drachma Parents Group

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=71863
14.4.2011

Id-Drachma Parents Group se jfakkar it-tielet anniversarju mit-twaqqif tiegħu permezz ta’ Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr li se ssir nhar l-Erbgħa, 20 ta’ April, fis-7.30 p.m., fil-Millennium Chapel, Paceville.

Għal din il-quddiesa qegħdin ikunu mistednin biex jattendu dawk kollha li huma gay, lisbjani, bisesswali jew transesswali (LGBT) flimkien ma’ qrabathom u mal-ħbieb tagħhom. L-iskop ewlieni tad-Drachma Parents Group huwa li jkun ta’ kuraġġ u ta’ appoġġ għall-persuni LGBT u l-familji tagħhom fi sforz li jkun hawn aktar għarfien dwar id-diffikultajiet li dawn iħabbtu wiċċ­hom magħhom minħabba l-istigma li s-soċjetà sfortunatament torbot ma’ persuni ta’ orjentament sesswali differen­ti. Dan il-grupp, li huwa prinċipalment miftuħ għall-ġenituri ta’ persuni LGBT, kien ġie fformat f’April tas-sena 2008 u jiltaqa’ darba fix-xahar – kull nhar ta’ Ħamis fit-8.30 p.m. – fid-Dar tal-Irtiri Mt St Joseph, Tarġa Gap, il-Mosta.

Bħala għaqda Nisranija, il-membri fi ħdan id-Drachma Pa­rents Group jiltaqgħu biex jiddiskuti u jitolbu għal uliedhom u l-maħbubin tagħhom - mhux għax dawn huma persuni ħżiena iżda għax jafu li Alla jħobbhom eżattament kif inhuma u kif ħalaqhom Hu stess fix-xbieha Tiegħu.

Apparti l-laqgħat ta’ kull xahar, id-Drachma Parents Group jorganizza wkoll laq­għat speċjali, fosthom matul il-festi tal-Milied u l-Għid il-Kbir, li jkunu miftuħin għall-pubbliku. Waħda minn dawn il-laqgħat speċjali se tieħu l-forma ta’ Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr li se ssir nhar l-Erbgħa, 20 ta’ April, fs-7.30 p.m., fil-Millennium Chapel, segwita minn bibita għal dawk kollha li jkunu preżenti.

Għal din il-Quddiesa qegħdin ikunu mistednin il-komunità LGBT kollha flimkien ma’ ġenituri u qraba tagħhom li jixtiequ jingħaqdu mad-Drach­ma Parents Group biex b’hekk, b’mod silenzjuż, joffru t-tama lil dawk li forsi għadhom qegħ­din isibuha bi tqila biex jaċ­ċettaw is-sesswalità ta’ wliedhom u l-maħbubin tagħhom.

Dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar id-Drachma Parents Group jistgħu jikkuntattjaw lil Joseanne fuq 7944 2317, jibagħtu imejl fuq: drachmalgbt@gmail.com jew jidħlu fis-sit elettroniku: www.maltagayrights.net/DrachmaParents.

No comments:

Post a Comment