Tuesday, 12 April 2011

It-Torċa: Fr Colin: Inkunu koppja gay fir-Randan...

[Dan l-artiklu ma jinsabx fuq is-sit tat-Torċa sa issa.]
10.4.2011

Fr Colin,

• Jiena gay u ili ngħix mal-ħabib tiegħi għal dawn l-aħħar ħdax-il sena. Nixtieq inkun naf mingħandek jekk aħna t-tnejn li nħobbu ħafna lil xulxin nistgħux ngħixu ta’ kattoliċi bħal oħrajn. Inħobbu lil xulxin u rridu wkoll inħobbu lil Alla. Minn meta konna żgħar konna attivi fil-Knisja u f’għaqda kattolika. It-tnejn attendejna skola tal-Knisja.
Irġiel li nħobbu lil xulxin

Li tkun gay: mixja ta’ fidi

Fr Colin iwiegeb:

• Forsi nista’ nidher li nagħtik tweġiba sempliċi u diretta għall-mistoqsija sempliċi u diretta tagħkom. Inti u l-ħabib tiegħek qegħdin tistaqsuni li ladarba aħna omosesswali u qegħdin ngħixu flimkien allura nistgħu nkunu kattoliċi tajbin u kattoliċi prattikanti. It-tweġiba sempliċi hi: għaliex le?
Stajt waqaft hawn. Imma nħoss li wara l-mistoqsija tagħkom hemm wisq iżjed mistoqsijiet, biżgħat, inċertezzi, sfiduċja, rabja.
Il-mistoqsija tagħkom tagħmel sens ukoll meta tqis li qegħdin tgħixu f’pajjiż bħal Malta u Għawdex fejn il-biża’ mill-omosesswalità u mill-omosesswali hija parti mill-kultura dominanti tagħna.
Il-maġġoranza tal-Maltin huma omofobi, jibżgħu mill-omosesswali. Nies Maltin li huma kattoliċi, inħoss, li fil-maġġoranza tagħhom huma wkoll omofobi.
Il-Knisja Maltija hija parti mill-kultura Maltija li ffurmata u tagħtiha identità.
Il-preġudizzji fost il-membri Maltin tal-Knisja kattolika, għalhekk, nifhimhom u naċċettahom bħala parti mir-realtà Maltija. (Nitkellem fuq Malta, imma dan ma japplikax biss għal Malta).
Jidher, għalhekk, li l-fidi kattolika tagħna teħodha kontra l-omosesswali u l-omosesswalità. Ħafna drabi lanqas biss issir id-differenza bejn dawn iż-żewġ realtajiet.
Ikolli nistqarr li dan iġiegħlni nbati ħafna. Iltqajt, u niltaqa’ spiss, ma’omosesswali kattoliċi li jħossuhom imwarrbin mill-Knisja Maltija. Naf b’bosta omosesswali li jħobbu ħafna lil Alla, lil Ġesù Kristu u lill-Knisja Kattolika li tgħammdu fiha. Iħobbu l-Vanġelu u jippruvaw jgħixuh. ħafna drabi, però, iħossuhom mogħtija bis-sieq minn ċerti nies tal-Knisja. Dan m’għandux ikun. Dan ma jaqbilx mal-Vanġelu.
Nixtieqkom iżżommu quddiem għajnejkom li l-ewwel u qabel kollox intom għandkom tqisu lilkom infuskom bħala bnedmin, tad-demm u l-laħam, bix-xewqat, ħolm, aspettattivi, ferħ u niket bħal kull persuna oħra. M’intomx biss omosesswali. Ħadd m’għandu jiġġudika l-persuni fuq l-orjentament sesswali tagħhom.
Id-dokument “Kura Pastorali dwar Persuni Omosesswali” (1986) jistqarr li ħadd m’għandu jiġġudika lil persuna biss għax hi omosesswali. Ma nistax inħares lejkom, għalhekk, bħala prinċipalment omosesswali imma bħala bnedmin. Bħala bnedmin kull wieħed minnkom huwa uniku, frott tar-realtà li twelidtu fiha, trabbejtu fiha u kbirtu fiha.
L-istorja tagħkom hi unika, irrepetibbli. Qatt fl-istorja tal-umanità ma kien hawn u qattmhu se jkun hawn persuni uniċi bhalkom. Għandkom l-istorja unika tagħkom. Din l-istorja hija r-rieda t’Alla għalikom.
Meta nkellem l-omosesswali – u kuntent li kemm-il darba kelli l-okkażjoni li kont mistieden – inħoss li qed niltaqa’ ma’ persuna, u mhux ma’ xi karatteristika ta’ dik il-persuna. Id- dimensjoni sesswali mhux “xi ħaġa” maqtugħa mill-persuna. Kull persuna hija persuna sesswali.
Meta nqis l-omosesswali b’dan il-mod inħoss li nkun qed inħobb bħal Ġesù. Kull min iltaqa’ ma’ Ġesù ħassu milqugħ bħala persuna u mhux bħala xi karatteristika tiegħu jew tagħha: il-mod kif kien jitkellem mal-barranija mis-Sammarija, is-Samaritana; il-mod kif laqa’ lill-adultera; il-mod kif wera li qed jitrattaha bħala persuna u mhux bħala oġġett. Ta d-dinjità ta’ bniedem! Huwa jaf x’hemm fil-qalb tal-bniedem; kien iħares lejn il-bniedem sħiħ – u mhux biss bħala xi karateristika tiegħu jew tagħha.
Ġesù kien jara lill-persuna maħbuba minn Alla, u mhux biss “il-pubblikan”. “il-prostituta”, “il-marid”... Kienu l-Fariżej, il-qassisin Lhud, li kienu jħarsu lejn in-nies biss bħala parti minnhom u mhux bħala bnedmin sħaħ. Kienu l-Fariżej li jiġġudikaw bl-iktar mod sempliċista min hu ma’ Alla u min hu kontra tiegħu...
Intom koppja, tnejn min-nies li tħobbu lil xulxin u għamiltu ċerta għażla għal diversi snin. Qegħdin tagħmlu Mixja ta’ Fidi flimkien. Qegħdin tippruvaw taraw kif tħobbu lil Alla u kif tħobbu lil xulxin. Turi li jimpurtakom ħafna li
tkunu tafu kif il-Knisja tħares lejkom u tħobbkom. Hawn min jiġi jaqa’ u jqum minn dan kollu imma intom le. Qegħdin tippruvaw issibu postkom fil- Pjan li Alla Mħabba għandu għalikom.
Napprezza ħafna jekk issibu ħin biex nitkellmu iżjed u nippruvaw nifhmu iktar lil xulxin. Ġesù ma jgħidx “min hu gay jew eterosesswali ma jistax ikun dixxiplu tiegħi!” Ġesù jitkellem fuq il-Mixja tal-Imħabba u l-Fidi sħiħa – għalhekk is-Salib kuljum!
Meta dan is-sens tas-sagrifiċċju jidħol fil-ħajja tal-koppja u fil-mod tagħkom kif tgħixu allura nista’ niżgurakom li tistgħu tkunu dixxipli veri ta’ Ġesù Kristu u membri sħaħ tal-Knisja Kattolika. Meta l-imħabba vera, lesta għas-sagrifiċċju u s-Salib, bir-rinunzji li l-imħabba vera ġġib magħha, u dan isir l-istil tal-ħajja tagħkom, allura, awguri, għax qegħdin flimkien fil-Mixja ta’ Fidi li aħna lkoll imsejħin għaliha.
Dil-Mixja ta’ Fidi daqqa tħossukom li qiegħda tgħaġġlu żżejjed, daqqa tħossukom li mexjin lura, daqqa tħossukom li mblukkajtu... Imma, kuraġġ,
tibżgħux, komplu Imxu. M’intomx weħedkom.
Nistenna t-tweġiba tagħkom. Niżgurakom li l-mistoqsija li għamiltuli hija anki d-domand tiegħi stess għax kuljum, kif inqum fil-għodu, nitlob lil Alla li jagħtini s-saħħa u l-kuraġġ li nkun nisrani tajjeb.

No comments:

Post a Comment