[Dan l-artiklu ma jinsabx fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
17. 4. 2011
MA nafux xi tkun ir-reazzjoni tagħkom il-qarrejja, tal-ġenituri u tal-għalliema (u fuq kollox tad-Divizjoni tal-Edukazzjoni) kieku l-Malta Gay Rights Movement kellha torganizza laqgħat fl-iskejjel sekondarji. F’pajjiż li aħna nimitaw ħafna, fir-Renju Unit, Stonewall, li huwa grupp favur l-ugwaljanza omosesswali, jorganizza żjarat minn Sir Ian McKellen fi skejjel sekondarji.
Kull darba li McKellen jżur skola qed ikun sorpriż għax b’sorpriża xi ħadd jgħid li hu omosesswali meta qabel ħadd ma jkun jaf. Kien hemm
studenti li qalu li huma omosesswali għall-ewwel darba u kien hemm ukoll għalliema li tkellmu dwar dan mal-kapijiet tagħhom, wara jew waqt iż-żjara ta’ McKellen. Huwa fil-fatt iħossu sorpriż bl-effett taż-żjarat tiegħu fl-iskejjel imma wkoll privileġġat. Il-ħolma ta’ McKellen u Stonewall hija li fir-Renju Unit ikun hemm sistema edukattiva fejn l-omofobija, li ilha snin twal tirrenja, tispiċċa u jkun hemm kurrikulu li jinkludi persuni lesbjani, omosesswali u bisesswali. Huma jemmnu wkoll li m’għandux jonqos il-potenzjal għall-studenti omosesswali l-aktar għal dawk li ma jmorrux tajjeb għax il-kunfidenza tagħhom ma baqgħetx li kienet minħabba l-ibbuljar.
Il-kollega ta’ McKellen jgħid li meta kien imur l-iskola, studenti maħsuba omosesswali kienu jkunu mgħajra u għalhekk ħadd ma kien jażżarda jgħid li hu omosesswali. B’konsegwenza, l-għalliema ma kienu jaraw l-ebda raġuni għaliex għandhom iqajmu s-suġġett fil-klassi
għax kienu jaħsbu li m’hemmx studenti omosesswali. L-istudenti saħansitra kienu jibżgħu jammettu ma’ xulxin li huma omosesswali.
Fir-Renju Unit, fl-1988, kienet imdaħħla liġi mill-gvern ta’ Margaret Thatcher li kienet tagħmilha llegali li wieħed jippromwovi l-omosesswalità fl-iskejjel. Dan ma nbidilx qabel l-2003. Dan l-aħħar, Stonewall stħarrġet u sabet li disa’ minn kull għaxra għalliema fis-sekondarja jgħidu li l-istudenti tagħhom kienu vittmi ta’ bbuljar omofobiku, imma disa’ minn kull għaxra jgħidu li qatt ma rċevew taħriġ dwar kif jieħdu ħsieb dawn il-problemi. L-omofobija tant saret komuni li l-kelma gay daħlet fl-iskejjel bħala sinonimu ma’ dak kollu li hu inadekwat.
McKellen iżomm il-klassijiet li jkellem attenti, speċjalment meta jirrakkonta kif hu qatt ma qal li hu omosesswali sas-sena 1988, meta kellu 49 sena. Xi studenti staqsewh jekk kienx jinkwieta li dan il-fatt jista’ jtellfu fil-karriera tieghu. McKellen fisser li dan kienriskju li ħa bi pjaċir. McKellen ma basarx li kien hemm ibbuljar daqstant kbir fil-konfront ta’ persuni omosesswali fl-iskejjel.
McKellen isemmi eżempju fejn l-użu tal-lingwaġġ issarraf f’konsegwenzi gravi. Ian Bayham kien maqtul f’attakk omofobiku fejn tfajla rifset rasu. Huwa jżur l-iskejjel ukoll biex jagħtihom gwida fil-kurrikulu tagħhom kif jistgħu jintegraw lezzjonijiet fuq l-omosesswali.
Il-kampanja ta’ Stonewall tinkludi wkoll suldat ta’ 24 sena, li huwa l-ewwel suldat omosesswali li uffiċjalment qal li huwa omosesswali u deher fuq il-faċċata ta’ quddiem ta’ magazin tal-armata.
Hemm bżonn li anke f’pajjiżna dan is-suġġett jingħata l-importanza mixtieqa. L-istudenti tagħna għandhom jkunu mħarrġa biex juru tolleranza sa minn mindu jkunu żgħar lejn studenti u nies oħra b’orjentazzjoni sesswali differenti minn tagħhom. F’pajjizna għad hawn ħafna adulti li jitkellmu b’mod negattiv u dispreġġjattiv dwar persuni omosesswali li m’hemmx dubju taffettwa lil uliedhom li jisimgħuhom. Nistennew ukoll bil-ħerqa biex fis-sillabi l-ġodda li qed jkunu mħejjija jkun hemm inkluż xi strateġija ta’ inkluzjoni u kontra ddiskriminazzjoni se tittieħed fl-iskejjel.
Il-preżenza tal-MGRM fl-iskejjel tista’ tkun ħolma mbiegħda. Biss meta wieħed iħares lejn kemm għaqdiet governattivi u non-governattivi jidħlu fl-iskejjel ixerrdu l-aġendi tagħhom, ma għandhom ikunu proprju l-istituzzjonijiet edukattivi li jħallu lil xi ħadd barra. L-MGRM ukoll għandha responsabbilità li xxerred dak li temmen fih u allura trid tibda proprju milledukazzjoni tat-tfal.
L-istaff fl-iskejjel għandu joqgħod attent li ma jużax lingwaġġ li jweġġa’ studenti omosesswali fi żmien vulnerabbli fejn forsi jkunu għadhom ma qalu lil ħadd bl-orjentazzjoni sesswali tagħhom. L-istaff għandu jingħata taħriġ kif jieħu ħsieb ibbuljar lejn persuni omosesswali u kif jiggwida studenti dwar problemi relatati.
Din il-paġna ta’ kull ġimgħatejn qiegħda tittella’ minn grupp ta’ għalliema u edukaturi, bil-għan li jinfurmaw għalliema u ġenituri dwar kwistjonijiet li jkunu għaddejjin fl-iskejjel jew problemi soċjali li qegħdin jiffaċċjaw u li ftit li xejn qegħdin nitkellmu dwarhom. Kull min irid jikkorrispondi ma’ dinil-paġna dwar problemi fil-kulleġġi jew skejjel jista’ jagħmel dan billi jibgħat emejl fuq: skolasatchel@rocketmail.com
No comments:
Post a Comment