Saturday, 6 February 2010

L-Orizzont: L-aħjar snin għadhom ġejjin – Joseph Muscat

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=60172
4.2.10

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista huwa dak il-partit li kapaċi jagħmel id-differenza fil-pajjiż, waqt li sostna li l-aħjar snin għal pajjiżna għadhom ġejjin.

Huwa qal dan meta kien qiegħed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet li sarulu minn delegati tal-Partit Laburista bħala parti mill-attivitajiet li qegħdin isiru fil-ġimgħa tal-Konferenza Ġenerali annwali tal-Partit Laburista.

Dwar din l-idea ġdida ta’ sessjoni ta’ mistoqsijiet magħmulin lilu, Joseph Muscat qal li dan huwa proċess demokratiku ta’ partit miftuħ.

Huwa qal li l-Partit Laburista m’għandu xejn x’jaħbi u fl-istess ħin, irid iwieġeb id-dubji li għandhom in-nies.

“Dak li qegħdin nagħmlu huwa li qegħdin nerġgħu niskopru l-prinċipji tagħna biex naraw għaliex jeżisti l-Partit Laburista,” żied jgħid Joseph Muscat.

Qal li l-Partit Laburista ma jridx jimpika mal-Partit Nazzjonalista, iżda jrid jara x’jiddistingwih bħala partit.

“Il-Partit Laburista għadu jemmen fit-twemmin bażiku tiegħu, dak li huwa jagħmel parti minn partit tal-ħaddiema għax huma l-ħaddiema li waqqfu dan il-partit,” qal il-Mexxej Laburista.


Madankollu, il-Moviment Progressiv u Moderat tal-Partit Laburista llum ma jinkludix biss il-ħaddiema, iżda wkoll lill-istudenti, lill-pensjonanti, u lis-‘self-employed’, żied jgħid il-Mexxej Laburista.

Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista jrid jaġġorna l-mod ta’ kif jaħsibha, iżda l-prinċipji tiegħu jibqgħu l-istess.

Qal li madankollu bħalissa jinsab f’salib it-toroq għax jista’ jagħżel bejn li jibqa’ jipprova riċetta li għadda żmienha nkella jipprova esperiment ġdid. “Hija din it-tieni għażla li l-Partit Laburista qiegħed jagħżel,” qal Joseph Muscat waqt li argumenta li l-moviment huwa ikbar minn partit.

“F’moviment, ikun hemm persuni li forsi ma jħobbux jintrabtu ma’ partit, iżda ma’ idea,” qal Joseph Muscat.

Huwa spjega wkoll li l-progressivi huma dawk li ddejqu mill-irbit tal-bieraħ u jrid jkunu miftuħin għal-libertà ta’ għada.

Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista mhux se jwiegħed affarijiet li ma jistax iwettaqhom. Fil-waqt li appella lid-delegati biex ikomplu jżommu saqajhom mal-art, huwa qal li jista’ jkun li fis-snin li għaddew, il-Partit Laburista kien kunfidendi żżejjed, iżda din id-darba, huwa importanti li jkompli jżomm kuntatt man-nies u jkompli jiftaħ il-bibien tiegħu għal nies ġodda fi ħdanu.

“Ningħaqdu flimkien bħala poplu biex insalvaw il-pajjiż u ntuh il-ġejjieni li jistħoqqlu”, żied jgħid Musat b’akklamazzjoni min-naħa tad-delegati preżenti.

Dwar it-tibdil li dan l-aħħar qiegħed iseħħ fil-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li għalkemm dan il-proċess jista’ ma jdoqqx f’widnejn kulħadd, ma jistax jinħoloq il-moviment mingħajr ma jkun hemm ċertu tibdil.

Bħal ma saħaq il-Ħadd li għadda f’intervista li saritlu, ilMexxju Laburista Joseph Muscat tkellem dwar l-Air Malta u sostna li Gvern Laburista ma jbiegħx l-Air Malta jiġri x’jiġri għax din il-kumpanija hija parti essenzjali mill-istrateġija tal-Partit Laburista dwar it-turiżmu. Huwa qal li t-turiżmu huwa l-mod ta’ kif nistgħu ninvestu fix-xogħol.

Joseph Muscat kien mistoqsi wkoll dwar il-faqar u l-opportunitajiet tal-ommijiet li jkunu jixtiequ li joħorġu jaħdmu, kif ukoll dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-koppji meta jiġu biex jixtru d-dar tagħhom.

Joseph Muscat qal li l-qasam soċjali huwa pilastru importanti ħafna fis-soċjetà tagħha, u huwa għal qalb il-Partit Laburista.

“Għaldaqstant il-Partit Laburista se jkun qiegħed jimpenja ruħu biex meta jkun fil-Gvern iħares lejn dawn l-oqsma bħala prijoritajiet fl-aġenda tiegħu,” żied jgħid il-Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Dwar id-drittijiet tal-Lesbjani, Gay, Bisesswali u Transgender (LGBT’s), Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista jemmen li kulħadd għandu dritt għal ħajja privata tiegħu mingħajr l-indħil tal-Istat.

Qal li l-omosesswalità mhix xi difett jew marda u saħaq li persuni omosesswali għandhom id-drittijiet tagħhom. Huwa fakkar kif kien Gvern Laburista li neħħa l-omosesswalità minn reat kriminali.

Dwar il-Pulizija, suldati u membri tal-Protezzjoni Ċivili, Joseph Muscat qal li dawn għandhom id-dritt isemmgħu leħinhom mingħajr ma jistrajkjaw.

Sostna li Gvern Laburista ma jagħti l-ebda kuntratt lil xi kumpanija li tisfrutta l-ħaddiema tagħha waqt li appella għal djalogu soċjali ġenwin.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Joseph Muscat ikkommemora l-mewt ta’ disa’ ħaddiema li 15-il sena ilu kienu mietu fit-traġedja tal-isplużjoni tal-Um El Faroud fit-Tarzna ta’ Bormla.

No comments:

Post a Comment