http://www.illum.com.mt/2010/01/31/joe.html
31.1.10 minn Joe Ellis
F’pajjiżna jidher li għaddejja taqtigħa bejn elementi li ma jridux jirrikonoxxu li r-realtajiet soċjali fil-pajjiż inbidlu u dawk li jaspiraw li pajjiżna jadotta pożizzjoni aktar realistika fil-konfront ta’ tali bidliet. Kunflitt li jeżisti ftit jew wisq kullimkien.
Imma forsi mkien ma l-forzi konservattivi għandhom is-saħħa li akkumulaw f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna li akkost ta’ kollox ma jridux jirrikonoxxu t-tibdiliet soċjali, anzi jkomplu jgħaddsu rashom u jippretendu li tali tibdiliet mhux vera ġraw jew li mhumiex kbar daqskemm ipinġuhom. Għalhekk lanqas ma jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni ġdida biex l-Istat jirregola dawn ir-realtajiet ġodda f’pajjiżna.
Dan il-kunflitt rajnieh ukoll din il-ġimgħa. Intervent tal-President George Abela, f’konferenza organizzata mill-Ministeru tal-Politika Soċjali dwar il-familja, qanqal ir-reazzjoni mill-moviment Malti tad-drittijiet tal-gay. Ir-reazzjoni tiegħi kienet pjuttost negattiva meta l-Ħadd qrajt ir-rapport tad-diskors. Iżda meta qrajt it-test integrali l-opinjoni tiegħi nbidlet radikalment. Għalkemm ma naqbilx ma’ kulma qal il-President, fil-fatt hu pprova jirrikonċilja dawn iż-żewġ movimenti antitetiċi li għandna fil-pajjiż għalkemm dejjem kien ċar fejn iħabbat il-polz tiegħu.
Hu kellu okkażjonijiet biex jiddefinixxi r-rwol tiegħu fl-ordni kostituzzjonali tal-pajjiż. F’diskors ftit wara li assuma l-presidenza fil-15 ta’ Mejju 2009 fil-konferenza ‘Il-Futur fil-Familja’, qal: “Għalkemm il-Presidenza dejjem għandha tkun kawta, attenta li ma tidħolx fi kwistjonijiet li għadhom qed jiġu dibattuti, però l-presidenza attwali lanqas tixtieq li tkun muta.”
F’Jum ir-Repubblika kien aktar espliċitu fid-definizzjoni tar-rwol tiegħu u stqarr li “l-President m’għandux fil-prattika poteri li jiggverna għalkemm hu nominalment il-Kap tal-Eżekuttiv u, bħala prinċipju, irid ikun super partes, jiġifieri ma jxaqleb lejn l-ebda partit politiku...
“Li jżomm ’il bogħod mill-politika partiġġana ma jfissirx li ma jkollux opinjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew reliġjuża u, fejn iħoss li hu għall-ġid komuni, ifissirhom skont iċ-ċirkostanzi partikolari jew fil-privat mal-awtoritajiet jew organi politiċi u eżekuttivi jew fil-miftuħ bl-akbar diskrezzjoni u prudenza u mingħajr ma jxaqleb lejn l-ebda naħa politika jew jidħol fid-dibattitu kontroversjali.”
Kompla jgħid,“L-awtorità morali tiegħu hi msejsa fuq l-imparzjalità tiegħu u l-għaqda li jista’ jnissel għall-għan aħħari li hu l-ġid komuni tan-nazzjon,” u afferma li “is-soċjetà tinkludi lil kulħadd indaqs, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u, jekk xi ħadd iħossu diskriminat b’xi mod politiku, soċjali, sesswali, razzjali jew reliġjuż, din id-diskriminazzjoni għandha titneħħa għax mhix denja ta’ demokrazija fejn l-opportunitajiet għandhom ikunu ugwali għal kulħadd. Hekk titlob il-ġustizzja u hekk titlob il-Kostituzzjoni tagħna.”
Ħadd ma jista’ jgħid li hu m’għandux idea ċara ta’ x’inhu r-rwol tiegħu. Ħadd ma jistenna li l-presidenza tkun muta, anzi hu ferm tajjeb li titkellem dwar il-problemi u r-realtajiet li għandu l-pajjiż.
Irridu niftakru li l-presidenza tagħna mhix eżekuttiva għalkemm donnha hi x-xewqa tal-President attwali li tassumi rwol aktar eżekuttiv. Fid-diskors f’Jum ir-Repubblika semma l-idea li jitwaqqaf Kunsill tal-Istat magħmul mill-President, il-Presidenti emeriti, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ippropona li tali Kunsill ikollu rwol konsultattiv għalkemm il-funzjoni tiegħu ma ġiet definita xejn fid-diskors imsemmi. Wieħed hawnhekk jista’ jissuġġerixxi li tali Kunsill jista’ jinkludi wkoll lill-prim imħallfin emeriti kif ukoll lill-eks-imħallfin fil-Qrati Ewropej imma mingħajr il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni u jkun immudellat fuq il-Kunsill Kostituzzjonali li addottat il-Kostituzzjoni tal-Ħames Repubblika Franċiża.
Il-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż twaqqaf biex jiżgura li l-prinċipji kostituzzjonali jkunu mħarsa fil-leġiżlazzjoni li jgħaddi l-Parlament qabel ma l-President jagħti l-kunsens tiegħu. Jiġifieri tali kunsens ma jibqax awtomatiku kif il-Kostituzzjoni tagħna titlob għalkemm il-prassi kostituzzjonali qiegħda tevolvi b’mod differenti.
Fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika u fid-diskors riċenti ġibed l-għadab tal-moviment gay, il-President wera fejn qalbu tħabbat fid-dibattitu perenni li pajjiżna għaddej minnu bejn il-forzi anti-sekulari u dawk liberali.
Hekk fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika afferma t-tradizzjoni millennarja Kristjana tal-Ewropa u wera stagħġib kbir li s-simboli Kristjani jistgħu jitqiesu bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem peress huma msejsa fuq il-Kristjaneżimu.
Il-Kristjaneżmu kien forza liberatriċi li kkontraponiet lid-dgħajjef kontra min hu b’saħħtu. Mhux ta’ b’xejn it-tagħlim li kull bniedem hu ugwali quddiem Alla kien il-katalist biex il-Kristjaneżimu sar tant popolari fl-Imperu Ruman fl-ewwel sekli ta’ wara Kristu, speċjalment fost l-iskjavi.
Imma l-Kristjaneżmu matul is-sekli ġie korrott bl-assoċjazzjoni tiegħu mal-poter u f’ismu saru xempji kbar kontra d-drittijiet tal-bniedem, xempji li anke l-Knisja rrikonoxxiet.
Illum sfortunatament qed naraw fostna t-tentazzjoni ta’ bosta li jimponu t-twemmin reliġjuż tagħhom fuq il-kumplament tas-soċjetà. F’dan il-kuntest li wieħed għandu jaqra s-sentenza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat fil-każ Lautsi, każ fejn id-difiża tal-Istat Taljan kienet li s-salib mhux simbolu reliġjuż imma wieħed kulturali.
Il-President wera biċ-ċar li hu kontra l-idea li żwieġ bejn persuni tal-istess sess jista’ jagħti lok għal familja għalkemm ma eskludiex li jkun hawn leġiżlazzjoni f’dan is-sens.
Ironikament il-Liġi tagħna ma teskludix tali żwieġ li issa sar possibbli f’bosta pajjiżi Ewropej. Ironikament ukoll il-Liġi tas-Sigurtà Soċjali tagħna tiddefinixxi familja bħala persuna li fl-opinjoni tad-direttur tgħix waħedha jew żewġ persuni li jabitaw bħala familja. M’hemm l-ebda distinzjoni ta’ sess jew ta’ stat konjugali.
Fid-diskors tiegħu tal-15 ta’ Mejju 2009 kien wera l-istess ħsieb li wera l-ġimgħa l-oħra li għalkemm l-leġiżlatur irid jindirizza u jirregolamenta r-rapporti ġodda li qed jitwieldu, bejn koppji eterosesswali u omosesswali, tali rapporti ma jistgħux jitqiegħdu fl-istess keffa ma’ żwieġ kif nifhmuh fil-forma tradizzjonali tiegħu bejn koppja eterosesswali.
Kien ċar ukoll meta qal, “Fl-istess ħin ma rridux ninjoraw il-fatt li numru li qed jikber ta’ individwi qed jagħżlu, għax iridu jew għax kostretti miċ-ċirkostanzi, li jgħixu f’mudelli differenti mill-familja tradizzjonali fiż-żwieġ. Ma naħsibx li hu sew li ninjoraw din il-minoranza sinifikanti u nqisuha bħala eċċezzjoni li mhux ta’ min iħabbel rasu dwarha.”
Mill-punt Kostituzzjonali wieħed jistenna li l-President irid joqgħod attent milli jinvadi l-kamp tal-Parlament għax għalkemm il-poter leġiżlattiv ma jiġix formalment imxekkel bil-pronunzjamenti tiegħu, jidher li qed tiġi kkonsolidata l-prassi fil-pajjiż li l-Parlament jilleġiżla b’mod li jista’ jimbarazza l-President.
Barra minn hekk, interventi inekwivoċi f’dibattiti li fuqhom fil-pajjiż jeżistu pożizzjonijiet opposti ma jagħmlux ġid lill-kunċett li l-presidenza hi meqjusa bħala s-simbolu tal-għaqda nazzjonali.
Il-President Abela, li laħaq bil-vot unanimu tal-Parlament jaf, ta’ volpi antik fil-politika, li l-kunsens nazzjonali jrid jaqilgħu kuljum, b’kull diskors li jlissen u b’kull ġest li jwettaq. Jalla jispiċċa l-presidenza bil-kunsens li kellu fil-bidu tagħha u hekk ikompli fil-passi tal-predeċessuri tiegħu.
No comments:
Post a Comment