Tuesday, 16 February 2010

L-Orizzont: Divorzju

15.2.10 minn Platernian

Meta indirizza l-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista l-ġimgħa li għaddiet il-Kap tal-Partit Dr Joseph Muscat reġa’ tenna li, jekk ikun Prim Ministru, jintroduċi ‘private members bill’ li jipproponi d-dħul tad-divorzju f’Malta. Aspett ta’ din il-wegħda li għadni ma rajt l-ebda kumment dwarha huwa li, skont l-interpretazzjoni tiegħi, il-PL mhux qiegħed jikkunsidra li d-dħul tad-divorzju jkun fil-programm tiegħu fl-elezzjoni li jmiss. Kieku kien hekk, il-Kap ta’ Gvern Laburista ma jintroduċix abbozz privat li jħallih suġġett għal vot ħieles, anki fost il-Membri Parlamentari tiegħu stess.

Naħseb li Dr Muscat ikkonkluda, bħalma għamilt jiena, li jista’ jagħti l-każ li fil-pajjiż għad m’hawnx maġġoranza favur id-divorzju. Kieku kien il-kuntrarju, aktar kien ikun probabbli li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaħdem għal pożizzjoni formali tal-PL favur id-divorzju u, jekk ikun fil-Gvern, iressaq fil-Parlament liġi li jkollha l-qaw wa tal-gvern warajha u li allura tkun suġġetta għall-Whip Laburista. Forsi, kien ikun ukoll aktar probabbli li l-PL jipproponi referendum fejn il-poplu jkun mistoqsi jekk iridx id-divorzju.

Il-Mexxej Laburista diġà jaf li hemm għall-inqas Membru Parlamentari Laburista li huwa kontra d-divorzju u jista’ jkun hemm oħrajn. L-istedina tiegħu lill-Partit Nazzjonalista li jħalli l-Membri Parlamentari tiegħu jivvotaw skont il-kuxjenza hija mnebbħa mill-kalkolu li forsi l-approvazzjoni ta’ ‘private members bill’ ikollha bżonn l-appoġġ ta’ deputat jew deputati Nazzjonalisti. Ma nafx jekk il-mod kif Dr Muscat qiegħed jipproponi deċiżjoni rigward id-divorzju tinkludix ukoll il-kalkolu li, jekk il-PL ma jiħux pożizzjoni formali favur id-divorzju, forsi jkun hemm inqas ċans ta’ attakki diretti u konsistenti mill-Knisja Maltija fuq programm Laburista fl-elezzjoni li jmiss. Il-Kap Laburista żgur jaf li, anki jekk il-Knisja Kattolika f’Malta m’għadhiex tinfluwenza l-imħuħ kif kienet fl-imgħoddi, l-impatt tagħha ma jistax ikun injorat.

M’għandix dubju li, meta l-Kap Laburista jistieden lill-kap tal-PN biex iwiegħed vot ħieles fil-leġislatura li jmiss, huwa mhux qiegħed jistenna tweġiba. Dr Lawrence Gonzi mhux beċċun. Il-kap Nazzjonalista jaf li d-dħul tad-divorzju jista’ jkun karta elettorali qawwija li, b’appoġġ mill-Knista Kattolika, jilgħabha biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-PN f’kampanja elettorali.

Jekk il-konvinzjoni ta’ Dr Gonzi hija li fil-pajjiż għad m’hawnx maġġoranza favur id-divorzju, ikun jippreferi li ma jidhirx “progressiv”, anzi li jikseb l-appoġġ tas-sezzjoni konservattiva tal-elettorat li forsi, għal raġunijiet oħrajn, kienet tkun lesta tivvota Laburista minn hawn u sentejn oħra.



Gays



Fil-moviment ġdid li qiegħed jipprova jibni l-PL m’hemmx post għal min huwa preġudikat kontra l-‘gays’. Hekk qal il-Kap Laburista Dr Muscat il-ġimgħa li għaddiet.

Waqt li nifhem is-sens tal-messaġġ li ried iwassal, jiġifieri li wieħed għandu jifhem l-għażliet personali ta’ kif igħixu ċerti nies u ma jeskludihomx jew jiddiskrimina kontrihom minħabba f’hekk, ma naħsibx li dan ifisser li se jsir xi test biex jeskludi lil dawk li ma jħossuhomx komdi bil-‘gays’.

Wara kollox, il-moviment li qiegħed jipproponi Dr Muscat mhuwiex, safejn naf jien, xi organizazzjoni formali bi strutturi tagħha fejn il-membri jkunu suġġetti għad-dixxiplina li wieħed normalment jassoċja ma’ partit politiku.

Jien ċert li Dr Muscat jaf tajjeb li, anki jekk hawn nies, fosthom membri tal-Partit Laburista, li huma lesti li jaċċettaw il-‘gays’ u ma jqisuhomx nies ħżiena jew morda, dan ma jfissirx li dawn l-istess nies ikunu lesti li jagħtuhom ċerti jeddijiet. Il-Kap Laburista qal li l-‘gays’ għandhom jedd għal ħajja dinjituża. Probabbli li ħafna jaqblu jew jaslu li jaċċettaw pożizzjoni bħal din. Iżda lil hinn minnha?

Il-PN diġà qiegħed jattakka lill-Mexxej Laburista li mhux qiegħed jipproponi ħidmiet konkreti dwar ċerti materji, fosthom il-jeddijiet tal-‘gays’. Ngħiduha kif inhi, għandu raġun.

Waqt li nifhem li l-iżvilupp ta’ temi soċjali u politiċi jirrikjedu ż-żmien għal perjodu ta’ diskussjoni, jiena nittama li l-PL jiċċara l-pożizzjoni tiegħu fix-xhur li ġejjin. Ma jistax ikun mod ieħor jekk il-moviment ġdid propost mill-Kap Laburista jkun irid jittieħed bis-serjetà. U wisq naħseb li anki l-istess ‘gays’ mhuma se jitolbu xejn inqas.

Naturalment, il-problema qiegħda fid-dettall. Xi tfisser l-idea ta’ ħajja dinjituża? Forsi li koppji ‘gay’ ikollhom ċerti jeddijiet ċivili u legali, ngħidu aħna bħalma ppropona l-PL fil-kuntest tar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera?

Probabbli li jkun hemm għadd konsiderevoli ta’ nies, fosthom jiena, li ma jkollhomx problema dwar din l-idea. Forsi li koppji ‘gay’ ikollhom jedd jiżżewġu? Probabbli li l-maġġoranza tan-nies, fosthom jien, ikollhom problema serja dwar dan. Forsi li koppji ‘gay’ ikollhom il-jedd li jadottaw tfal? Naħseb li wisq inqas u inqas ikun hemm qbil mill-moderati li Dr Muscat irid li jkun hemm fil-moviment.

Imbagħad, wieħed irid jiddiskuti wkoll b’liema mod il-moviment ġdid jew il-PL se jipproponu jeddijiet ġodda. Jekk dwar id-divorzju l-metodu se jkun ‘private members bill’, allura kemm u kemm aktar għandu jkun hemm l-istess metodu fejn jikkonċerna ċerti jeddijiet għall-‘gays’?

Fejn għandu jkun hemm proposti li jkunu adottatti formalment fi programm elettorali li Gvern Laburista mbagħad ikun marbut li jwettaqhom, u fejn proposti li jistgħu jitħallew għad-diskrezzjoni personali tal-membri parlamentari. Fejn għandu jintuża l-istrument ta’ referendum, u fejn le?

Dr Joseph Muscat għandu sfida enormi, għax kif ammetta huwa stess, dawn il-materji soċjali u kulturali jistgħu joħolqu differenzi sostanzjali u til­wim mhux biss bejn il-progressivi u l-konservattivi, iżda wkoll bejn il-moderati u l-progressivi.



Progressivi



Fix-xhur li ġejjin se jkun importanti wkoll li nkunu aktar dixxiplinati intellettwalment fuq l-idea ta’ xi jfisser li tkun progressiv.

Tkellimt ma’ għadd ta’ nies li donnhom jaqblu mal-idea li tkun “progressiv” għax l-oppost tagħha huwa li tkun “konservattiv” u allura, b’assoċjazzjoni, li tkun antikwat u reazzjonarju. Skont dawn, li tkun progressiv għandu konnotazzjoni pożittiva li jagħtik vantaġġ fuq partit “mhux progressiv”.

Ħafna nies donnhom jaħsbu li, li tkun “progressiv” ifisser li tkun “liberali”. Iżda dan iwassal għal ħafna konfużjoni. Jekk il-liberaliżmu tħares lejh minn lenti kulturali, allura hemm art komuni bejnu u bejn il-progressiviżmu. It-tnejn jemmnu f’kunċett ta’ jeddijiet naturali u libertajiet ċivili li huwa dover ta’l-istat li jħarishom.

Hawnhekk wieħed jista’ jara kif jagħmel sens id-diskors tal-kap Laburista dwar il-jeddijiet tal-‘gays”, fost oħrajn. Iżda, jekk il-liberaliżmu tħares lejh minn lenti ekonomika, allura hemm differenzi kbar mill-progressiviżmu.

Il-liberaliżmu ma jħaddanx l-istess idea ta’ intervent mill-Istat, distribuzzjoni iżjed mifruxa tal-ġid fis-soċjetà, politika soċjali (ngħidu aħna kura universali b’xejn) aktar inklussiva, diskrimi nazzjoni pożittiva f’ċerti oqsma (ngħidu aħna favur in-nisa, kif ippropona l-kap Laburista).

Ngħidu aħna, il-liberaliżmu żgur huwa kontra l-monopolji u duopolji. Allura, meta Dr Muscat stqarr li l-moviment ġdid “iwaqqaf” monopolji u duopolji li jwasslu għal żidiet abbużivi fil-prezzijiet, b’daqshekk sar liberali?

Ma naħsibx, anki jekk ir-rapport li qrajt ma nafx jirriflettix preċiż dak li qal il-kap Laburista.

No comments:

Post a Comment