Tuesday, 2 February 2010

Il-Gens: Il-President għandu raġun: iż-żwieġ hu bejn mara u raġel

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=15&news=2021
30 ta' Jannar 2010 minn Fr John Avellino (Editorjal)

Dak li hu ovvju, anki skont il-liġi naturali, għall-maġġoranza l-kbira ta’ bnedmin, jidher li hu diskutibbli għall-Malta Gay Rights Movement – MGRM.

Dil-ġimgħa l-MGRM oġġezzjonat għad-definizzjoni tal-familja u ż-żwieġ li ta l-President ta’ Malta, Dr George Abela s-Sibt li għada, waqt diskors ewlieni li għamel fil-ftuħ ta’ konferenza dwar il-familja li organizza l-Ministeru għall-Politika Soċjali.

Tul id-diskors tiegħu, il-President tkellem kemm dwar il-kunċett ta’ familja, kif ukoll dwar dak li jagħmel żwieġ.

Saħaq li “l-familja hi impenn għat-tul tal-ħajja bejn raġel u mara, li jista’ jirriżulta fil-prokreazzjoni ta’ individwi ġodda li jagħmlu parti mis-soċjetà, impenn ċentrali u fundamentali għall-ħajja soċjali. Fil-kulturi kollha, l-iktar idea fundamentali tal-familja hija li kull wild għandu bżonn ta’ missier u omm".

Kompla l-President Abela: “Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja familjari li permezz tagħha tista’ tiżviluppa l-kapaċitajiet fiżiċi, intellettwali, psikoloġiċi u soċjali, li mbagħad tista’ tinqeda bihom għall-ġid tagħha nfisha u tas-soċjetà li tgħix fiha.

“Id-deċizjoni ta’ koppja li tiżżewweġ hija waħda libera u privata, iżda l-effetti tagħha mhumiex limitati għall-isfera privata biss, imma jidħlu wkoll fid-dominju pubbliku u soċjali. Il-familja, mela, mhix sempliċi kuntratt matrimonjali, għalkemm il-kunċett ta’ familja li writna tul sekli ta’ esperjenza huwa rifless fil-liġijiet tagħna dwar il-familja.” Dr Abela sostna li “l-familja eżistiet qabel l-Istat għax hija naturali”.

Meta ġie biex jitkellem dwar dak li jagħmel żwieġ, il-President qal li “l-liġijiet ċivili tagħna ma jagħtux definizzjoni espliċita ta’ x’inhu żwieġ”, u staqsa: “Din il-lakuna qiegħda hemm biex tħalli t-triq miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma ‘żwieġ’ biex fil-futur tinkludi unjonijiet diversi minn dawk bejn mara u raġel, jew għax it-tifsira tal-kelma kienet tant evidenti li ma kellhiex bżonn ta’ definizzjoni?”

Kompla l-President: “S’issa, il-kunċett u l-prattika soċjali li fuqhom għadhom ibbażati l-liġijiet tagħna dwar iż-żwieġ, partikolarment in-neċessità li l-unjoni matrimonjali tkun bejn mara u raġel, għandhom l-għeruq tagħhom fl-għarfien realistiku tan-natura umana u d-differenzi bejn is-sessi. Dan jinkludi inevitabbilment li l-unjoni bejn is-sessi differenti biss tista’ tirriżulta fil-prokreazzjoni.”

“Il-familja kif fhimnieha s’issa hi, fuq kollox, ta’ natura bijoloġika għax għandha rabta intrinsika mal-prokreazzjoni u r-responsabilità tat-trobbija tal-ulied.”

Dr Abela sostna li “l-liġi tista’ tippermetti unjoni differenti minn dik bejn mara u raġel u ssejħilha ‘żwieġ’, għax iż-żwieġ hu kunċett regolat mid-dritt, imma żwieġ bħal dan jista’ jagħti lok għal familja? Fi kliem ieħor, unjonijiet li mhumiex bejn mara u raġel, jistgħu jissejħu familja?”

U kompla: “Dan ma jfissirx li ma jistgħux isiru liġijiet li jipprovdu għal ċerti drittijiet reċiproċi fejn jidħlu koppji tal-istess sess f’relazzjoni stabbli, imma dan jista’ jissejjaħ żwieġ?”

F’mument minnhom Dr Abela tkellem dwar id-dritt tal-adozzjoni li ngħata f’xi pajjiżi lill-koppji tal-istess sess u staqsa “jekk adozzjoni minn koppji tal-istess sess tistax tipprovdi mudell ta’ familja naturali, u jekk l-adottat jistax ikun diżorjentat psikoloġikament u soċjalment minn sitwazzjonijiet bħal dawn”.

Nistqarru li ma nifhmux il-kritika li għamel il-MGRM fil-konfront ta' dak li qal Dr Abela. Fis-sostanza l-President saħaq li l-familja "hi impenn għat-tul tal-ħajja bejn raġel u mara", u li l-unjoni matrimonjali hi "bejn mara u raġel... fl-għarfien realistiku tan-natura umana u d-differenzi bejn is-sessi".

Ma nistgħux ma naqblux mal-President li l-familja, kif tiddetta l-istess natura, hi bejn raġel u mara, u li għaldaqstant ż-żwieġ hu bejn żewġ persuni ta' sess differenti. Xejn inqas, u xejn aktar. U jekk b'unjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess qed nifhmu 'żwieġ', allura, iva, ikollna nistqarrui li dan imur kontra n-natura, u ma nistgħux naqblu miegħu. Irridu ngħidu li b'daqshekk mhux qed ngħidu li l-omosesswalità neċessarjament tmur kontra n-natura.

L-MGRM ħaduha wkoll kontra l-President għax staqsa dwar l-għaqal li tfal ikunu adottati minn koppja tal-istess sess. Għal darb'oħra, ma nifhmux għaliex dwar dan it-tħassib ta' Dr Abela l-MGRM għandhom ikollhom problema. Ilkoll nafu, anki mill-esperjenza personali tagħna stess, li l-aħjar trobbija tat-tfal tingħata fi ħdan dak l-ambjent familjari fejn ikollok mara u raġel li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Dan hu ppruvat ukoll mir-riċerka empirika. Ħadd u ħadd ma jista' jieħu post ir-rwol tal-missier u tal-omm fit-trobbija tal-ulied. It-tnejn jikkumplimentaw lil xulxin, u flimkien jistgħu jagħtu l-aħjar għal uliedhom.

L-MGRM ilmenta wkoll li tul il-konferenza ngħata x'jifhem li s-sekularizzazzjoni hi theddida għall-familja. Ma rridu bl-ebda mod nimponu xi forma assoluta tal-familja, jew tal-valuri li jsostnu l-familja, l-aktar f'soċjetà pluralistika bħalma hi dik tagħna, imma nkunu boloħ u għomja jekk ma nagħrfux li l-proċess ta' sekularizzazzjoni qed iħalli effett diżastruż fuq il-familji tagħna. Inkunu qed niċħdu r-realtà jekk ma nammettux li ċerti hekk imsejħa 'kunċetti moderni' dwar il-familja li deħlin, jew daħlu fostna, flok isaħħu din il-unit hekk importanti fis-soċjetà, qed ikisruha. U allura nistaqsu: x'hemm ħażin li nkompli nsostnu dawk il-valuri Nsara u umanistiċi li dejjem sostnew il-familja Maltija?

Kellu raġun Dr Abela meta lejn tmiem id-diskors tiegħu saħaq li "l-familja teħtieġ aktar sostenn sabiex tkompli tissaħħaħ. Familja li tisfaxxa dejjem iġġib riperkussjonijiet serji fuq it-tfal, speċjalment dawk iżgħar fl-età".

Fl-istess waqt ningħaqdu mal-President tagħna biex anki aħna nħeġġu biex il-policy nazzjonali tal-familja tiġi ppubblikata u l-liġi tal-familja tiġi aġġornata, "bil-għan li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni, u dan wara li jiġu definiti u nkunu ċari x’qed nifhmu sew meta nirreferu għal ‘familja’ u għaż-‘żwieġ’."

No comments:

Post a Comment