Tuesday, 4 November 2008

It-Torca: Il-knisja f’Malta jeħtieġ tiddjaloga mal-oqsma kollha tas-soċjetà

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7561
2.11.8; minn Kristjan, Rabat, Għawdex

Fil-gazzetta it-TORĊA gaddejja korrispondenza dwar rapport li deher fl-istess gazzetta taħt it-titlu: “Omelija ta’ l-Isqof t’Għawdex tqajjem kontroversja”, imbagħad ir-reazzjoni għal din l-omelija: “Omo-ssesswali u separati jħossuhom offiżi”. Dwar l-istess kwistjoni kiteb l-Avukat Joseph Carmel Chetcuti, f’The Malta Independent tal-31 ta’ Awwissu, taħt it-titlu: “Bishop Mario Grech’s sermon of 20 August.” [Ara wkoll hawn].

Normalment id-diskorsi ta’ Monsinjur Isqof ikunu ppubblikati fil-website tad-Djoċesi t’Għawdex. Ħassejt li fuq ħaġa daqstant sensittiva għandi nfittex u nara l-kontenut ta’ din l-omelija fil-website uffiċjali tal-istess Djoċesi. Irriżultali li fl-20 ta’ Awwissu kien organizzat Pellegrinaġġ Djoċesan għal fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl u dan bħala parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina (28 ta’ Ġunju 2008 - 29 ta’ Ġunju 2009) li kienet imnedija mill-Papa Benedittu XVI. Sibt l-avviż, però ma sibtx il-kontenut tal-omelija.

Hemm l-omelija li saret fil-Katidral t’Għawdex fil-15 ta’ Awwissu, u mbagħad hemm l-omelija li saret fil-parroċċa taż-Żebbuġ t’Għawdex fl-24 ta’ Awwissu; dik tal-20 ta’ Awwis-su għal xi raġuni mhix ippubblikata, u allura jkolli noqgħod għal dak li deher fit-TORĊA u f’The Malta Independent.

Naħseb li ma nkunx qed niżbalja jekk nazzarda ngħid li l-omelija tal-Isqof t’Għawdex, li qajmet kontroversja, saret fil-kuntest ta’ dan il-pelligrinaġġ Pawlin. Pawlu li r-relikwija nsenji tad-driegħ tiegħu qiegħ-da żżur il-parroċċi t’Għawdex ċertament li għandu messaġġ għalina lkoll. Riċentement laqtuni żewġ kotba miktuba mill-Kardinal Francesco Gioia, bl-isem: The Apostle Paul: The Testimony of Joy amidst Suffering, u St. Paul: from ‘Persecutor and Man of Violence’ to ‘Greatest Model of Patience’, ippubblikati mil-Libreria Editrice Vaticana.

Minn dawn il-kotba, il-qarrej isir aktar konxju ta’ dik li f’terminoloġija teknika tissejjaħ: it-Teoloġija Pawlina, liema teoloġija tiżvolġi ruħha fil-kuntest tal-ħidma pastorali mwettqa mill-Appostlu tal-Ġnus. L-awtur jirnexxilu jippreżenta lill-qarrej bil-kwalitajiet distinti li kienu jsawru l-karattru u l-imġieba ta’ Pawlu, jiġifieri, ‘il-ferħ minkejja t-tbatija’ u ‘mudell mill-ikbar ta’ sabar’.

Fil-kuntest ta’ dak li kien rapportat mit-TORĊA u mill-Malta Independent, jiġifieri l-omelija tal-Isqof u r-reazzjoni għall-istess omelija, ifeġġu f’moħħi żewġ mistoqsijiet fundamentali: il-ferħ nisrani verament jeżisti fil-knisja Għawdxija? Qiegħdin nagħtu xhieda ta’ sabar lill-ambjent ta’ madwarna? Il-ferħ nisrani jrid l-ewwelnett jinħass fi ħdan il-membri tal-Kleru.

Huma l-membri tal-Kleru li flimkien mal-lajċi mpenjati jridu jikkomunikaw dan il-ferħ nisrani lis-soċjetà li fiha ngħixu. Is-sabar li minnu jit-kellem San Pawl mhuwiex dgħufija, imma pjuttost il-kuraġġ li niddjalogaw mal-membri kollha tas-soċjetà, ma’ dawk kollha li għandhom rieda tajba - anke ma’ dawk li ma jqisux lilhom infushom bħala membri tal-istess Knisja.

Ħadt gost bl-istqarrija tal-Arċisqof Pawlu Cremona fejn wera d-disponibbiltà tal-Knisja Maltija li lesta li tiddjaloga dwar l-issue tad-divorzju.

Jekk dak li rraportat it-TORĊA hu minnu, jirriżulta li l-Knisja Għawdxija għadha ddomintata minn mentalità arkajka; Knisja fejn aktar milli tikkonvinċi permezz tat-tagħlim, tippreferi tinqeda bl-aw-toritajiet ċivili biex tmewwet kurrenti li ma jaqblux mat-tagħlim tagħha; teżerċita l-awtorità tagħha biex tinnegozja mal-awtoritajiet ċivili tip ta’ leġiżlazzjoni u eventwalment timponiha fuq iċ-ċittadini kollha.

Tinsa li llum qiegħdin ngħixu f’soċjetà multikulturali u multireliġjuża li tħaddan ċittadini li jistgħu jkunu nsara konvinti u prattikanti, inkella tal-isem, kif ukoll ċittadini li jappartjenu għal twemmin ieħor, jekk mhux ukoll ma jappartjenu għall-ebda twemmin.

Jidher li l-omelija tal-Isqof Grech ma tikkonsidrax li s-soċjetà ta’ pajjiżna tinkludi ħafna elementi u li wieħed mill-pilastri tal-pluraliżmu huwa l-libertà ta’ twemmin fost libertajiet fundamentali oħra.

No comments:

Post a Comment