Wednesday, 5 November 2008

L-Orizzont: Kontra d-diskriminazzjoni

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=48573
5.11.8; minn Michael Briguglio, Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika

F’artiklu li ppreċeda lil din il-kolonna li kien iġib l-isem ta’ “Il-Pakkett Soċjali” (l-orizzont 12 ta’ Awwissu), tkellimt dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-pakkett soċjali Ewropew.

Dan il-pakkett soċjali jinkludi l-proposta biex ikun hemm iktar ċaqlieq ħieles ta’ pazjenti u servizzi mediċi fl-Ewropa; il-proposta għal Kunsilli tax-Xogħol u iktar konsultazzjoni mal-ħaddiema; u l-proposta favur trattament ugwali lill-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

F’dan l-artiklu se niffoka fuq l-aħħar proposta, speċjalment meta din qiegħda tiġi meqjusa mill-Gvern Malti u diskussa fil-MEUSAC, fejn jiltaqgħu rappreżentanti tal-Gvern u tas-soċjetà ċivili Maltija biex iqisu proposti fl-UE biex il-Gvern Malti jieħu pożizzjoni iktar informata.

Fl-isfond ta’ din il-proposta, tajjeb li wieħed jikkonsulta stħarriġ soċjoloġiku li sar fl-Unjoni Ewropea dwar it-trattament indaqs u d-diskriminazzjoni. Stħarriġ tal-Eurobarometer li sar iktar kmieni din is-sena juri li 77% tal-Ewropej jappoġġjaw politika kontra d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni u 68% jappoġġjaw politika kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-prodotti u servizzi. Wieħed u ħamsin fil-mija tal-Ewropej jaħsbu li teżisti diskrimazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, 45% jaħsbu li teżisti fuq bażi ta’ diżabilità u 42% jaħsbu li teżisti fuq bażi ta’ età jew reliġjon.

Terz tal-Ewropej raw każi ta’ diskriminazzjoni jew fastidju fl-aħħar sena, u 48% jaħsbu li mhux qed isir biżżejjed kontra din il-pjaga. Huma 33% biss ta’ l-Ewropej li jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

F’Malta, l-istudju tal-Ewrobarometru, li hu kkordinat minn Robert Micallef għall-Kumissjoni Ewropea, juri li hemm inqas Maltin mill-medja Ewropea li jaħsbu li teżisti d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità jew età, iżda għall-kuntrarju, hemm iktar li jaħsbu li teżisti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, u, speċjalment fuq bażi ta’ oriġini etnika.

L-istħarriġ juri li wieħed minn għaxar Maltin biss jgħidu li sfaw vittma ta’ diskriminazzjoni jew fastidju fl-aħħar sena. Fl-istess ħin il-Maltin jidhru li huma iktar komdi mill-medja Ewropea li jkollhom xi ħadd joqgħod ħdejhom li jkollu diżabilità jew li jkun omosesswali jew mill-minorità etnika tar-“Roms” (magħrufin bħala żingari fil-lingwa popolari).

Iktar minn disgħa minn kull għaxar Maltin jaqblu ma’ politika ta’ drittijiet indaqs fuq bażi ta’ sess jew diżabilità, u iktar minn tmienja minn kull għaxra jaqblu wkoll ma’ din it-tip ta’ politika fuq bażi ta’ reliġjon jew età. F’dawn il-każijiet, il-medja Maltija hija iktar għolja minn dik Ewropea. Min-naħa l-oħra, fejn tidħol oriġini etnika, il-medja Maltija hija simili għal dik Ewropea.

Tajjeb li wieħed jinnota li kważi nofs il-Maltin jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ diskriminazzjoni jew fastidju. Il-medja tal-irġiel hija iktar għolja minn dik tan-nisa, u l-istess bħall-medja Ewropea, dawk li spiċċaw mill-edukazzjoni fl-età ta’ 20 jew iktar, huma iktar informati dwar id-drittijiet tagħhom. B’kuntrast mal-medja fl-UE, il-Maltin fl-età bejn il-15 u l-24 sena jafu l-inqas dwar id-drittijiet tagħhom, iżda dawk li għandhom bejn 25 u 39 sena huma l-iktar konxji.

Fl-isfond ta’ dan kollu, ikun tajjeb li l-Gvern Maltin jappoġġja d-direttiva dwar opportunitajiet indaqs proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Bħala membru fil-MEUSAC, Alternattiva Demokratika qiegħda tagħmel il-proposti tagħha f’dan ir-rigward. Fost oħrajn, qegħdin nipproponu li din għandha tkopri kull tip ta’ diskriminazzjoni, b’konformità ma’ artiklu 21 tal-Kapitlu Ewropew dwar id-drittijiet fundamentali, li jgħid li kull diskriminazzjoni f’oqsma bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, reliġjon jew twemmin politiku jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minoranza f’nazzjon, proprjetà, twelid, diżabiltà jew orjentazzjoni sesswali għandha tiġi pprojbita.

Barra minn hekk, l-assikurazzjoni u prodotti finanzjarji għandhom jiġu koperti bid-Direttiva. Prattiċi diskriminatorji f’dawn l-oqsma għandhom jiġu pprojbiti. Fl-istess ħin, organizzazzjonijiet bħal kumpaniji żgħar għandhom ikollhom iktar flessibilità biex jaddataw id-direttiva, iżda għandu jkun hemm livelli ċari biex ma jkunx hemm min ifarfar mir-responsabilitajiet.

Din id-direttiva għandha tiġi kkumplimentata ukoll b’miżuri ta’ politika soċjali u ekonomika li jippromwovu ugwaljanza fir-riżultat u sostenibilità –- bħall-investiment fl-inklużjoni soċjali, żvilupp sostenibbli u xogħol. Għalhekk, għandu jkun hemm regoli ċari kontra d-‘dumping’ soċjali fejn kumpaniji qegħdin jimpjegaw ħaddiema minn pajjiżi oħrajn b’pagi iktar baxxi minn dawk stabiliti fil-ftehim kollettiv nazzjonali. Ikun pożittiv ukoll jekk din id-direttiva għandha tkun akkumpanjata b’miżuri kontra d-diskriminazzjoni fil-politika tal-familja, bħal m’hu d-dritt għad-divorzju għal nies li jgħixu f’Malta.

Din tinkludi wkoll ir-regolarizzazzjoni tal-koabitazzjoni u nies mhux miżżewġin li jgħixu fl-istess dar bħalma huma nies li jiġu minn xulxin, li għandhom ikollhom drittijiet legali u soċjali ugwali għall-familji oħra u li jkunu ħielsa mid-diskriminazzjoni fil-protezzjoni soċjali.

Għandu jkun garantit ukoll id-dritt għal nies tal-istess sess li jkollhom ir-relazzjoni tagħhom regolarizzata u ħielsa mid-diskriminazzjoni fil-protezzjoni soċjali. Għalhekk, id-direttiva li tippromwovi opportunitajiet indaqs, għandha tkun appoġġjata, iżda għandha jkolla orjentazzjoni soċjali iktar b’saħħitha sabiex ikun hemm Unjoni Ewropea iktar ugwali.

Għalhekk, tajjeb li min jemmen fil-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza jitkellem kontra d-diskriminazzjoni… u favur Ewropa Soċjali.

No comments:

Post a Comment