minn Victor Vella, 9 Marzu 2008
http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=6739
Joe bħall-‘gays’ oħra f’Malta kien qed jiffaċċja t-tbatijiet kollha li hawn fis-soċjetà Maltija għall-persuni ‘gay’. Ibda minn nuqqas ta’ drittijiet legali għat-trobbija ta’ tfal, għaż-żwieġ, benefiċċji u spiċċa fil-mentalità. Ħafna ’gays’ Maltin quddiem is-sitwazzjoni f’pajjiżna jgħaddu minn mumenti fejn jikkontemplaw is-suwiċidju b’mod partikolari meta jaraw li l-persuna li huma jħobbu ma tkunx aċċettata u ma jistgħux jibnu futur magħha. Jew meta jaraw li huma stess ma jkunux aċċettati mill-qraba tagħhom. Fl-aħħar snin kellna diversi każi ta’ suwiċidji fost il-‘gays’ Maltin. ‘Gays’ li tkellmu magħna spjegawlna kif f’perjodi partikolari jiġu dawn it-tentazzjonijiet.
Illum it-torċa se tippubblika ittra li bagħtilna wieħed ‘gay’. Ittra li kiteb lill-ġenituri tiegħu, f’mument ħażin li fih ikkontempla suwiċidju. Dave, minn żmien għal żmien jiġuh dawn it-tentazzjonijiet. Ħafna drabi jispiċċa jingħalaq f’kamartu. Il-parir li kien ingħata minn psikologu hu li meta tiġih din ix-xewqa, jaqbad karta u jikteb l-emozzjonijiet tiegħu, dak kollu li jħoss. Meta kiteb din l-ittra nstab mill-ġenituri tiegħu mitluf minn sensih. Fortunatament laħaq kien salvat bl-interventi mediċi fl-isptar.
L-ittra li kiteb kienet tgħid hekk;
“Għeżież ommi u missieri,
Jiddispjaċini għalikom li nħobb. Imma issa ma nistax nissapporti aktar. Se nwaqqaf il-mixja tal-ħajja hawn. Dan hu d-destin tiegħi. Kien miktub għalija. Ma nistax ngħix bħalkom u bħan-nies l-oħra. Jien ‘gay’. Omosesswali. Pufta, jew ‘il-puffy’ kif jgħiduli ħafna hawn fir-raħal. Qatt ma ridt inkun hekk. Dejjem ittamajt li ninbidel, li jiġri xi ħaġa u ma nibqax hekk. Tlabt fuq li tlabt. Imma ma inbidel xejn. Ridt ngħix ħajja normali bħan-nies tar-raħal, bħal sħabi tal-kulleġġ. Imma Alla ħalaqni hekk, għal raġunijiet li jaf hu. Ma nista’ nagħmel xejn biex ninbidel. Ibqgħu ċerti li kieku jiddependi minni kont ninbidel. Twelidt hekk. Emmnuni, kieku stajt, ma kontx se nagħżel li ngħix din il-ħajja. Iebsa wisq. M’iniex aċċettat. Jiddispjaċini li lilkom se nħallilkom dan ma wiċċkom. Imma jien illum ma niflaħx ngħix iżjed din il-ħajja. Wara din l-ittra jien se nkunu qed ngħix ħajja aħjar. Bla biża. Bla agunija. Bla tgħajjir. Se nkun qed ngħix ħajja fil-paċi. Ifhmuni - ma ridtx inweġġagħkom. Ridt li ntemm it-tbatija kbira li kont qed insofri.
“Naf li intom u taqraw din l-ittra forsi se tiddubitaw, taħsbu li qed ngħaġġibha. Il-ġimgħa l-oħra ġie Steve fuqi waqt il-free lesson. Beda jdaħħak klassi u jgħid li nħobb is-subien. Bqajt inħares lejn il-ktieb li kelli, li dak il-ħin kien qed iservini biex ma nħarisx lejh. Qalli, ‘ma tgħid xejn;’ u tajjarli l-ktieb minn idi. Bdejt inħares lejn wiċċ il-mejda. Dar dawra mal-mejda. Stennejt xi daqqa f’għonqi. Dak il-mument bdejt narah ma jispiċċa qatt. Waqaf għal ftit u baqa’ jħares. ‘Kieku pulit jilbes il-puffy ta. Tal-flus. Ajma tirranġahom il-ħbieb int.’ Il-klassi bniet u subien infaqgħu jidħku. Anke t-tnejn ħbieb tiegħi bdew jidħku. Minn Steve kulħadd kien jibża’.
“Kompla jdur mal-mejda. Reġa’ ġie quddiemi. Niżżel subgħajh ma’ wiċċi u qalli, ‘ara tipprovax ma xi wieħed minn sħabi!’ Xi tridni ngħidlu lil dan. Fih darbtejn daqsi. L-iskola vvintawli ħafna laqmijiet. Il-Puffy, iċ-Ċikkulatu. Inkun għaddej mill-kuritur u nisma’ min jgħid ‘armaw il-bumper’. Oħrjan jgħidu ‘ara titbaxxa, għax iċaqqamkom’. Il-kelma waslet ukoll sar-raħal. Sħabi fil-kulleġġ xerduha mar-raħal. Il-ħbieb tar-raħal kollha warrbuni. Ftit li xejn għadhom ikellmuni. Il-Kulleġġ l-istess.
“Nifhem li forsi qed tistaqsu, ‘imma kif saru jafu li inti gay, inti ma wegħdtniex li lilna biss se tgħid;’. Fuq din forsi għandkom raġun. Forsi żbaljajt. Jien imma ngħid li ħadmuni. Kif kontu għedtuli intom, li tħobbuni, jien ma nidhirx iffemminat. Ħadd ma jagħrafni. Sa ftit xhur ilu veru ħadd ma kien jagħrafni. Kelli l-ħbieb. Ngħid id-dritt ma kontx għadni konxju li jien gay. Ħriġt għal ftit ma’ Pauleen. Hemmhekk ikkonfermajt. Ftaħt qalbi magħha. Afdajtha. Xerrditha ma’ kulħadd. Nobgħodha għal dejjem fuq dak li għamlitli’.
“Naf li intom tħobbuni, anki jekk forsi mhux dejjem fhimtuni. Naf li tħobbuni alavolja xxukkjajtkom meta għedtilkom li gay. Fl-iskola imma kont qed ngħix fl-infern. Ma stajtx ngħidilkom minn x’hiex kont għaddej. Ma ridtx ninkwetakom.
“Ma rridx inweġġa’ aktar. Xbajt inkun imżeblaħ Irrid immut. Nitlaq. Noħroġ minn dan il-ġisem. Neħles. Nixtieq li tibqgħu tiftakruni bħala dak il-bniedem li dejjem kont bi tbissima. Aħfruli li ħbejt minnkom dak li kont għaddej minnu fl-iskola. Irridkom tibqgħu tħobbuni. Titnikktux bil-mewt tiegħi. Jien issa qed inħossni aħjar. Naf li ftit ħin ieħor mhux se nibqa’ nsofri. Daqshekk beżquli. La nitlaq minn dan il-post ta’ l-ipokriti se nkun aħjar. Għax fejn nista’ nkun agħar milli hawn;
“Wasal il-mument li nħallikom. Tibkunix u ftakru li jien kont u nibqa’ nħobbkom.”
Tkellimna mal-psikologu, Antoine Spiteri, dwar is-suwiċidji fost il-’gays’ b’mod partikolari f’Malta. Qalilna li “l-isfidi li għandhom it-tendenzi ta’ suwiċidji fuq il-gays f’Malta, jixxiebħu ħafna ma’ l-isfidi li jiffaċċjaw il-’gays’ f’pajjiżi oħra Ewropej. Id-differenzi jinsabu primarjament fil-programm ta’ intervent, trattament, it-tagħrif miġbur minn riċerka fuq din il-materja, l-edukazzjoni, veduti soċjali u politiċi dwar l-omosesswalità u fuq kollox żieda fil-livell ta’ diskriminazzjoni lejn l-omosesswali.”
Antoine Spiteri sostna li “mir-riċerka jidher li żgħażagħ ‘gay’ huma f’riskju akbar għal tentazzjoni ta’ suwiċidju. Riċerka li tidentifika u tindirizza l-bżonnijiet ta’ l-omosesswali Maltin hi ineżistenti iżda mir-riċerka li saret f’pajjiżi Ewropej jidher li l-’gays’ f’dawn il-pajjiżi huma bejn tnejn jew tliet darbiet aktar suxxettibbli li jagħmlu suwiċidju. F’ċerti pajjiżi Ewropej, is-suwiċidji minn żgħażagħ ‘gays’ jitilgħu sa 30 fil-mija ta’ dawk li jagħmlu suwiċidju. Minn studji jirriżultà li 50 fil-mija taż-żgħażagħ ‘gay’ għandhom ċans aktar serju li jikkonsidraw suwiċidju, fejn ħafna minnhom jirrimarkaw li dawn ix-xewqat suwiċidjali huma marbuta ma’ l-orjentazzjoni sesswali. Dan hu minħabba diversi fatturi fosthom depressjoni, użu ta’ sustanzi, vjolenza u vittimizzazzjoni. Apparti dan hemm kunflitt fil-familji, problemi fl-iskejjel, stigma soċjo-kulturali kif ukoll l-omofobija. Tajjeb jingħad li nofs iż-żgħażagħ ‘gay’ li għamlu attentat ta’ suwiċidju rrapurtaw li missirijiethom m’aċċettaw-homx.”
Dwar is-sitwazzjoni f’Malta, Antoine Spiteri isostni li “f’Malta hawn bżonn programmi, politika u riżorsi biex ikunu ta’ għajnuna u appoġġ għall-adoloxxenti ‘gays’. Dawn iż-żgħażagħ jinsabu f’riskju konsiderevoli. Aktar għaqda u aċċettazzjoni fil-familji, għajnuna minn adulti u sigurtà akbar fl-iskejjel, kollha juru li jistgħu jwasslu biex jitnaqqsu x-xewqat suwiċidali fost iż-żgħażagħ ‘gay’. Apparti dan, ir-riċerka u programm ta’ interventi huma meħtieġa f’Malta biex titnaqqas l-istigma li teżisti, stigma li twassal biex individwi u l-qraba ma jmorrux għall-għajnuna li jkollhom bżonn”.
victorvella2002@yahoo.com
antoine@antoinespiteri.com
No comments:
Post a Comment