Tuesday, 18 March 2008

L-oħrajn fostna

minn Victor Vella

16 ta’ Marzu 2008

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=6756

Din hi parti mill-istorja li tana persuna omosesswali, wara l-istorja li dehret fil-ġurnal it-Torċa l-ġimgħa li għaddiet, li kienet tirrigwarda ittra miktuba minn persuna omosesswali waqt li ġietu x-xewqa ta’ suwiċidju. Din il-persuna, li xtaqet li isimha ma jkunx pubblikat, bħalissa tinsab għaddejja minn mumenti diffiċli bħal persuni omosesswali oħra, minħabba ċ-ċirkostanzi li huma jkollhom jgħixu fihom.

Malta bla strateġija biex tipprevjeni suwiċidji fost il-gays

Minn stħarriġ li għamlet it-Torċa jirriżulta li f’Malta għad m’hawn l-ebda strateġija biex tipprevjeni s-suwiċidji fost persuni omosesswali. Dan meta f’pajjiżna, persuni ‘gay’ għadhom ’il bogħod ħafna milli jgħixu b’mod trankwill u normali bħaċ-ċittadini l-oħra. Minħabba din is-sitwazzjoni, diversi huma dawk li jagħżlu li jeżiljaw ruħhom minn Malta jew inkella jittantaw jagħmlu suwiċidju, kif ġara fl-aħħar jiem fejn żagħżugħ temm ħajtu minħabba dak li kien qiegħed iġarrab. Bħal dan iż-żagħżugħ hawn diversi oħrajn, li minn ħin għall-iehor tiġihom ix-xewqa għas-suwiċidju.

Tajjeb wieħed jgħid li pajjiżi li huma meqjusin bħala li għandhom soċjetà li tilqa’ lill-omosesswali u li dawn fiha jistgħu jgħixu b’mod normali bid-drittijiet tagħhom, ukoll żviluppaw strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidji fost il-gays.

Il-pajjiżi li żviluppaw strateġiji simili huma n-Norveġja, l-Finlandja, s-Slovenja, l-iSvezja, Franza, l-Awstralja, l-Irlanda, New Zealand, l-Istati Uniti, l-Ingilterra u l-Iskozja.

F’Malta din it-’traġedja’ qed tiġi injorata

Sfortunatament sa issa f’Malta mhix tkun trattata dik li l-omosesswali stess isejħu bħala ‘it-traġedja’ ta’ suwiċidji fost persuni gay. F’pajjiżna m’hawn ebda kampanja biex tqajjem kuxjenza fuqhom u biex turi li din tista’ titwaqqaf jekk ikun hemm servizzi ta’ appoġġ u ta’ għajnuna. F’pajjiżna ma jeżisti lanqas l-ebda programm ta’ prevenzjoni għal dawk il-persuni gays li jkollhom tentazzjoni ta’ suwiċidju. Dawk li għandhom bżonn għajnuna biex jaċċettaw lil uliedhom, ukoll ftit li xejn għandhom servizzi ta’ appoġġ.

X’suppost ikun hemm fi strateġija kontra s-suwiċidji

Fi strateġiji li għandhom pajjiżi oħra hemm kampanji biex iqajmu kuxjenza fuq dan u biex juru li din tista’ titwaqqaf. Il-kampanja tkun intiża biex anke twaqqaf l-istigma li teżisti kontra persuni gay. Ikunu żviluppati programmi intiżi biex jitrattaw persuni bi problemi simili u anke l-familjari tagħhom. Taħriġ għall-carers biex jindunaw bil-każi ta’ omosesswali li huma f’riskju li jaqgħu f’tentazzjoni ta’ suwiċidju.

Appell

Diversi persuni omosesswali li tkellmu magħna matul din il-ġimgħa appellaw li “hemm bżonn li ssir ħidma flimkien bl-għan li titnaqqas l-omofobija f’Malta. F’pajjiżna għad hawn stigma kbira, ibda mill-ġenituri meta jkunu infurmati li għandhom lil xi ħadd gay, il-pressjoni u l-istigma fl-iskejjel, kif ukoll l-istigma inġenerali fis-soċjetà Maltija, fejn persuna gay hi trattata bħala ċittadin tat-tieni klassi. Dan billi ħafna drittijiet li l-gays għandhom f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, f’Malta dawn għad m’hemm l-ebda sinjal li se ndaħħluhom.”

Il-psikologu Antoine Spiteri, ibbażat fir-Renju Unit, isostni li hemm bżonn ħidma biex titnaqqas il-prevalenza ta’ suwiċidji jew tentazzjoni simili fost il-gays Maltin. Isostni li aġenziji governattivi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jgħinu lill-gruppi minoritarji li jinsabu l-aktar vulnerabbi li jispiċċaw vittma tas-suwiċidju.

L-esperjenza ta’ gay f’sitwazzjoni diffiċli

“Erba’ snin ilu, meta kelli 16-il sena iddeċidejt li niftaħ qalbi ma’ ommi u għedtilha li jiena gay. Għall-ewwel donnha bdiet taċċettani, u jien ħassejtni veru kuntent. Xi sagħtejn wara ġiet fuqi, u qaltli li ma jistax ikun li jiena “hekk”. Qaltli ma ngħid lil ħadd u li rrid ninsa li jien hekk. Qaltli li x’aktarx kont konfuż u bdiet tfakkarni fuq żmien ieħor meta kont ġieli ngħaddi kummenti fuq xi tfajliet. Fi kliem ieħor, ma kinitx se taċċettani.

“Qabel ma għedtilha li jien gay kienet għajjritni “pufta”. Qalet li ssuspettat li kien hemm xi ħaġa, la jiena qatt (sa dakinhar) ma kont ġibt tfajla d-dar. Bdiet tistaqsi ċerti affarijiet li kienu jpinġuni ta’ pervert. Sa darba staqsietni jekk kienx jogħġobni missieri!

“Il-biċċa ma żammithiex għaliha. Marret tgħid lil missieri, għalkemm qaltli li ma qaltlux, hi kienet tal-fehma li “nduna”. Kif induna ma nafx għax jien la qatt ma kont iffemminat u kont pjuttost mistħi. Missieri qatt ma semmieli xejn. Ta’ spiss jirreferi għal nies gay bħala “pufti” u jekk ikun hemm wieħed fuq it-TV anki jidħaq bihom! Din tweġġagħni però nippreferi nweġġa’ milli nkun onest miegħu u ngħidlu wiċċ imb’wiċċ li jien gay.”

“Marret tgħid lin-nanniet, li kważi kienu rabbewni huma. Fortunatament dawn ma ħaduhiex daqshekk bi kbira għalkemm hi kienet tfakkarni ta’ spiss li kienu “iddispjaċuti ħafna”. Għamlet xi xahar tistaqsini ċerti affarijiet. Kelli ħabib tieghi li kien gay, u ma riditnix inkellmu iktar. Fi ftit kliem hi bdiet tirreaġixxi qisha hi l-vittma, qisha hi trid tgħix ħajjitha kollha b’din ir-realtà.”

“Wara xi xahar ma ssemmietx aktar, u llum qisu qatt ma ġara xejn. Hi mingħaliha li kien biss episodju ikrah fejn jien kont għadni mhux ċert fuq is-sesswalità tiegħi. Minn dakinhar ’l hawn inqtajt mill-famuża “gay world”. Iltqajt ma’ min kien midħla tal-”gay scene” u sfortunatament il-maġġoranza tagħhom kienu nies bla sugu moħħhom f’ħaġa waħda biss. Kien hemm min weġġagħni, u għal ħafna żmien bdejt nagħtiha raġun lil ommi. Smajt ċerti stejjer li kważi kważi jbeżżgħuk. Qtajt kull kuntatti ma’ nies gay ftit qabel ma għalaqt 18-il sena.”

“Bdejt noħroġ ma’ tfajla u kelli aktar minn relazzjoni waħda. Ma ħassejtnix li stajt nafdahom, u qatt ma ħassejt ebda emozzjoni ta’ imħabba lejhom. Dawn huma affarijiet importanti għax ħafna jaħsbu li li tkun gay hija biss ħaġa tas-sess.”

Naħseb li bil-mod il-mod qed nirrealizza li forsi hu tajjeb li tgħix. Ippruvajt nidħol f’xi siti ta’ l-internet biex nara nsibx xi ġuvni, imma dawn donnhom moħħhom fis-sess biss.

“Dan l-aħħar hemm naqra ta’ tama. Però bħal drabi oħra diġà qed nistenna li kollox imur ħażin. Hemm min jgħidlek tmur counselling, jew għand psikologu imma mhux kollox ta’ xejn; Id-dinja kerha tibqa’. Li jagħmlu dawn in-nies hu li jippruvaw ipinġu d-dinja b’mod differenti. Mod li ma tidhirx daqshekk kerha. Appell wieħed nixtieq nagħmel lill-ommijiet kollha. Nifhem min x’hiex ikunu għaddejin jekk it-tifel;tifla jgħidulhom li huma omosesswali. Nifhem li diffiċli taċċettaha. Però nassigurakom li t-tifel ikun għaddej minn ħafna agħar minn hekk. Ħadt ma jista’ jimmaġina kemm tweġġa’ meta tirrealizza li int f’ħajtek qatt m’int se tkun maħbub jew aċċettat.”

victorvella2002@yahoo.com

No comments:

Post a Comment