Ħajja fil-moħbi
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=36768
Lulju 2007
Huwa kkalkulat li l-persuni omosesswali jifformaw bejn ħamsa u 10 fil-mija tas-soċjetà. Dan ifisser li b’popolazzjoni ta’ madwar 400,000 persuna, l-omosesswali f’Malta jammontaw għal bejn 20,000 u 40,000. Minkejja dan, bħalma ġara fil-passat, ftit kienu dawk li attendew għall-marċ Gay Pride li sar riċentament fil-Belt.
GAETANO MICALLEF tkellem mal-kordinattriċi tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM), GABI CALLEJA, dwar il-problemi li jiffaċċjaw f’soċjetà żgħira u tradizzjonali bħal dik Maltija.
L-omosesswalità ilha magħna
Għaliex moħħ ħafna jmur fuq is-sess meta jisimgħu bil-kelma “omosesswali”?
Il-kelma “omosesswali” m’hijiex il-favorita tagħna. M’hijiex kelma li ħloqna għalina nfusna. Qabel m’inti mara jew raġel int bniedem. Il-kelma hija marbuta mas-sess proprju għax ħafna nies jiffokaw fuq is-sess meta jirreferu għall-gays bħalma hemm min jiffoka fuq il-kulur tal-ġilda meta jitkellem fuq il-bojod u s-suwed. Kieku n-nies jiffokaw fuq affarijiet iktar importanti ma ssirx id-distinzjoni. Aħna nippreferu nużaw il-frażi “gays” jew “lesbjani”. Għalina ħafna iktar aċċettabbli u tintuża ħafna iktar mill-komunità tagħna. Qatt ma nindirizzaw lil xulxin bħala “omosesswali”.
Omosesswali titwieled jew issir?
M’hijiex mistoqsija f’lokha għax ma tagħmilx differenza. Il-punt huwa li l-omosesswalità hija valida daqs l-eterosesswalità (ġibda bejn persuni ta’ sess differenti). Il-mistoqsija fiha nnifisha hija omofobika għax kieku kont persuna ‘straight’ iċ-ċans li tistaqsini jekk twelidtx ‘straight’ jew sirtx ‘straight’ aktarx li ma tagħmilix. Ħafna drabi meta jindirizzawna b’din il-mistoqsija qishom ikunu qegħdin jagħtu x’jifhem li aħna differenti.
Allura taħseb li l-gays ma jistgħux ikunu Kattoliċi jew Insara?
Diffiċli ħafna. Jistgħu jkunu Kattoliċi bl-istess mod kif hawn Kattoliċi li ma jaqblux mat-tagħlim tal-Knisja dwar, ngħidu aħna, il-kontraċettivi jew dwar il-fatt li n-nisa ma jistgħux isiru qassisin. Ma naħsibx li l-maġġoranza tan-nies taqbel ma’ dak kollu li tgħallem il-Knisja Kattolika. Huwa possibbli li wieħed jemmen f’Alla u fi Kristu u f’ħafna mill-valuri li tgħallem il-Knisja imma hija diffiċli li tħossok parti
U r-relazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri meta jsiru jafu li wliedhom gay?
Tvarja ħafna… skond il-ġenituri, skond x’relazzjoni kien hemm qabel, skond il-livell ta’ reliġjożità, il-livell ta’ edukazzjoni u kemm il-persuna tkun indipendenti mill-familja tagħha. Li nsibu huwa li fil-bidu dejjem ikun hemm reazzjoni negattiva imma fil-maġġoranza tal-każi jaslu biex jaċċettawha. Ikun hemm numru sostanzjali li qatt ma jgħidulhom lill-ġenituri u jibqgħu jagħmlu distinzjoni bejn dak li jgħidu u jagħmlu fil-familja u dak li jagħmlu barra. Oħrajn qatt ma jiġu aċċettati u jaqtgħu qalbhom li l-ġenituri tagħhom xi darba se jaċċettawhom kif inhuma waqt li jkun hemm min saħansitra jitkeċċa mid-dar jew jissawwat.
Għaliex persuna gay diffiċli tgħid fil-miftuħ x’inhi?
Waħda mir-raġunijiet li persuna gay ma tgħidx li hija gay għax anke jekk il-ġenituri jkunu aċċettawha jkun hemm ħafna li jitolbu lil uliedhom biex ma jgħidu lil ħadd. Din waħda mir-raġunijiet il-kbar għaliex f’Malta l-gays diffiċli li joħorġu fil-beraħ.
Għandek ukoll il-problema li ħafna drabi n-nies li jiltaqgħu miegħek jassumu li int ‘straight’. Ħafna ġenituri jaħsbu li t-tfal tagħhom kollha se jkunu ‘straight’. Mentri ma jistax ikun għax f’dinja fejn
Hemm ġenituri li jaħsbu li l-gays se jkunu fil-familji ta’ l-“oħrajn” għax dawk familji “ħżiena” u tagħhom mhux se jkunu hekk għax huma għandhom familji “tajbin”. Mentri t-tfal mhux se jkunu gay għax qegħdin f’familja ħażina … it-tfal se jkunu gay għax huma hekk. Jekk il-ġenituri jaċċettaw din il-ħaġa
Fl-istess waqt taħseb li huwa ġust li l-gays joħorġu fil-miftuħ?
Bħala MGRM nixtiequ li kull persuna gay ikollha l-kuraġġ li toħroġ. Ovvjament trid tara s-sitwazzjoni li tkun tinsab fiha speċjalment jekk, per eżempju, għandha xi 14-il sena u għadha tiddependi mill-ġenituri jew ġejja
Nixtiequ li l-gays joħorġu għax iktar ma jkun hemm nies li jgħidu x’inhuma inqas se jkun hemm preġudizzju. Għax meta persuna li m’hijiex gay tiltaqa’ ma’ persuna gay tirrealizza li ħafna mill-fehmiet li kellha fuqna kienu żbaljati. Nixtiequ li jkun hemm iktar personaġġi, bħal dawk li jidhru fuq it-televiżjoni u politiċi, li joħorġu fil-miftuħ imma ħafna drabi l-biża’ li tista’ teffetwalhom ħażin il-karriera żżommhom lura milli jagħmlu hekk.
Madanakollu bl-ebda mod ma nistgħu nisfurzawhom… ma nistgħux ngħidu lill-gays li m’humiex lesti jagħmlu dak il-pass biex joħorġu fil-beraħ. Trid tkun għażla personali għax wara kollox m’humiex obbligati jgħidu. Imma jekk jagħmlu hekk iservu bħala ‘role models’ u dan jagħtina iktar saħħa fuq livell politiku. Jekk bħala gays qegħdin fejn qegħdin u jekk sa ċertu punt nistgħu ngħixu, għandna ċertu livell ta’ tolleranza u hemm ċerti liġijiet li jipproteġuna, dan kollu għax kien hemm nies li ġġieldu għalina qabel.
F’dinja ideali ma jkunx hemm għaliex toqgħod tgħid l-orjentazzjoni sesswali tiegħek x’inhi imma fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha għad hemm il-bżonn li noħorġu fil-miftuħ u, per eżempju, nieħdu sehem fil-Pride
Semmejna l-Gay Pride. Hemm raġuni għaliex għandu jibqa’ jsir?
Sakemm ikollna l-ugwaljanza għandu jibqa’ jsir. Mhux biss f’Malta imma anke f’dawk is-70 pajjiż fejn l-omosesswalità għadha kriminalizzata. Inħoss li għandna nuru solidarjetà mal-pajjiżi l-oħra. F’ħafna pajjiżi Afrikani, jekk tkun lesbjana tiġi stuprata… fil-Ġamajka li t-transesswali jiġu msawwta hija xi ħaġa ta’ kuljum … fl-Iran regolarment nisimgħu li żgħażagħ jinqatlu għax gay. Dawn għalija huma kollha raġunijet validi għaliex għandna nkomplu għaddejjin bil-Pride March.
Fil-preżent x’inhi l-ġlieda tagħkom fejn jidħlu drittijiet?
Hemm lista twila ħafna. Ta’ kuljum persuna gay ikollha ġġorr magħha mhux biss problemi soċjali imma anke dawk legali. Ngħidu aħna ma tistax timxi id f’id mal-‘partner’ tiegħek jekk ma taqlax il-ħars ta’ ħafna nies. Għax minħabba li n-nies jassumu li int ‘straight’ trid taħsibha darbtejn qabel ma tgħid xi ħaġa. Għandek nuqqas ta’ riżorsi biex tiġi indirizzata l-omofobija fl-iskejjel. Hemm studenti li ta’ kuljum jiġu “bullied” mhux biss għax ikunu gay imma sempliċiment għax ikunu jidhru hekk.
Fil-każ tat-transesswali għad m’għandhomx għajnuna għal “gender reassignment surgery”. M’hijiex parti mis-servizzi tas-saħħa tagħna u wieħed irid iħallas għaliha
Lanqas fil-‘housing’ soċjali m’hawn l-ebda konsiderazzjoni ta’ koppji gay. Għalkemm tista’ tapplika bħala persuna individwali ma tistax tapplika bħala koppja. Anke l-pensjoni tar-romol teskludi lill-gays u allura stajt għext mal-partner tiegħi għomri kollu u jekk xi ħadd minna jmut, il-partner l-ieħor ma jieħu xejn anke jekk kien dipendenti fuqu. Għandek ukoll il-kwistjoni tal-wirt għax jekk koppja gay bniet dar flimkien u xi ħadd minnha miet, jistgħu jiġu familjari u jġorru kollox ’il barra mingħajr ma l-partner ikollu dritt legali li jwaqqafhom. Qisek dejjem trid toqgħod taħseb x’jista’ jiġri ’l quddiem u ma tista’ tieħu xejn “for granted”. Dan joħloqlok stress kbir li nies ‘straight’ la jġorruh u lanqas jifhmu għaliex aħna rridu dawn id-drittijet.
F’pajjiż fejn l-ebda partit politiku m’hu lest jaċċetta ż-żwieġ bejn il-gays u bi Knisja bl-opinjoni tagħha kif inhi, x’futur
Nibqa’ nittama. Ma naħsibx li l-bidla hija imminenti u nħoss li l-partiti politiċi l-kbar m’għandhomx il-kuraġġ li jmorru kontra l-maġġoranza tas-soċjetà anke jekk jista’ jkun hemm nies fil-partit li jaħsbuha l-kontra. Iktar qegħdin jistennew x’tista’ tkun l-opinjoni ġenerali tan-nies qabel ma jieħdu pass huma. Suppost qegħdin niċċelebbraw is-Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs imma smajt xi ħaġa fuq l-orjentazzjoni sesswali?
Nibqgħu niġġieldu għax nemmnu li kawża ġusta. Mhux għax naħsbu li mil-lum għal għada l-affarijiet se jinbidlu. Ħafna gays qegħdin jitilqu mill-pajjiż għax jafu li barra hemm futur aħjar. Oħrajn qatgħu qalbhom, tgħallmu jgħixu fil-moħbi u kważi sa ċertu punt jeħduha kontrik jekk jarawk tqajjem naqra l-ilma għax jgħidulek “issa iktar jagħtu każi mentri s’issa kont inviżibbli u qed inkampa”. Imma ma nħossx li għandi alternattiva. X’nagħmel? Naċċetta li nkun iddiskriminata?
No comments:
Post a Comment