Tuesday, 19 June 2012

Malta Right Now: Qorti - Żewġ żgħażagħ immultati €500 u żewġ tfajliet illiberati wara ġlieda

http://www.maltarightnow.com/?module=news&at=%26%23379%3Bew%26%23289%3B+%26%23380%3Bg%26%23295%3Ba%26%23380%3Bag%26%23295%3B+immultati+€500+u+%26%23380%3Bew%26%23289%3B+tfajliet+illiberati+wara+%26%23289%3Blieda&t=a&aid=99837957&cid=39
Ray ABDILLA, 11 ta' Ġunju, 2012 10:50 CET

Żewġ żgħażagħ, wieħed ta' 17 u l-ieħor ta' 16, kienu mmultati €500 kull wieħed wara li nstabu ħatja li ħebbew għal żewġ tfajliet u li kkaġunawlhom feriti ħfief. Min-naħa tagħhom it-tfajliet ma nstabux ħatja li offendew liż-żgħażagħ subien u li kkaġunaw feriti ħfief fuq wieħed minnhom u għaldaqstant ġew illiberati.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Apap Bologna qalet li tinsab mistagħaġba kif dan il-każ ġie rrappurtat f'diversi mezzi ta' kommunikazzjoni bħala qisu xi "hate crime" minħabba l-orjentazzajoni sesswali tat-tfajliet, waħda ta' 17 u l-oħra ta' 16-il sena.

Il-Qorti qalet li mill-provi bl-ebda mod ma jirriżulta li t-tfajliet huma lesbjani u li jidher li l-aġir taż-żgħażagħ subien fil-konfront tat-tfajliet seħħ minħabba mġieba kiesħa min-naħa tal-istess subien.

Mill-provi ħareġ li żagħażugħ mill-Ħamrun li kien ma' xi membri tal-familja f'gallarija għajjar lit-tfajliet "lesbjani", u waħda minnhom irrispondietu u għajritu lura. Minbarra ż-żewġ tfajliet u ż-żewġ ġuvintur, kienet qed tiġi mixlija wkoll Mary Aquilina, ta' 35 sena, li hija ġara tagħhom. Din kienet immultata €50 wara li nstabet ħatja ta' theddid bil-kliem fuq waħda mit-tfajliet.

Il-ġlieda kienet seħħet fit-13 ta' Jannar li għadda għall-ħabta tas-7.30 pm, meta ż-żewġ tfajliet kienu fil-kumpanija ta' xulxin u ż-żewġ ġuvintur bdew jirredikolawhom. Wara nqalgħet ġlieda fejn waħda mit-tfajliet sofriet ġrieħi f'wiċċha u kellha nefħa f'waħda mill-ħaddejn u oħra ħdejn imneħirha.

It-tfajliet kienu qegħdin jiżfnu f'gazebo u żewġ ġuvintur bdew jgħajruhom. Magħhom kien hemm xi membri tal-familja u bdew għaddejjin il-battibekki. Mary Aquilina għajtet mill-gallarija lil waħda mit-tfajliet li kienet nieżla għaliha u taqlalha xagħra.

It-tfajliet kienu qalu li ż-żewġ ġuvintur niżlu ħdejhom u wieħed mminnhom mar fuq waħda minnhom u ta daqqa ta' ras fuq imnieħirha wara li kienu wkoll tqabdu f'xulxin għal xi ftit minuti.

It-tfajliet qalu wkoll li darba minnhom l-istess ġuvintur kienu waddbu l-bajd fid-direzzjoni ta' persuni oħra li kienu taħt il-"gazebo". Il-bniet qalu wkoll li ż-żewġ ġuvintur bdew jirredikolawhom.

Il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom li wieħed miż-żgħażaħ subien qal li ma jiddejjaqx li hu jsawwat tfajla u li t-tfajliet involuti fil-każ kienu għall-affari tagħhom u ma jipprovokaw lil ħadd. Il-Qorti kkunsidrat ukoll l-eta' tenera tas-subien fejn qalet li dan żgur mhux każ ta' piena karċerarja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Charles Magri, l-Avukat Cedric Mifsud deher għaż-żewġ tfajliet waqt li l-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha deheru għal ġuvintur u l-mara.

No comments:

Post a Comment