Friday, 25 November 2011

L-Orizzont: Persuni transġeneri: Id-drittijiet jibqgħu fuq l-ixkaffa

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=82907
14.11.2011 Minn SAMMY SAMMUT

Il-persuni transġeneri f’pajjiż­na, li qegħdin ikollhom jgħaddu minn battalji u proċessi twal fil-Qorti biex ibiddlu l-karti uffiċjali tagħhom biex dawn jirriflettu l-ġeneru prop­rju tagħhom, jidher li se jkollhom jistennew ferm aktar minn kemm ħasbu, biex finalment jingħataw id-drittijiet tagħhom. Għaddiet kważi sena mindu tressaq abbozz ta’ liġi biex jagħmilha aktar faċli għall-persuni transġeneri jkollhom bidla fl-annotazzjoni tal-ġeneru tagħhom mingħajr ma jkollhom jagħmlu proċess twil fil-Qorti. Dak l-abbozz ta’ liġi tħalla fuq l-ixkaffa u s’issa m’hemm ebda ħjiel jekk u me­ta se jitressaq.

Id-Deputat Laburista, Evarist Bartolo, li ressaq dan l-abbozz quddiem il-Parlament, meta kkuntattjat minn l-orizzont qal li “għaddiet kważi sena u għadu ma sar xejn. Qed niffirma kull xahar fil-Parlament. Issa l-Gvern qed jgħid li se jagħmel xi emendi, meta l-persuni transġeneri qegħdin jgħidu li aħjar jitressaq dan l-abbozz.” Hu sostna li s’issa m’hemm ebda ħjiel meta se jitressaq dan l-abbozz.

L-emenda, li jidher li se jressaq il-Gvern hi dik li meta per­suna li tkun bidlet is-sess tiftaħ proċeduri fil-Qorti, hi se tkun tista’ tippreżenta ċertifikat mit-tabib li għamel l-ope­razz­joni u għalhekk tispiċċa l-proċedura ta’ bħalissa li l-Qorti tappunta tabib hi stess biex jagħmel iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa.

Kemm il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) kif ukoll l-ADITUS, fi stqarrija li ħarġu qalu li l-emenda tal-Gvern hi ħafna inqas, mid-drittijiet li hemm proposti fl-abbozz ta’ liġi li hemm quddiem il-Parlament.

Kien fl-10 ta’ Diċembru, tas-sena li għaddiet, meta d-Deputat Laburista Evarist Bartolo ppreżenta abbozz ta’ liġi biex jagħmilha aktar faċli biex persuni transġeneri jkollhom bidla fl-annotazzjoni tal-ġene­ru tagħhom, mingħajr ma jkoll­hom għax jagħmlu proċess twil fil-Qorti. L-abbozz ta’ liġi tħejja mill-avukat Neil Falzon. Dakinhar li ġie ppreżentat l-abbozz, hu kien qal li “hu importanti li nenfasizzaw it-twemmin li l-ġeneru ta’ persuna, bħala parti sħiħa tal-identità tagħha, m’għandux jiġi stabbilit minn terzi persuni bħal tobba, imħallfin, psikologi jew uffiċjali tal-Istat. Hu dritt ta’ kull persuna li tidde­ċiedi l-ġeneru tagħha, wara proċess serju ta’ awto-identifikazzjoni”.

Dakinhar kien intqal li “qabel is-sena 2004, il-liġi Maltija ma kinitx tirregola s-sitwazzjoni ta’ persuni transġeneri li xtaqu jbiddlu l-karti uffiċjali tagħhom, biex dawn jirriflettu l-ġeneru proprju tagħhom. Minħabba din is-sitwazzjoni numru ta’ sentenzi mill-Qrati Maltin tennew li dan in-nuq­qas fil-liġi kien jikser id-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna. Dan tennietu ukoll il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg f’numru ta’ każijiet miġjubin quddiem­ha”.

Kien intqal li bħala tweġiba għal dawn il-każijiet, fl-2004 saru emendi varji fil-Kodiċi Ċivili li bihom twaqqfet il-proċedura li hemm bħalissa. Skont din il-proċedura, persuni transġeneri jistgħu jiftħu kawżi l-Qorti biex jitolbu li ssir annotazzjoni fl-att tat-twelid tagħhom, liema annotazzjoni turi l-ġeneru affermat jew ġdid tagħhom, kif ukoll l-isem il-ġdid li għażlu bħala parti minn dan il-proċess. Biex tordna din l-annotazzjoni, il-Qorti trid tkun sodisfatta li l-persuna hi verament tal-ġeneru li qiegħda tgħid li hi u li din tkun sitwazz­joni permanenti. Għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti tinnomina perit u tordna li jsiru eżaminazzjonijiet mediċi”.

L-avukat Falzon kien qal ukoll li “għalkemm it-twaqqif ta’ din il-proċedura kien pass ‘l quddiem fir-rispett u ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni trans­ġeneri, hemm xi elementi problematiċi u xi wħud minn dawn jistgħu jitqiesu bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif imħarsin fil-Kostituzzjoni Maltija kif ukoll fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Il-proċess ġudizz­jarju minnu nnifsu jaf jinvolvi numru ta’ spejjeż anke minħabba l-fatt li l-liġi tgħid li l-attur – il-persuna transġenera – għan­dha tħallas l-ispejjeż tad-Direttur tar-Reġistru Pubb­li­ku.”

Kien intqal li għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-problema komuni ħafna għall-persuni transġeneri hi d-diffikultà li jsibu xogħol u li jkomplu bl-istudji tagħhom. Bħala parti mill-proċedura ġudizzjarja, il-perit imqabbad mill-Qorti jagħmel bosta testijiet fuq il-persuna, testijiet li f’ħafna każi jkunu intrusivi u joffendu d-dinjità tal-persuna.

Kien intqal li “rajna wkoll li dawn it-testijiet isiru anke f’każi fejn il-persuna transġene­ra tippreżenta dokumenti me­diċi u xhieda tat-tobba li jkunu għamlu l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess.” L-avukat Falzon kien tenna li “problema oħra fil-liġi preżenti hi r-rek­wiżit li l-persuna transġenera ma tkunx miżżewġa biex tiftaħ il-kawżi l-Qorti. Dan jiġifieri li persuni miżżewġin ikollhom bilfors l-ewwel jiftħu proċeduri għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, pass li mhux bilfors huma, jew il-konjugi tagħhom, ikunu jixtiequ.

Mill-aspett tad-drittijiet tal-bniedem, it-tħassir ta’ żwieġ sforzat mill-Istat iqajjem bosta ħsibijiet. F’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ukoll it-tfal, wie­ħed jista’ jinzerta’ l-każ li ma jkunx hemm kriterji validi għall-annullament taż-żwieġ. F’dawn il-każijiet, il-persuna transġenera tibqa’ f’sitwazzjoni ta’ umiljazzjoni u tbatija kontinwa. Bil-proċeduri attwali, issir annotazzjoni fuq l-att tat-twelid tal-persuna, liema annotazzjoni tibqa’ tidher fuq l-att oriġinali. Dan ifisser li terzi persuni jkunu jistgħu jaraw din l-annotazzjoni jekk jordnaw kopja ta’ dan l-att mir-Reġistru Pubbliku. Din il-possibilità ma tħarisx biżżejjed id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata.

L-avukat Falzon kompla jgħid li “l-akbar problema li hemm fil-proċedura attwali hi r-rekwiżit li persuna transġenera tkun għamlet l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess. Għalkemm dan ir-rekwiżit mhux espliċitament meħtieġ mil-liġi, mir-raġunament tal-Qrati f’dawn il-każijiet, jidher li persuna transġenera li m’għam­litx l-intervent ma tis­tax teċċedi għal din il-proċedu­ra jew aħjar tista’ taċċedi għaliha, iżda mingħajr ċans ta’ suċċess. L-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess mhux wie­ħed standard jew faċli, mhux irħis, mhux disponibbli f’Malta u ma jaqax fl-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dawn ir-raġunijiet u anke għall-fatt li hemm persuni transġeneri li sempliċiment ma jridux jagħmlu l-intervent, mhux ġust li biex persuni trans­ġeneri jibdlu d-dokumenti uffiċjali tagħhom, ikollhom bilfors jgħaddu minn dan l-intervent.

L-att propost – li s’issa għadu fuq l-ixkaffa, jipprova jegħleb dawn il-problemi billi jenfasizza d-drittijiet fundamenti tal-bniedem, mingħajr ma’ dawn jiksru d-drittijiet ta’ ħaddieħor. Il-proposta tibdel il-proċess ġudizzjarju ma’ wieħed amministrattiv li jkun miftuħ għal kull persuna transġenera. Tneħħa r-rekwiżit li l-persuna ma tkunx miżżewġa, kif ukoll ir-rekwiżit li l-persuna tkun għamlet l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess. Biex tit­ħares b’mod aktar effettiv il-pri­vatezza tal-informazzjoni dwar il-ġeneru tal-persuna, il-proposta tinkludi t-twaqqif ta’ Reġistru ta’ Persuni Transġeneri – li jkun reġistru sigriet u jaħdem bl-istess mod tar-reġistru tal-persuni adottati li hu wkoll reġistru sigriet. L-idea hi li l-proposta ma toħloqx piżi­jiet legali u amministrattivi żejda u għalhekk tinkorpora sistema li diġà teżisti fil-liġi Maltija. L-għan ta’ dan l-abbozz hu li jitħarsu b’mod aktar effettiv id-drittijiet tal-persuni transġeneri.

No comments:

Post a Comment