18.11.2011 minn Sammy Sammut
Malta baqgħet muta u ma tat l-ebda dettalji li jirrigwardaw reati ta’ mibgħeda, li setgħu twettqu matul is-sena 2010 kif mitlub minnha mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa biex ikunu inklużi fir-rapport annwali li jkun ippubblikat bħala parti mill-isforzi tal-OSCE bil-għan li jkunu missielta r-reati ta’ mibgħeda.
Hu saħaq li “l-ġlieda kontra r-reati ta’ mibgħeda għandha tibqa’ prijorità fl-istati membri”.
Ir-rapport “Hate Crimes in the OSCE Region - Incidents and Responses”, li għadu kemm kien ippubblikat, jasal għall-konklużjoni li matul is-sena 2010, ir-reati mmotivati mill-mibgħeda komplew ikunu ta’ problema serja u mifruxa fir-reġjun tal-OSCE.
Ir-rapport “Hate Crimes in the OSCE Region - Incidents and Responses”, li għadu kemm kien ippubblikat, jasal għall-konklużjoni li matul is-sena 2010, ir-reati mmotivati mill-mibgħeda komplew ikunu ta’ problema serja u mifruxa fir-reġjun tal-OSCE.
Ir-rapport jagħti tagħrif u dettalji dwar l-għadd numeruż ta’ każi ta’ intimidazzjoni, theddid, vandaliżmu, ħruq imqabbad apposta, attakki kontra l-persuna kif ukoll qtil, fejn fil-mira kien hemm individwi u gruppi u dan sempliċiment minħabba r-razza, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon u d-diżabbiltà tagħhom, fost oħrajn.
“Hu ta’ tħassib kbir li din il-vjolenza mmotivata mill-mibgħeda qiegħda tkompli fir-reġjun tagħna mingħajr ebda indikazzjoni li din il-mewġa se tbatti. Ir-“reati ta’ mibgħeda huma partikolarment atti kriminali mill-aktar faħxin billi dawn mhux biss iweġġgħu lill-individwu jew lill-grupp fil-mira ta’ dawn ir-reati, iżda jeffettwaw ukoll lill-komunità sħiħa li tagħha jkun jappartjeni l-vittma”, saħaq fir-rapport tiegħu l-Ambaxxatur Lanarcic.
Ir-rapport annwali dwar ir-reati tal-mibgħeda fir-reġjun tal-OSCE huwa bbażat fuq l-analiżi tat-tagħrif mogħti minn stati parteċipanti li rrispondew għat-talba tal-ODIHR, kif ukoll fuq rapporti dwar inċidenti ta’ reati ta’ mibgħeda ppreżentati minn 93 għaqda mhux-governattiva.
Din it-talba għal tagħrif u statistika tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem kienet injorata għal kollox minn Malta. It-tagħrif mitlub jinkludi dettalji miġburin mill-Pulizija dwar reati ta’ mibgħeda, kemm kien hemm każi, fejn ittieħdu passi legali kif ukoll dwar l-għadd ta’ dawk issentenzjati.
Fost tagħrif ieħor mitlub kien hemm il-klassifikazzjoni tat-tipi tar-reati, liema awtorità hija responsabbli mill-ġbir ta’ tali informazzjoni, kif ukoll dwar kif tingħata informazzjoni dwar dawn ir-reati.
Malta kienet mitluba tgħid ukoll xi żviluppi leġiżlattivi seħħew f’dan il-qasam, eżempji ta’ inċidenti u jew reati immotivati mill-mibgħeda, kif ukoll dwar inizjattivi prattiċi li setgħu ttieħdu matul l-2010.
Jidher li l-unika tagħrif mgħoddi dwar Malta f’dan ir-rigward kien dak provdut mill-Uffiċċju tal-UNHCR. Fir-rapport intqal li l-ODIHR ma kellux rapporti dwar reati razzisti jew xenofobiċi, iżda l-UNHCR qalet li kien hemm diversi każi ta’ graffitti razzjali u reliġjużi.
No comments:
Post a Comment