13.10.11 minn Melvin Farrugia Fl-Ingilterra mistenni li l-gvern imexxi ’l quddiem il-pjani li jidħol fis-seħħ iż-żwieġ bejn koppji omosesswali, saħansitra bl-intervent ta’ David Cameron innifsu. Barra minn hekk, mistenni li l-Ingilterra tkun waħda mill-mexxejja fid-dinja li taqbeż għad-drittijiet tal-persuni omosesswali. Sal-lum, l-omosesswali u l-lesbjani fl-Ingilterra jistgħu jidħlu f’‘partnership’ ċivili, li joffri ħafna mill-protezzjonijiet legali taż-żwieġ, iżda l-kelma żwieġ għadha ma tissemmiex. Qed jissemma li fil-pjani hemm li koppji tal-istess sess ikun jista’ jkollhom żwieġ “komplut” fl-uffiċċji tar-reġistrar bħal kull koppja oħra eterosesswali u dan kollu sas-sena 2015.
Albert spjegalna li hu jaqbel li koppji gay jiżżewġu. Dan mhux bi pjaċir iżda bi dritt. Ir-raġuni hi li l-imħabba li jħoss persuna gay mhi xejn inqas minn dik li jħossu persuni eterosesswali u qal li hu mhu se jaċċetta qatt li fuq livell ta’ stat tkun valutata bħala inqas minn relazzjoni eterosesswali. Albert semma wkoll il-liġi tal-koabitazzjoni. Għalih din hi insult għax biha l-Istat qiegħed jgħid lill-persuni gay li r-relazzjoni tagħhom hi bħal dik bejn żewġt aħwa jew kuġini. Din bl-ebda mod mhi l-istess u skont Albert, jekk il-liġi tal-koabitazzjoni se titressaq b’dan il-mod, allura se tkun żbaljata mill-bidu. Il-mod kif inhi interpretata, li fl-istess kategorija hemm relazzjonijiet bejn koppji gay u anke dawk bejn aħwa, mhijiex tajba. Albert spjegalna li hemm tliet kategoriji ta’ sistemi kif jistgħu jitqiesu r-relazzjonijiet. Hemm dawk li jissejħu ‘civil partnerships’, is-‘civil unions’ u fl-aħħar hemm il-koabitazzjoni. Il-koabitazzjoni hi l-inqas forma fost dawn it-tlieta, li toffri l-inqas drittijiet. Is-‘civil union’ tagħti drittijiet kważi daqs iż-żwieġ; bħall-assi u anke n-‘next of kin’.
Għalih il-messaġġ tal-Istat hu wieħed ċar u għalkemm mhux wieħed dirett xorta qed jasal għand in-nies. Skont Albert, l-istat jaċċetta u jittollera lil dawn il-koppji, iżda għalih ir-relazzjoni ta’ dawn in-nies hi inqas u qiegħed ixerred dan il-ħsieb mal-poplu kollu. Semmielna l-eżempju tal-emendi dwar il-liġi tal-kera, fejn il-Partit Laburista ressaq emendi biex jiġu meqjusin koppji gay u r-reazzjoni tal-Ministru Tonio Borg kienet “hekk jonqosna issa”. Għal Albert din tfisser li huma mhumiex aċċettati u l-Istat ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet tal-persuni gay. Spjegalna wkoll li filwaqt li r-rabja dejjem kienet diretta lejn il-Knisja, li skont hu xerrdet l-idea ta’ “jaħasra” u “msieken”, hu jħoss li l-affarijiet m’għandhomx jieqfu hemm, bħalma tara f’bosta programmi televiżivi fejn ikollok sala nies jitkellmu u qassis wieħed fin-nofs. Għalih dwar dan iridu jirrispondu wkoll ir-rappreżentanti tal-poplu għax huma dawn li jridu jbiddlu l-liġijiet. Skont Albert ma nistgħux nibqgħu nistennew li tinbidel il-mentalità tan-nies. Ġab eżempju b’politiċi bħal Duminku Mintoff li ġew ikkritikati għax marru kontra l-mentalità tan-nies iżda fl-aħħar mill-aħħar wettqu dak li kellu jsir u dak li kien ġust li jsir. Fost l-oħrajn semma li ma baqax jitqies bħala att kriminali li tkun omosesswali. Dwar dan kellimna wkoll Fr Colin li spjegalna li fuq livell prattiku l-Knisja trid tibqa’ tgħallem l-ideal ta’ żwieġ bejn raġel u mara, esklussiv u għal dejjem. Min-naħa l-oħra, l-Istat, li hu għaċ-ċittadini kollha, kattoliċi u mhumiex, irid jgħaddi dawk il-liġijiet li jħarsu l-ġid komuni. Mhux kulma hu moralment ħażin għall-Knisja Kattolika jġiegħel lill-Istat jilleġiżla skont tagħlimha. Fr Colin spjegalna wkoll li ħafna stati llum għandhom liġijiet li jħarsu l-għaqda ċivili bejn l-omosesswali, id-drittijiet tagħhom, ineħħu kull tip ta’ diskriminazzjoni fis-soċjetà bbażata fuq l-orjentament sesswali u anke jgħaddu liġijiet dwar l-adozzjoni tat-tfal minn koppji stabbli omosesswali. Rigward it-tfal, Albert qal li hemm perċezzjonijiet differenti u l-argument komuni ta’ ħafna nies sar li persuni gay jistgħu jiżżewġu iżda ma jitħallewx jadottaw tfal għax inkella jistgħu jħawdulhom is-sesswalità tagħhom. Dwar dan Albert qal li l-argument jaqa’ kollu meta tikkonsidra nies bħalu li ġejjin minn familja ta’ nies ‘straight’.
Minkejja dan, hu qal li lanqas ma rridu noqogħdu b’idejna fuq żaqqna u nistennew il-mentalità tinbidel. Hu jħoss li l-mentalità hi hekk minħabba l-injoranza fuq dan is-suġġett u ssuġġerixxa li dan għandu jkun il-pajjiż li jistudja dwar it-trobbija tat-tfal minn persuni gay. Filwaqt li fil-każ taż-żwieġ, Albert iħoss li hi biss kwistjoni ta’ emozzjoni, fil-każ tat-tfal hu jħoss li għandhom isiru ċerti konsiderazzjonijiet, bħalma jsir ma’ koppji eterosesswali. L-istess qabel ma’ dan l-argument Fr Colin li qal li “l-adozzjoni għandha ssir fuq kriterji oġġettivi u dawk li l-ewwel nett iħarsu l-ġid tat-tfal infushom”. Albert qal li “l-ewwel prijorità għandha dejjem tkun il-ħarsien totali tal-‘welfare’ tat-tfal”. Jekk il-koppja ma tkunx kompatibbli allura dawn m’għandhomx jingħataw it-tfal. Trid tkun sistema retta iżda jekk jiġi ċċekkjat kollox u jkun jidher li l-koppja huma tajbin biex irabbu allura ma jħossx li għandek tiċħdilhom dan id-dritt. Minkejja dan, Albert ħassu mħasseb sew dwar is-soċjetà li għadha mhix ippreparata u allura jinkwieta jekk ikunx hemm riperkussjonijiet fuq it-tfal. Il-Knisja u l-gays Intant, Fr Colin spjegalna li Alla jħobb lil uliedu kollha, bla distinzjoni u bla ma jikklassifikahom skont il-lewn tal-ġilda, il-kultura tagħhom, l-intelliġenza tagħhom, jekk hux nisa jew irġiel, jekk hux tajbin jew ħżiena, jekk hux twal jew qosra, Amerikani jew Ażjatiċi, inkella humiex eterosesswali jew le. Alla, li waqqaf il-Knisja Kattolika, hu Alla ta’ kulħadd u kulħadd hu wliedu indistintivament. Ma jagħmilx preferenzi u jħobb lil kulħadd. Aħna kollha aħwa taħt l-istess missier f’familja waħda “kattolika”, li tfisser “universali”. F’din il-familja, Alla sebbaħ lill-bniedem bl-isbaħ rigal: il-libertà. U għax il-bniedem hu liberu li beda jpoġġi f’kategoriji differenti lil ħutu l-bnedmin, ħoloq reliġjonijiet, ideoloġiji, inkwiżizzjonijiet, twemmin biex joqtol bniedem ieħor, ħoloq l-iskjavitù u ġġustifikaha bil-kelma t’Alla stess, l-istess bħalma għamel meta ħoloq il-piena kapitali u l-‘ethnic cleansing’, biex razza tkun superjuri għal oħra. Fr Colin fiehem kif sal-lum għadna nisimgħu kif il-“poplu magħżul” minn Alla jisraq l-artijiet okkupati u jistma lill-Palestinjani bħala razza inferjuri. Il-preġudizzji ta’ wlied Alla jwasslu lil dan il-poplu ta’ Alla biex f’isem Alla stess jistmaw 10 sa 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja bħala nies imwarrbin u diskriminati għax twieldu “differenti” mill-maġġoranza, għax jitwieldu omosesswali. U diversi reliġjonijiet, f’isem Alla jew f’isem Allah, jagħmlu minn kollox biex lil dawn l-omosesswali joqtluhom fil-pjazez, iħaġġruhom u jagħmlulhom ħajjithom impossibbli, tant li jġegħluhom iwettqu suwiċidju. Il-Knisja turi s-sbuħija tas-sesswalità imma hi wkoll realistika u tirrakkomanda lil kulħadd, li din il-forza tista’ tintuża kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Fl-aħħar mill-aħħar, hi l-kuxjenza fformata u fformata li trid tagħżel kif tuża s-sesswalità tagħha. X’tip ta’ ħajja sesswali u ma’ min. Għal Fr Colin, il-Knisja hi omm u għalliema. Tħaddan fiha mezzi, imsejħin sagramenti, li jgħinuna biex meta ma nirnexxux f’li ngħixu l-ideal ikollna ċans li nerġgħu nibdew inħħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna. Jiddependi mill-koppja nnifisha kemm tkun matura u x’ħila psikoloġika għandha biex tibni relazzjoni permanenti u esklussiva. Mhu faċli għal ħadd li ngħixu dejjem l-ideal. Għalhekk importanti li nibnu rapport veru ma’ Alla, mal-proxxmu u magħna nfusna biex ngħixu din il-mixja b’mod sħiħ. L-agħar, skont Fr Colin, hu meta naqtgħu qalbna jew nieqfu nfittxu l-ogħla forom ta’ mħabba vera. |
Friday, 21 October 2011
L-Orizzont: Għandhom persuni tal-istess sess jingħataw id-dritt li jiżżewġu?
L-imħabba bejn il-gays m’għandha xejn inqas
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment