Saturday, 31 July 2010

L-Orizzont: Prosit, Sur Engerer, imma ...

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=64894
30.7.10 minn Alfred Grixti, Sindku Laburista ta' Haż-Zebbuġ

Nhar il-Ħadd li għadda dehret intervista twila fil-ġurnal Malta Today mas-Sur Cyrus Engerer, kunsil­lier Nazzjonalista fil-Kunsill ta' Tas-Sliema. Kienet intervista interessanti u nistqarr mill-ewwel li nammira l-frankezza u s-sinċerità li bihom dan il-kunsillier żagħżugħ tkellem dwar is-sesswalità tiegħu personali, il-fatt li huwa favur id-divorzju u l-pożizz­joni tiegħu favur żwieġ sħiħ għal koppji omosesswali. Ta' min ifaħħar ukoll, f'dan il-kuntest, il-fatt li s-Sur Engerer jitkellem ċar li l-liġi tal-koabitazzjoni li jrid jgħaddi l-Gvern Nazzjona­lista mhix se tgħin koppji omosesswali biex jiksbu drittijiet indaqs bħalma jiksbu permezz ta' żwieġ koppji eterosesswali.

Li ma qbiltx u nibqa' ma naqbilx mas-Sur Engerer hija l-istqarrija tiegħu li "Storikament, dejjem kien il-Partit Nazzjonalista li biddel lil Malta għall-aħjar." Fil-ħajja, u wisq aktar fil-politika, ma tistax tagħmel asserzjonijiet assoluti bħal dawn. Ngħid dan, għax waqt li s-Sur Engerer jidher li huwa bniedem edukat u bilanċjat, f'din l-intervista ħareġ ċar li għandu aġenda li jipprova jxejjen il-kredenzjali progressivi tal-Partit Laburista. Sfortunatament għalih, l-istorja turi mod ieħor.

Dan għax il-Partit Laburista minn dejjem kien partit progressiv. Fil-fatt, huwa tajjeb u f'loku li nfakkru l-istorja tal-Partit Laburista bħala partit progressiv li meta ried jintroduċi ħwejjeġ li llum jittieħdu 'for granted' f'Malta kellu jiġġieled kontra l-irwiefen arċi-konservattivi ta' paj­­jiżna.

Dawn il-kisbiet progressivi tal-Partit Laburista huma bosta u jvarjaw mill-qasam soċjali sa dak ekonomiku u politiku sa dak ċivili. Biżżejjed insemmu ftit minnhom hawn, fost­­hom:

Il-vot lil kulħadd li jkun għalaq il-21 sena, inkluż in-nisa, wara t-Tieni Gwerra Dinjija;

L-introduzzjoni tal-'income tax' u pari passu magħha l-introduzzjoni tal-ewwel benefiċċji soċjali li eventwalment saru l-istat soċjali li nafu llum fis-snin 70 u 80;

L-introduzzjoni tal-edukazz­joni u s-servizz tas-saħħa b'xejn għal kulħadd;

Il-vot liż-żgħażagħ meta jagħlqu t-18-il sena;

L-introduzzjoni tal-paga mi­nima nazzjonali indaqs għan-nisa u l-irġiel;

L-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-qasam tat-turiżmu fis-snin 70 u 80 b'politika dikjarata ta' ekonomija mħallta fejn il-Gvern ikkommetta ruħu li jipprovdi l-infrastruttura biex is-settur privat ikun jista' jinvesti;

Is-separazzjoni bejn Stat u Knisja;

L-introduzzjoni taż-żwieġ ċivili u rikonoxximent għal divorzji li jinkisbu minn paj­jiżi barranin;

It-tneħħija ta' omosesswa­lità minn att kriminali.

M'iniex qed ngħid li kulma għamel il-Partit Laburista matul dawn id-90 sena ta' eżistenza tiegħu kien perfett jew li ma għamilx żbalji. Imma l-punt tiegħi huwa li, bir-rispett kollu, nies bħas-Sur Engerer għandhom jinformaw ruħhom sew dwar l-istorja u l-fatti tal-istorja qabel ma jagħmlu stqarrijiet bħalma għamel hu meta pprova jagħti l-impressjoni li l-partit tassew progressiv f'Malta huwa biss il-Partit Nazzjonalista.

Ngħid dan la b'disprezz u lanqas b'suppervja lejn is-Sur Engerer imma ngħidu għax anke fil-qasam tad-drittijiet ċivili m'hemmx bżonn tmur 'il bogħod ħafna biex tara kemm il-partit li qiegħed fih hu mhux talli mhuwiex prog­ressiv imma talli reġġa' l-arloġġ lura. Għax tajjeb li nies tal-età tas-Sur Engerer ikunu jafu li mhux talli l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux biss lanqas biss ikkontempla li jibda dibattitu dwar iż-żwieġ u l-possibbiltà tad-divorzju meta ż-żwieg jitfarrak, iżda talli fl-1993 iffirma ftehim mal-Istat tal-Vatikan li reġa' ta effetti ċivili liż-żwieġ fil-Knisja u anki poġġa l-annullament ċivili fit-tieni post wara dak tal-Knisja. Ħaġa li anki mħuħ progressivi fil-Knisja Maltija ma qablux magħha imma li mponiha l-Gvern Naz­zjonalista ta' Eddie Fenech Adami biex jingħoġob mal-Vatikan.

F'kelma waħda Sur Enge­rer, prosit tal-kuraġġ tiegħek li titkellem apertament fuq ħwej­jeġ daqstant delikati…imma qabel ma tagħmel asserzjonijiet assolutisti, jekk jogħġbok, ivverifika naqra l-fatti.

No comments:

Post a Comment