http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9941
18.7.10 minn Charmaine Craus
Fl-istess ħin li fil-Varsavja, fil-Polonja, il-bieraħ sar għall-ewwel darba l-Euro Pride, f'Malta bżieżaq u lwien ikka-ratterizzaw it-toroq tal-Belt Valletta meta mijiet ta' persuni LGBT attendew għall-Pride March.
Dan kien il-qofol tal-attivitajiet organizzati din il-ġimgħa mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM), fejn persuni gay, leżbjani, bisesswali u transesswali jingħaqdu f'attività li fiha jwasslu l-appell kontinwu tagħhom għal drittijiet ċivili ndaqs u jsejħu lill-awtoritajiet biex jieħdu dawk il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni li jsofru fil-konfront tagħhom.
Mal-mijiet ta' persuni li mxew mat-toroq tal-Belt Valletta, ingħaqad Holger Krahmer, Membru Parlamentari Ew-ropew Ġermaniż, kif ukoll membru tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi, li f'kumment lit-TORĊA qal li taħt għajnejn il-Ħallieq, kulħadd għandu jingħata l-istess drittijiet. "M'hemmx għalfejn mara tħobb raġel jew raġel iħobb mara biex ikun hemm imħabba," żied jgħid Krahmer. Jistaqsi għaliex ma jistgħux persuni bħal dawn irabbu familja jekk jafu jħobbu lil xulxin daqs kemm raġel jaf iħobb mara u bil-kontra.
Huwa qal li qed jistenna b'ħerqa dak iż-żmien fejn l-omosesswalità tibda titqies bħala normali u fejn tintemm darba għal dejjem l-istigma marbuta mal-omosesswalità li sal-lum għadha titqies bħala xi ħsara jew theddida.
Matul il-mixja ħadna kumment minn persuna omosesswali, li qaltilna li mhuwiex biżżejjed li l-gvern jim-plimenta liġijiet li jindirizzaw id-dis-kriminazzjoni. "L-ewwel ma jrid isir hija t-tolleranza lejn persuni LGBT. Aħna persuni li bħalkom nafu x'inhi imħabba. It-tolleranza hija l-iżjed fattur ewlieni biex jingħelbu l-preġudizzji li jeżistu."
Lejn tmiem il-mixja, Gabi Calleja mill-MGRM, semmiet l-impenji li l-moviment daħal għalihom matul is-sena li għaddiet u qalet li minkejja li dan l-aħħar sar ħafna diskors dwar ir-rikonoxximent ta' relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, xorta għadu mhux magħruf x'se tkun il-protezzjoni, jekk ikun hemm, fil-konfront ta' persuni tal-istess sess u t-tfal jekk tiddaħħal il-leġiżlazzjoni dwar il-koabitazzjoni.
Fakkret ukoll fid-dikjarazzjonijiet li għamel il-President ta' Malta meta ddefinixxa familja bħala koppja mara u raġel bit-tfal. Gabi Calleja qalet li dawn huma perċezzjonijiet insolenti u omofobiċi.
Qalet ukoll li l-MGRM se tkompli tiġġieled għad-drittijiet tat-transesswali u qiegħda tistenna bil-ħerqa d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar id-dritt li persuni transesswali jiżżewġu, wara li jkunu għamlu l-operazzjoni. Id-deċiżjoni se tingħata fl-aħħar ta' Novembru li ġej.
Biex juru l-appoġġ tagħhom lill-komunità LGBT f'pajjiżna, għal din il-mixja attendew il-Membri Parlamentari David Agius, Evarist Bartolo, Owen Bonnici kif ukoll iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio u attivisti mill-Moviment Graffitti.
No comments:
Post a Comment