2.7.10 minn SAMMY SAMMUT
• Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li “koppja tal-istess sess li tkun qiegħda tikkoabita u tgħix fi sħubija stabbli taqa’ fil-kunċett ta’ ‘ħajja ta’ familja’, l-istess bħal relazzjoni ta’ koppja ta’ sess oppost li tkun fl-istess sitwazzjoni”.
Din id-dikjarazzjoni importanti tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem saret f’sentenza li tat fil-kawża li l-koppja Horst Michael Schalk u Johann Franz Kopf għamlu kontra l-Gvern Awstrijak, fejn kien deċiż li l-Awstrija ma kisritx l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jitratta d-dritt li wieħed jiżżewweġ, meta din ma ppermettitx iż-żwieġ bejn koppja tal-istess sess.
Tul dawn il-proċeduri legali li kienu ilhom għaddejjin sa minn Settembru tas-sena 2002, il-koppja Schalk u Kopf saħqu li r-rifjut tal-awtoritajiet ta’ pajjiżhom li jippermettulhom li jidħlu f’kuntratt ta’ żwieġ jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata u ta’ familja, kif ukoll ksur tal-prinċipju li m’għandhiex issir diskriminazzjoni.
Huma lmentaw li fil-fatt, dan ir-rifjut jiddiskrimina kontrihom fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom billi ġew imċaħħdin mid-dritt taż-żwieġ u b’hekk ma kellhomx possibiltà oħra li jkollhom ir-relazzjoni tagħhom rikonoxxuta bil-liġi qabel id-dħul fis-seħħ din is-sena tal-Att dwar Sħubija Reġistrata maħsub biex jipprovdi lil koppji tal-istess sess b’mekkaniżmu formali għar-rikonixximent u effett legali lir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet fost oħrajn li ma kienetx konvinta mill-argument li jekk xi Stat jagħżel li jipprovdi koppji tal-istess sess b’mezz alternattiv għar-rikonoxximent legali tar-relazzjoni tagħhom, ikun obbligat li jagħtihom status li jikkorrispondi minn kull lat maż-żwieġ. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kisrux il-Konvenzjoni meta ma tawx lill-koppja tal-istess sess Schalk u Kopf aċċess li jiżżewġu.
Minkejja dan, però, tlieta mis-seba’ imħallfin li kienu qegħdin jippresjiedu l-istess Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma qablux ma’ din id-deċiżjoni għax kienu tal-opinjoni li kien hemm vjolazzjoni tal-Artiklu 14 (projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni) meħud flimkien ma’ Artiklu 8 (id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u ta’ familja) kif ukoll li l-Awstrija kienet obbligata li tintroduċi Liġi għar-Reġistrazzjoni ta’ Sħubija qabel Jannar ta’ din is-sena.
Min-naħa tagħha, il-fergħa Ewropea tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għal Persuni Lesbjani u Gay - ILGA-Europe - iddeskriviet bħala pass pożittiv il-fatt li l-Qorti rrikonoxxiet “l-evoluzzjoni rapida fl-attitudnijiet soċjali lejn koppji tal-istess sess li seħħew f’ħafna mill-istati membri (tal-Unjoni Ewropea) u li għadd konsiderevoli ta’ stati membri diġa’ tawhom rikonoxximent legali”.
ILGA-Europe laqgħet tajjeb il-konklużjoni tal-Qorti Ewropea li “koppja tal-istess sess li tkun qiegħda tikkoabita u tgħix fi sħubija stabbli taqa’ fil-kunċett ta’ ‘ħajja ta’ familja’, l-istess bħal relazzjoni ta’ koppja ta’ sess oppost li tkun fl-istess sitwazzjoni”, l-istess kif argumenta quddiem il-Qorti l-Prof. Robert Wintemute f’intervent orali li għamel f’isem ILGA-Ewrope.
ILGA-Europe laqgħet tajjeb il-konklużjoni tal-Qorti Ewropea li “koppja tal-istess sess li tkun qiegħda tikkoabita u tgħix fi sħubija stabbli taqa’ fil-kunċett ta’ ‘ħajja ta’ familja’, l-istess bħal relazzjoni ta’ koppja ta’ sess oppost li tkun fl-istess sitwazzjoni”, l-istess kif argumenta quddiem il-Qorti l-Prof. Robert Wintemute f’intervent orali li għamel f’isem ILGA-Ewrope.
Din id-dikjarazzjoni hija meqjusa bħala importanti għax tirrappreżenta bidla fir-raġunar tal-Qorti, billi din hija l-ewwel darba li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem rriferiet għall-għaqda bejn koppji tal-istess sess bħala familji għall-iskop ta’ Artiklu 8 (id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u ta’ familja) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Qorti għamlet ukoll riferenza importanti għaċ-Charter tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u saħqet li l-Artiklu 9 - li jitratta d-dritt taż-żwieġ - ma jirriferiex għal rġiel u nisa. Il-Qorti qalet ukoll li “mhijiex se tikkunsidra aktar id-dritt għaż-żwieġ imħares bl-Artiklu 12 (tal-Konvenzjoni) bħala li għandu fiċ-ċirkostanzi kollha jkun llimitat għal żwieġ bejn żewġ persuni ta’ sess oppost”.
“Din id-deċiżjoni tirrifletti l-consensus Ewropew li qiegħed jiżviluppa”, ikkummenta Martin K.I Christensen, Ċermen tal-Bord Eżekuttiv ta’ ILGA-Europe. “Hekk kif aktar u aktar pajjiżi qegħdin jipprovdu rikonoxximent legali għal koppji tal-istess sess, l-Ewropa qiegħda bil-mod il-mod timxi lejn ugwaljanza sħiħa għal familji tal-istess sess”.
Christensen esprima diżappunt għall-fatt li f’din l-okkażjoni l-Qorti kienet inqas proattiva u llimitat ruħha biex tiddikjara li l-kwistjoni kienet taqa’ fil-kompetenza legali ta’ pajjiżi individwali. “Minkejja dan, nemmnu li l-Qorti għamlet diversi dikjarazzjonijiet importanti li eventwalment iservu biex ikunu avvanzati d-drittijiet legali għal familji tal-istess sess. Nittamaw li fil-futur qrib, il-Qorti tkun aktar ċara fir-rikonoxximent tat-tgawdija ta’ drittijiet indaqs, iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minn koppji tal-istess sess”, huwa qal.
No comments:
Post a Comment