Thursday, 15 October 2009

L-Orizzont: L-Universitarji favur il-kondoms, il-koabitazzjoni u d-divorzju

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=57406
15.10.9 minn Victor Vella

“Irridu magna tal-kondom fl-Università għax din turi l-bżonn li ssir distinzjoni bejn il-Knisja u l-Università,” tgħid Gaby Scicluna li tirrappreżenta lill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina. Studenti oħrajn isostnu li l-kondoms illum issib tixtrihom mis-supermarket u għalhekk ma jaraw xejn ħażin li jkun hemm magna tal-kondoms fl-Università.

Studenti jsostnu li fil-fatt kien hemm diversi kumpaniji li biex ibiegħu l-prodotti tagħhom lill-istudenti jew iwasslu messaġġ, qassmu kondoms bla ħlas.

Mill-banda l-oħra l-istuden- ti msieħba f’organizzazzjonijiet Kattoliċi jsostnu li l-Università tmur biex titgħallem u mhux biex tagħmel is-sess.

Fr Ray Zammit mill-Fakultà tat-Teoloġija enfasizza li mbilli l-maġġoranza tal-istudenti jridu l-kondoms fl-Università, ma jfissirx li din hi deċiżjoni tajba.

F’laqgħa pjuttost taħraq fuq il-Campus tal-Università, ġie diskuss stħarriġ li sar mill-organizzazzjoni MOVE, organizzazzjoni li ddeskriviet lilha nfisha bħala bi prinċipji progressivi. L-għaqda rnexxielha toħloq dibattitu tajjeb ilbieraħ fl-Università, fejn uriet ukoll fejn qed iħabbat il-polz tal-istudenti, b’mod partikolari fuq id-divorzju, il-koabitazzjoni u l-magna tal-kondoms.

Wara d-diskussjoni, ħafna studenti baqgħu jiddibattu bejniethom, fejn fost uħud minn-hom spikka l-argument li l-Knisja m’għandhiex tidħol dwar x’jagħmel individwu fil-ħajja privata tiegħu. B’diversi studenti minn għaqdiet konservattivi preżenti, id-dibattitu kien wieħed sħun. Ma setax jonqos li l-għaqda MOVE tiġi mistoqsija jekk hix xi fergħa tal-Partit Laburista, minħabba l-ideat progressivi.

MOVE għamlitha ċara li hi għaqda indipendenti u m’għan-dhiex x’taqsam mal-Partit Laburista u li jinteressaha hu li tmexxi ’l quddiem ideat progressivi. Fi stħarriġ li sar minn Vincent Marmara, irriżulta li pparteċipaw fih 395 student. Minn dawn kien hemm 42 fil-mija tas-sess maskili u 58 fil-mija tas-sess femminili.

Rigward id-divorzju naraw li 54.9 fil-mija tal-istudenti li ħadu sehem fl-istħarriġ, wieġbu li jaqblu li d-divorzju għandu jidħol f’Malta, 32.7 fil-mija kie-nu kontra d-divorzju waqt li 12.4 fil-mija kienu għadhom indeċiżi. Fejn jidħol l-abort, naraw li hawnhekk is-sitwazzjoni tinqaleb. Kien hemm 78.7 fil-mija li huma kontra l-abort, 14.4 fil-mija li huma favur, waqt li 6.8 fil-mija huma indeċiżi.

L-istħarriġ tratta wkoll iż-żwieġ ċivili għall-persuni omosesswali. Minn dan jirriżulta li 50 fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem jaqblu li l-omosesswali għandhom jingħataw id-dritt ċivili li jiżżewġu f’Malta, 35.2 fil-mija huma kontra dan id-dritt, waqt li 16.2 fil-mija huma indeċiżi fuq dan il-każ. Fuq il-koabitazzjoni u r-rikonoxximent tagħha fil-liġi Maltija, l-istudenti Universitarji wrew li 69.9 fil-mija jaqblu ma’ dan. Kien hemm biss 13.4 fil-mija li ma qablux waqt li 16.7 fil-mija kienu indeċiżi.

Fil-kwistjoni tal-magna tal-kondoms fl-Università naraw li maġġoranza qawwija tal-istudenti jaqblu li din tkun introdotta. Fil-fatt 70.6 fil-mija qalu li jaqblu li jkun hemm magna tal-kondoms, waqt li 18.2 fil-mija qalu li huma kontra u 11.1 fil-mija ma kellhomx pożizzjoni. Jidher li fost l-istudenti tas-sess maskili kien hemm persentaġġ ogħla ta’ qbil. Anke fuq il-‘morning after pill’ naraw li 49.1 fil-mija tal-istudenti Universitarji qegħdin jaqblu waqt li 35.9 fil-mija ma jaqblux. 14.9 fil-mija huma in-deċiżi. MOVE għamlitha ċara li minkejja li kkummissjonat dan l-istħarriġ ma jfissirx li hi taqbel ma kulma joħroġ minnu. Spjegat li MOVE hi favur l-introduzzjoni tad-divorzju, kontra l-abort, favur li l-koabitazzjoni tkun rikonoxxuta, favur li tiddaħħal magna tal-kondoms u favur li l-omosesswali jingħataw dritt għal żwieġ ċivili.

L-organizzazzjoni MOVE għamlitha ċara li hi se taħdem biex l-istudenti jkollhom magna tal-kondoms fl-Università. Min-naħa tiegħu, Fr Ray Zammit wissa lill-istudenti li l-kon-traċettivi mhumiex mija fil-mija siguri u għalhekk dan se jwassal għal attività sesswali riskjuża.

No comments:

Post a Comment