Thursday, 29 October 2009

L-Orizzont: L-imponiment tal-ideat

29.10.9 minn Byron Camilleri, GWU Youths

B’ħafna daqq ta’ trombi, il-mexxeja ta’ dan il-pajjiż jiftaħru li dan huwa pajjiż ħieles. Pajjiż fejn kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjonijiet, fehmiet u ideat tiegħu. Però, fl-aħħar mill-aħħar x’jieħu wieħed billi jesprimi l-ideat tiegħu jekk dawn ma jiġux imwettqin? X’inhu pożittiv fil-fatt li wieħed jiżvoga biss fl-espressjoni tal-fehmiet tiegħu?

Dan il-pajjiż mimli professuri tal-opinjoni. Kull min għandu ħalq biex jitkellem, pinna jew kompjuter biex jikteb, jew kull mezz ieħor ta’ komunikazjoni, jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-beraħ. Il-gazzetti jkunu aktar mimlijin bil-fehmiet ta’ artikolisti u ittri lill-editur milli aħbarijiet. Dan forsi huwa riżultat ta’ pajjiż żgħir li fih ma jiġrux ħafna affarijiet ta’ kulljum u li l-gazzetti lokali huma limitati fir-riżorsi u l-baġits tagħhom.

Però fejn wieħed għandu jaqta’ linja bejn opinjoni, espressjoni ta’ ħsieb libera u espressjonijiet kontra l-libertà? Dawn il-professuri ta’ kollox, ħafna drabi tarahom jiktbu l-ittri lill-editur jitkelmu kontra ħaġa u favur oħra, u li wisq probabbli jkunu qegħdin jaraw sal-ponta ta’ mneħirhom.

Għalfejn għandu wieħed jitkellem kontra d-drittijiet ta’ persuni li tkun xi tkun id-deċiżjoni mhux se jkunu qegħdin jeffetwaw lilek bħala persuna u lanqas lis-soċjetà globali? Għalfejn għandek timponi l-ideat u l-fehmiet tiegħek dwar l-istil ta’ ħajja li persuna għandha tgħix? Għalfejn għandhom il-persuni l-oħrajn ikunu suġġett għal ħajja li ċertu persuni jaraw bħala l-ħajja ideali jew il-ħajja perfetta?

Madwar xahar ilu waqt li kont qiegħed nattendi konferenza tal-presidenza tal-Unjoni Ewropea fi Żvezja fi Stockholm, u d-diskors waqa fuq il-libertà tal-persuni. Meta semmejt li f’Malta wieħed ma jistax jiddivorzja iżda għandna biss leġislazzjoni bażwija li tiddiskrimina bejn min jiflaħ iħallas u bejn min le, daħqu bijja u ħasbu li qed niċċajta. Fid-dinja, Malta u l-Filippini biss għadhom ma lleġislawx favur id-divorzju.

Naħseb li għadna niddibattu dan is-suġġett minħabba raġuni ewlenija; li ċertu persuni ma jafux jagħmlu distinzjoni bejn stat u Knisja. Il-Knisja, li bla ebda dubju għad għandha ħafna saħħa fuq l-opinjoni pubblika, għandha kull dritt li tkun kontra, la darba jmur kontra t-tagħlim tagħha.

Wieħed irid jiftakar li l-Knisja hija reliġjon u mhux parti mill-istat. Argument li ma jreġġix, huwa dak li għax bid-dħul tad-divorzju, il-persuni ma jidħlux għaż-żwieġ bil-ħsieb li jibqgħu miżżewġin għal għomorhom iżda bil-ħsieb li meta jridu jistgħu jinħallu miż-żwieġ li daħlu fih.

Divorzju jbiddel biss l-istatus tal-persuna kkonċernata u m’għandux effett fuq is-soċjetà globali. Allura għalfejn għandna aħna nindaħlu fil-ħajja privata tal-persuni? Mhux biżżejjed li l-istat jintaxxana fuq kull azzjoni li nagħmlu, hemm bżonn li jindaħal x’nagħmlu fil-kamra tas-sodda wkoll?

Ngħaddi issa għall-kwistjoni ta’ żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Kuntrarjament ta’ dak li ħafna jaħsbu, il-problema ta’ dawn il-persuni mhix dwar il-ħajja sesswali ta’ bejniethom jew jekk jadottawx it-tfal. Iżda l-problemi jduru dwar jekk il-‘partner’ ikollux dritt ikun preżenti meta l-persuna maħbuba għalihom tkun qiegħda fuq sodda tal-mewt jew waqt xi marda serja.

Problemi dwar wirt ta’ proprjetà li tkun inxtrat b’riżultat tal-imħabba ta’ bejniethom, benefiċċji soċjali li jgawdu minnhom koppji tradizzjonali u ħafna problemi oħrajn.


Problemi li nistgħu nsolvuhom jekk dan il-pajjiż jirrealizza li l-istatus ta’ persuna ma jeffetwax lis-soċjetà globalment u għalhekk dawn għandhom jitħallew fil-libertà kollha biex jagħmlu l-għażliet li jridu huma għall-ħajjithom.

Il-pajjiż u s-soċjetà m’għandhomx ikunu huma li jimponu stil ta’ ħajja lill-persuni l-oħrajn, iżda kulħadd għandu jkollu d-dritt jitħalla fil-libertà li jagħmel l-għażliet li hu jaħseb li huma l-aħjar, la darba d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunux kontra l-liġi jew jeffetwaw fin-negattiv lill-persuni l-oħrajn tas-soċjetà.

byroncamilleri@gmail.com

No comments:

Post a Comment