Saturday, 26 September 2009

Illum: Aperitif ta’ kittieb ġdid

13.9.9 minn Franica Pulis

Ftit ilu Alex Vella Gera ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu ‘Lil Hinn Mill-Jien’. FRANICA PULIS tintervistah biex tara x’hemm wara dan il-ktejjeb ta’ ftit folji li jittratta familja ‘normali’ bil-problemi kollha tagħha bi ftit umoriżmu

Alex Vella Gera, wieħed mill-grupp mużikali Hunters’ Palace, ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ il-ktejjeb ‘Lil Hinn Mill-Jien’. Hu l-ewwel xogħol tiegħu bħala rumanz qasir. Minkejja li s’issa hu ppubblika poeżiji biss, fosthom fi ‘Ħbula Stirati’, Vella Gera ma jqisx lilu nnifsu bħala poeta.

‘Lil Hinn Mill-Jien’ l-awtur jiddeskrivih bħala “kummiedja għall-familja kollha” minkejja li dan il-ktieb mhux addattat għat-tfal. Iżda hu jsejjaħlu hekk għax ried joħloq “rabta subliminali mas-sensiliet tat-televixin. Ridt narahom bħala karattri ġo xi soap opera, biex nagħti kuntest għal melodrama li fih il-ktieb.

“Minbarra li hu dwar familja għaddejja minn kriżi iżda li hi kummiedja – tad-daħq f’sens ironiku ħafna – u l-karattri huma atturi f’din il-kummiedja. Hi wkoll daqsxejn ta’ botta kontra l-moralità prevalenti, li tgħid li ċerti affarijiet huma tajbin għal familja u oħrajn le.”

Fil-fatt jittratta familja ‘normali’ ta’ missier li jikkontrolla lil familtu qisu xi surġent maġġur ta’ reġiment, l-omm li trid tara kif se sservi ta’ pont bejn żewġha u wliedhom, il-bint il-kbira li xebbgħet mill-kontroll ta’ missierha u l-iben omosesswali ta’ 18-il sena li xeba’ mir-relazzjoni tiegħu mal-partner.

Mill-karattri forsi jispikkaw l-aktar il-missier bil-possessività u l-kontroll tiegħu u l-iben li għadu ma qalx lil familtu bis-sesswalità tiegħu. Permezz tagħha jirnexxielu joħloq kunflitt fil-familja. Minbarra li għal-letteratura Maltija nnifisha ma tantx jissemmew nies omosesswali anqas. X’kien il-ħsieb wara dan il-karattru? Kien jinteressak toħloq kunflitt fil-familja permezz tiegħu?

“Dawn il-mistoqsijiet ġagħluni naħseb. Jien ridt noħloq kunflitt f’din il-familja Maltija? Jekk iva, għalfejn? Hekk, għall-gost pervers tiegħi, qisni xi xitan ideffes denbu?

“L-omosesswalità ħarġet spontanja fl-istorja. Meta bdejt niktibha ma kellix idea ta’ min kien il-kondom, imma mbagħad, jien u nibda nikteb il-kapitlu tat-tifel, l-ewwel xena fejn ikun fuq il-blat Ta’ Xbiex, indunajt ħabta u sabta li l-partner tiegħu f’dak il-mument intimu, ma kinitx tfajla imma ġuvni.

“Tgħidlix kif irrealizzajt. Dawn l-affarijiet jiġuk, hekk, u mbagħad int bħala kittieb jew tiġġieled kontriha jew taċċetta dik it-triq li se tieħu l-istorja u taqbad issegwiha. Jien hekk għamilt. Imma l-fatt li hu omosesswali ftit li xejn jidħol fid-destin ta’ din il-familja. Seta’ mar ma’ tfajla, jew mara miżżewġa. Il-kriżi ta’ dil-familja kienet hemm minn qabel, tistenna splużjoni żgħira biex tiżbroffa għal kollox.

“Aktarx dak li ġagħlni nibda nikteb l-istorja. L-idea ta’ kriżi familjari. X’kienet il-kriżi ma kellix idea, imma malli rajt lill-missier jiżvojta ż-żibel mill-ewwel ħassejt li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. L-omosesswalità fl-istorja tidher b’mod normalissimu. In-narattur qatt ma jgħid lill-qarrej: ‘Ara, dan omosesswali!’ Sempliċiment iċ-ċirkostanzi juru x’inhuma t-tendenzi sesswali ta’ dal-karattru. Fi kliem ieħor, mhemmx ġudizzju morali. Ma jistax ikun hemm.”


L-awtur interessatu t-tema tal-familja għax hi aspett li ġieli jissemma fid-diskors pubbliku f’Malta. Minn barra li hi xi ħaġa li esperjenzaha, anki jekk familtu m’għandhiex x’taqsam ma’ tal-ktieb.

“Imma f’kull familja jkun hemm dawk il-power games sottili u mhux daqshekk sottili, li lili jinteressawni għax ta’ spiss jibqgħu taħt il-wiċċ jew ma jissemmewx b’isimhom.

“Hemm ukoll l-idea li dawn in-nies jgħixu ma’ xulxin. Imma fil-fatt kemm jafu lil xulxin? Għalhekk kull kapitlu hu miktub minn membru speċifiku tal-familja. Kemm huma kapaċi jmorru “lil hinn mill-jien” u jaraw ir-realtà minn għajnejn oħra, anke minn għajnejn persuni qrib tagħhom bħal omm, missier, jew aħwa. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna waħedna.”

L-awtur isejjaħ lil dan il-ktieb bħala aperitiv għax idewwaq xogħlu lill-qarrejja qabel it-tieni wieħed u jippreferih minn ‘Lil Hinn Mill-Jien’.

“ ‘Żewġ’ hu iktar għal qalbi għax parti minnu miktuba iktar reċenti. ‘Lil Hinn Mill-Jien’ ktibtu xi sitt snin ilu u ż-żewġ novelli f’Żewġ’, waħda minnhom ktibtha din is-sena u l-oħra fl-1998!”
‘Żewġ’ tnieda waqt il-Festival tal-Letteratura fil-Birgu li ntemm ilbieraħ. Il-ktieb se jkun għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba.

1 comment:

  1. Ippermettili nitfa' reklam ghall-ktieb il-gdid tieghi:

    http://www.youtube.com/watch?v=vPbtcUWjdTI

    ReplyDelete