http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=52825
21.4.9
“Gender, Sexuality & Ethics” se tkun it-tema trattata waqt taħdita pubblika li Margaret Farley (ritratt) – meqjusa bħala ‘vuċi progressiva’ fi ħdan il-Knisja Kattolika – ġiet mistiedna biex tagħmel taħdita nhar il-Ħamis fil-Gateway Building, fl-Università ta’ Malta.
Din il-laqgħa ta’ diskussjoni hija organizzata mill-grupp gay kattoliku Drachma, bil-kollaborazzjoni tad-Department of Youth and Community Studies tal-Università ta’ Malta u l-għaqda Studenti Ħarsien Soċjali. L-iskop huwa li jsir dibattitu dwar ix-xorta tas-sess, is-sesswalità u kwistjonijiet kristjani.
Il-Professur Margaret Farley kienet l-ewwel mara maħtura biex isservi fultajm fil-Fakultà tal-Etika Kristjana fil-Yale University Divinity School, u flimkien ma’ Nenri Nouwen għandha d-distinzjoni li tkun l-ewwel Kattolika Rumana li serviet bħala membru tal-Fakultà fid-Divinity School.
Serviet bħala President kemm tal-Catholic Theological Society tal-Amerika kif ukoll tas-Society of Christian Ethics. Margaret Farley hija rispettata ħafna kemm bħala studjuża kif ukoll bħala għalliema. Kienet bdiet tgħallem fil-Yale University Divinity School fl-1971, mil-liema Università kisbet Ph.D fl-1973.
Hija awtriċi u ko-awtriċi ta’ mill-inqas seba’ kotba, inklużi “Personal Commitments: Beginning, Keeping, Changing, Compassionate Respect” u aktar riċenti “Just Love: A Framework for Christian Sexual Ethics”. Ippubblikat ukoll għexieren ta’ artikli u kapitli f’kotba dwar l-metodoloġija etika, kif ukoll dwar l-etika femminista, medika, sesswali, soċjali u teoloġika storika, u l-ispiritwalità. Hija mfittxija ħafna u kienet mistiedna biex tindirizza konferenzi internazzjonali u mexxiet diskussjonijiet f’diversi pajjiżi fosthom fl-Istati Uniti tal-Amerika, fl-Asja, l-Afrika u fl-Ewropa.
Grazzi għall-ħidma sfieqa tagħha, Margaret A. Farley ħadet il-fama u hija magħrufa bħala ‘vuċi teoloġika progressiva’, fejn il-kelma tagħha għandha ċerta saħħa f’diversi oqsma. Dawn jinkludu t-teoloġija femminista, l-etika medika u sesswali, ir-rwol tan-nisa fil-Knisja, l-omosesswalità u l-Knisja, kif ukoll il-perspettivi reliġjużi dwar l-ambjent.
Margaret Farley ingħatat ħdax-il degree onorarji flimkien ma’ varjetà sħiħa ta’ fellowships u premjijiet. Dawn jinkludu l-John Courtney Murray Award for Excellence in Theology fl-1992; l-Elizabeth Seton Award for Distinguished Theologian fl-2007; il-Grawemeyer Award in Religion fl-2007 għall-ktieb tagħha “Just Love”, kif ukoll il-Yves Congar Award for Catholic Theology and Ethics fl-2008.
Il-Professur Margaret Farley hija l-mistiedna tal-grupp Kattoliku Drachma, li jħaddan fih persuni gay, lesbjani, bisesswali u transesswali li jiltaqgħu biex jitolbu flimkien. Dan hu grupp li dawk fi ħdanu jiffukaw fuq l-imħabba ta’ Alla, irrelevanti minn min huma u x’inhuma. Drachma huwa l-post fejn il-membri tiegħu jfittxu dak li jgħaqqadhom u mhux dak li jifridhom.
Bħala grupp jirrikonoxxu lill-Knisja Kattolika bħala “ommna u l-għalliema tagħna”. Iżda jħossu ukoll li għandhom jgħarrfu l-esperjenzi tagħhom bħala LGBT Kattoliċi. Huma jirrikonoxxu li l-Knisja Kattolika hija rikka u għandha sors ta’ għarfien u tradizzjonijiet; fuq kollox hija l-Knisja ta’ Ġesù Kristu, għalhekk dar ta’ imħabba għall-umanità kollha. Jemmnu ukoll fl-inklużjoni sħiħa ta’ persuni LGBT fi ħdan il-Knisja Kattolika. Apparti l-laqgħat ta’ talb regolari, il-grupp Drachma jorganizza ukoll laqgħat ta’ diskussjoni dwar temi li jolqtu mill-qrib lil persuni LGBT. Għal dawn il-laqgħat, huma jistiednu ukoll personalitajiet magħrufin minn barra biex jaqsmu mal-pubbliku Malti l-esperjenzi u jitkellmu dwar suġġetti li huma struwiti fihom.
Kull min jixtieq aktar tagħrif dwar id-diversi ħidmiet li jwettaq il-grupp Drachma u rigward avvenimenti li jorganizzaw il-membri tagħha, kull min jixtieq xi għajnuna jew pariri, kif ukoll min jixtieq jgħin anke permezz ta’ għajnuna finanzjarja, jista’ jagħmel kuntatt billi jibgħat fuq: drachmalgbt@gmail.com jew jidħol fis-sit: www.drachmalgbt.blogspot.com.
No comments:
Post a Comment