Qassis imlaħħaq li suppost qed ikun investigat mir-Response Team tal-Kurja qal mat-TORĊA li hu ma jaf bl-ebda investigazzjoni dwaru u ma hemm l-ebda raġuni għaliex hu għandu jkun investigat.
Il-każ imur lura snin, iżda żviluppi importanti seħħew fl-ewwel xhur ta’ din is-sena. Dan meta mara li kienet miżżewġa raġel ta’ nazzjonalita barranija allegat għall-ewwel darba fil-midja, li qassis li żewġha kien jafda wassal għat-tkissir taż-żwieġ tagħha bl-attitudni tiegħu u bil-pusses li kellu fuq żewġha. Attitudni li kienet wasslet lill-mara biex tgħid: “Ma rridx qassis bejn il-lożor tiegħi.”
Kien fl-10 ta’ Lulju li ħarġet l-aħbar li l-Imħallef Victor Caruana Colombo, il-Kap tar-Response Team tal-Kurja, kien se jibda jinvestiga dan il-każ. Wara rapport fil-midja f’Marzu, fl-ewwel ta’ April, Caruana Colombo kiteb ittra li fiha stieden lil din il-mara biex tagħmel kuntatt miegħu ħalli jkun jista’ jinvestiga l-każ. Eventwalment il-mara għamlet kuntatt ma’ Caruana Colombo u anke jekk skont informazzjoni li għandha t-TORĊA l-laqgħat miegħu ma kinux fost l-iktar faċli għaliha, il-ftehim kien li l-każ kellu jkun investigat.
Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta jidher li l-każ għadu mhux magħluq, anke jekk fost imkejjen fil-Kurja hemm dubji serji dwar kemm dan il-każ infetaħ bis-serjetà. Dwar il-każ innifsu t-TORĊA ma bagħtet l-ebda mistoqsija lil Kurja, hekk kif dawn għandhom il-prassi li jgħidu li ma jidħlux f’każi individwali u kull darba li bagħtnilhom il-mistoqsijiet rċevejna din ir-risposta li mhi risposta xejn. Minflok, għamilna kuntatt mal-qassis li skont informazzjoni li għandna qegħdin isiru l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
Bagħtnilu r-rapport li deher fil-midja u infurmajnieh li aħna nafu wkoll li hu kemm-il darba ċaħad l-akkużi fil-konfront tiegħu. Iżda, fit-tweġiba tiegħu dan il-qassis ta l-impressjoni li ma jaf b’xejn u qal hekk: “Nirringrazzjak li ġbidtli l-attenzjoni għal dan l-artiklu, però nistqarr miegħek li ma naf b’ebda każ li jinvolvi lili li qiegħed quddiem ir-response team. Anzi b’mod ġenerali għandi ngħid li fil-kuxjenza tiegħi ma naf b’ebda raġuni għax jien għandi nkun involut f’każ quddiem ir-response team.”
Din it-tweġiba tikkuntrasta ferm ma’ tagħrif li għandha t-TORĊA, fosthom li wara li kienu dehru rapporti fil-midja dan il-qassis ipprova jnaddaf ismu. F’dan l-istadju bikri tal-investigazzjoni tagħna din il-gazzetta qiegħda żżom mistura l-identità ta’ dan il-qassis imlaħħaq u li huwa fdat b’ħidma pastorali maż-żgħażagħ. Mhux eskluż li l-identità tinkixef iktar ‘il quddiem, b’mod partikolari jekk ma jkunx hemm spjega ċara u sodisfaċenti mir-Response Team dwar kif qiegħda tiżvolġi l-investigazzjoni li suppost qiegħda ssir.
Dwar dan il-każ, li jmur lura diversi snin, il-mara kienet tkellmet ma’ The Malta Independent (http://www.independent.com.mt/news.asp?newsitemid=122201). Spjegat kif fi żmien li hi kienet għarusa lil raġel barrani dan il-qassis kien jgħix fi flat ma’ żewġha u żagħżugħ barrani ieħor. Il-qassis kien kontinwament jitlob lil għarus tagħha, li kien champion tal-body building, biex jagħmillu l-massaġġi. Iktar minn hekk il-qassis kien pussessiv ħafna mal-għarus tagħha, li eventwalment sar żewġha.
Il-mara spjegat kif meta ltaqgħet ma’ żewġha kien introduċielha lil dan il-qassis bħala ħabib li kellu amirazzjoni kbira lejh. Spjegat kif waqt l-għerusija kien hemm iktar minn okkażjoni waħda fejn il-qassis ipprova jbiegħed lil żewġha, dak iż-żmien għarus, minnha.
Ma’ TMI il-mara spjegat kif kien hemm okkażjonijiet fejn xejn ma ħadet gost b’dak li kien għaddej. “Darba l-għarus tiegħi qaxxarlu s-suf ta’ ġismu... ħassejt l-istonku tiela,” qalet, filwaqt li rrakkuntat ukoll esperjenzi oħra.
Fl-aħħar mill-aħħar is-sieħeb tagħha għażel li ma jibqax jgħix fl-istess appartament mal-qassis u beda jgħix magħha. Minkejja dan tgħid li l-qassis xorta kien għad għandu ħakma fuq is-sieħeb tagħha li qajla setgħet tifhem minn fejn kienet ġejja. Saħansitra kien hemm ċirkostanza fejn il-qassis ħa lil żewġha f’party Għawdex flimkien ma’ qassis ieħor u hemm ipprovaw jibdewlu relazzjoni oħra.
Meta mbagħad waslu biex jiżżewġu għażlu li jiżżewġu barra l-pajjiż biex ma jkunx dan il-qassis li jgħaqqadhom fis-sagrament. Iżda, dan il-qassis qal li hu kien se jinzerta fuq vaganza fil-pajjiż tar-raġel u għalhekk seta’ jżewwiġhom hu.
Lura minn qamar il-għasel, il-qassis baqa’ f’ħajjithom u l-preżenza tiegħu fir-relazzjoni tagħhom u l-kontroll psikoloġiku fuq żewġha żdied. Ir-relazzjoni tagħhom bdiet titfarrak ftit ftit.
Meta ffaċċjat lill-qassis u qaltlu biex iħallihom bi kwiethom beda jgħajjat magħha u qalilha li teżisti s-separazzjoni. Eventwalment, dak li issa kien sar żewġha telaq mid-dar. Il-ġirien kienu nfurmawha li għabba kollox f’van abjad u wara ftit saret taf li kien telaq lejn Għawdex fejn bl-għajnuna ta’ qassis ieħor, l-istess wieħed tal-party, instabitlu akkomodazzjoni.
Il-ġimgħat u xhur ta’ wara ma kinux faċli għal din il-mara li meta ffaċċjata bil-qawwa ta’ kuntatti u metodu ta’ kif jagħmlu l-affarijiet dawn in-nies kienet akkużata wkoll li keċċiet lil żewġha mid-dar matrimonjali u li hija miġnuna. Kontriha sabet lill-familja ta’ dan il-qassis, tal-qassis Għawdxi u lill-provinċjal tal-Ordni li dan il-qassis huwa parti minnha. Kontriha kellha wkoll lill-imħabba ta’ ħajjitha li saħansitra issa qalilha: “In-nisa huma l-għerq tal-ħażen. Aħjar ma tiżżewweġ qatt milli tiżewweġ u titlef ruħek.”
Wara dan il-każ il-mara tkellmet mal-isqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, l-Isqof Mario Grech, il-Pro-Vigarju Ġenerali Anton Gouder u l-Arċisqof Pawlu Cremona li fi żmien taż-żjara tal-Papa (fl-2010) kien wegħdha li l-każ kien se jkun investigat.
Iżda minn dakinhar gerrbu x-xhur u l-mara ma semgħet xejn. Dan sakemm ġimgħat qabel f’Lulju, ir-Response Team qal li se jinvestiga l-każ. Investigazzjoni li aħna nfurmati li sal-lum ma wasslet għal imkien, tant li l-qassis allegatament involut jgħid li ma jaf bl-ebda każ li jinvolvi lilu quddiem ir-response team.
No comments:
Post a Comment