[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit ta' L-Orizzont s'issa.]
Il-Ġimgha - 5 ta' Novembru, 2010; Pagna 11
Minn SAMMY SAMMUT
Erba' membri mill-Kumitat Ċentrali tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM) fil-jiem li għaddew attendew u ħadu sehem attiv fl-Erbatax-il Konferenza Annwali tal-fergħa Ewropea tal-International Lesbian and Gay Association (ILGA) li saret f'The Hague, l-Olanda, bil-koperazzjoni ta' COC Haaglanden.
Għal din l-akbar avveniment fejn ikunu diskussi u sostnuti d-drittijiet ta' persuni LGBTI fl-Ewropa, attendew aktar minn 260 attivisti liżbjani, gay, transesswali u intersesswali Ewropej flimkien ma' politikanti nazzjonali u rappreżentanti minn organizzazzjonijiet oħrajn minn 37 pajjiż mxerrdin mal-kontinent kollu Ewropew.
"Nesprimu d-differenzi tagħna, Nisfidaw il-preġudizji tagħna, Niżviluppaw l-alleanzi tagħna" kienet it-tema ġenerali tal-konferenza li ġiet diskussa flimkien ma' kwistjonijiet oħrajn partikolari mid-delegati kollha miġburin flimkien kif ukoll f'workshops u minn gruppi ta' esperti.
Fost oħrajn, id-delegati tal-konferenza approvaw riżoluzzjoni li permezz tagħha esprimew it-tħassib tagħhom għall-qawmien tal-estremiżmu fl-Ewropa, waqt li ħaġġew lil ILGA-Europe, inklużi wkoll l-għaqdiet membri, biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għat-trażżin tal-estremiżmu f'kull forma tiegħu.
Mozzjoni oħra approvata tinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet membri fi ħdan ILGA-Europe biex iħaddnu u jinkoraġġixxu d-diversità fi ħdan il-komunitajiet LGBTI. Permezz ta' dikjarazzjoni li adottat, il-Konferenza kkundannat bl-akbar qawwa l-attakk li kien għadu kemm twettaq kontra attivisti LGBTI f'Tomsk, ir-Russja, waqt li esprimiet l-akbar solidarjetà mal-istess attivisti u sejħet għal tolleranza akbar lejn l-attivisti LGBTI Russi li qegħdin jaħdmu favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja.
Ta' interess partikolari għal Malta kien il-fatt li fost il-membri l-ġodda eletti biex iservu fuq il-Bord Eżekuttiv ta' ILGA-Europe kien hemm il-kordinatur tal-MGRM, Gabi Calleja, waqt li Ruth Baldacchino reġgħet kienet eletta bħala waħda miż-żewġ rappreżentanti Ewropej fuq il-Bord Dinji tal-International Lesbian and Gay Association (ILGA). Ta' min jgħid li Ruth Baldacchino serviet bħala membru fuq il-Bord ta' ILGA-Europe bejn is-snin 2006 u 2010, u ilha isservi fuq il-Bord Dinji sa mis-sena 2005.
Preżenti għall-Konferenza Annwali ta' ILGA-Europe kien hemm ukoll Silvan Agius, Policy Director ta' ILGA-Europe, Nikki Falzon bħala voluntiera flimkien ma' Mark Grech u Bernard Muscat mill-MGRM bħala parteċipanti.
F'kumment li tat, Ruth Baldacchino qalet li l-Konferenza Annwali ta' ILGA Europe hija attività kruċjali biex jintefa' dawl u titqajjem kuxjenza dwar il-qagħda tal-persuni LGBTI fl-Ewropa.
"Waqt li aħna kburin bl-avvanzi kbar li seħħew f'xi pajjiżi, mhux l-istess jista' jingħad għal pajjiżi oħrajn, fosthom Malta. Il-qagħda politika kurrenti li qiegħda xxaqleb lejn ħsibijiet estremi qiegħda thedded serjament milli jkompli jsiru aktar avvanzi fl-oqsma tad-drittijiet umani u l-ġustizzja soċjali", qalet Ruth Baldacchino waqt li saħqet fuq l-importanza li attivisti, persuni akkademiċi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet isibu modi kif jikkoperaw aktar mill-qrib bejniethom biex jilqgħu għall-preġudizzji u jibnu alleanzi għall-ħarsien u t-tisħiħ tad-drittijiet umani ta' persuni LGBTI.
No comments:
Post a Comment