http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=67479
4.11.10
Maġġoranza tal-istudenti universitarji eżattament 50.7%, huma kontra li reliġjon partikolari tkun imniżżla fil-Kostituzzjoni ta' Malta. Fil-Kostituzzjoni ta' Malta bħalissa hemm imniżżel li "r-reliġjon ta' Malta hi r-Reliġjon Kattolika Rumana. L-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika Appostolika Rumana għandhom id-dmir u l-jedd li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena." Tgħid ukoll li "t-tagħlim reliġjuż tal-fidi Kattolika Appostolika Rumana għandu jkun provdut fl-iskejjel".
L-opinjoni tal-istudenti dwar ir-reliġjon fil-Kostituzzjoni, saret magħrufa permezz ta' stħarriġ li sar fost 606 studenti fl-Università. L-istħarriġ sar bejn l-4 u t-8 ta' Ottubru. Mill-istħarriġ ikkummissjonat mill-għaqda studenteska "MOVE" naraw li kien hemm 34.4% tal-istudenti li qalu li jaqblu li fil-Kostituzzjoni tissemma r-reliġjon, waqt li 14.9% għadhom indeċiżi. L-għaqda progressiva "MOVE", ilbieraħ ippubblikat l-istħarriġ li għamlet, liema stħarriġ sar madwar sena wara li kienet għamlet stħarriġ simili fuq id-divorzju u l-kontraċettivi.
Mill-istħarriġ li tnieda lbieraħ jirriżulta li 54.4% tal-istudenti universitarji jaqblu mal-introduzzjoni tad-divorzju f'Malta.
Dan meta fl-istħarriġ tas-sena li għaddiet il-persentaġġ kien ta' 54.9%. L-istudenti li huma kontra d-dħul tad-divorzju f'pajjiżna hu ta' 32.4%, waqt li fl-istħarriġ tas-sena li għaddiet dan kien ta' 32.7%. Dawk li huma indeċiżi jammontaw għal 13.2% fl-istħarriġ ta' din is-sena u 12.4% fl-istħarriġ tas-sena li għaddiet.
L-istudenti universitarji ntalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent għal żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Fl-istħarriġ ta' din is-sena kien hemm 43% tal-istudenti li qablu li persuni tal-istess sess għandhom jingħataw id-dritt li jiżżewġu. 41.7% tal-istudenti huma kontra ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Meta wieħed iqabbel l-istħarriġ ta' din is-sena ma' dak li sar is-sena li għaddiet, naraw li l-ammont ta' studenti favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess naqas. Dan għax fl-istħarriġ tas-sena li għaddiet kien hemm kważi 50% li qalu li jaqblu ma' dan it-tip ta' żwieġ.
Mill-istħarriġ irriżulta li l-maġġoranza assoluta tal-istudenti universitarji huma kontra li persuni tal-istess sess jingħataw l-opportunità li jadottaw it-tfal, bil-persentaġġ ikun ta' 57%. Kien hemm iżda 23.5% li huma tal-fehma li koppji tal-istess sess għandhom jingħataw l-opportunità li jadottaw waqt li 19.5% kienu indeċiżi.
Fejn jirrigwarda l-ewtanasja – jiġifieri għajnuna biex wieħed itemm ħajtu – naraw li mill-istħarriġ ħareġ li 45.25% ma jaqblux li l-ewtanasja tkun introdotta f'Malta. Biss mill-banda l-oħra kien hemm 33.05% li kienu favur u 21.7% li kienu għadhom indeċiżi.
Dwar is-sistema edukattiva naraw li 38.7% tal-istudenti kienu tal-fehma li s-sistema edukattiva tagħti aktar mobilità għax-xogħol lill-istudenti, waqt li 36% ma jaqblux.
Jirriżulta wkoll li 51.2% huma tal-fehma li s-sistema edukattiva mhix effiċjenti, bi 23.3% ma jaqblux ma' dan u 25.5% indeċiżi.
Hemm imbagħad 51.4% li huma tal-fehma li hemm lista twila ħafna tal-korsijiet offruti mill-Università, waqt li 34.9% ma jaqblux ma dan. |
No comments:
Post a Comment