6 ta' Novembru 2010 minn Mons. Mario Grech
L-esperjenza tixhed li fil-ħajja tagħna l-bnedmin, ħafna tensjonijiet kienu kkalmati, żbalji kkoreġuti u konflitti żarmati għax kien hemm medjazzjoni tajba. Ir-rwol tal-medjatur hija vitali biex ikun hemm komunikazzjoni, u hekk wieħed jasal għall-għarfien tal-verità u jistabbilixxi relazzjoni sinċiera u dejjiema. Meta l-medjazzjoni tkun fqira jew fallaċi, jiddgħajfu r-relazzjonijiet u jkun hemm ħerba.
Fil-ħajja ordinarja tagħna, il-ġisem uman hu "medjatur" singulari biex il-bniedem jidħol f'komunjoni personali u rispettuża mal-oħrajn u jagħraf lilu u jaċċetta lilu nnifsu. Meta din il-medjazzjoni korporea hi żbaljata, jew forsi wkoll nieqsa, il-kwalità tal-ħajja umana tbati. Huwa fatt li ċerti nies huma mdejqin għax mhumiex kuntenti bihom infushom, bħal fil-każ ta' meta mhumiex komdi bil-fiżiku tagħhom u bl-orjentament sesswali tagħhom.
Hemm oħrajn li jħallu l-egoiżmu tagħhom jifgagħhom tant li billi ma jirnexxilhomx jidħlu f'relazzjoni ma' ħaddiehor, għandhom diffikultà biex jagħrfu lilhom infushom u jingħalqu fihom infushom. Hemm, imbagħad, irġiel u nisa li għalkemm iħossuhom li għandhom jidħlu f'relazzjoni ta' mħabba ma' persuni ta' sess divers, għandhom diffikultà biex jaċċettaw lil ħaddieħor. Għandna koppji miżżewġa li jagħmlu ħajjithom infern għaliex ma jafux jirrelataw ma' xulxin, anqas intimament!
Fost iż-żwiġijiet li jfallu, hemm dawk li jibdlu lill-mara jew lir-raġel għas-sempliċi raġuni li ma jaċċetawx il-fatt li l-ġisem tas-sieħeb jew tas-sieħba għandu l-istorja tiegħu u għalhekk jitlef il-faxxinu tiegħu – għalhekk jitilfu lill-mara jew lir-raġel biex isibu ġisem iżgħar fl-età!
Ukoll, il-mod kif qed naħsbu dwar il-produzzjoni tal-ħajja umana u kif jidhrilna li nistgħu niddisponu mill-ħajja fl-ewwel fażijiet tat-tnissil, juri x'kunċett għandna tal-ġisem tal-bniedem.
B'ġisem uman qed nifhmu l-persuna, ikkunsidrata fid-dimensjoni korporea. Infatti, aħna għandna "ġisem animat" li diversi aspetti tiegħu jistgħu jiġu mistħarrġa minn xjenzi differenti: fiżjoloġija, anatomija u x-xjenzi biomediċi. Imma 'l hinn minn dan l-aspett fiżjoloġiku, il-ġisem uman għandu tifsiriet oħrajn. Billi huwa mezz ta' medjazzjoni biex il-persuna tidher, il-ġisem uman għandu valuri simboliċi: hu l-modalità li permezz tiegħu l-persuna hija "preżenti".
Kull persuna tista' tifhimha permezz tal-ġisem tagħha – infatti kull ġisem hu uniku, singulari u personali. Huwa realtà magħmula mil-laħam u għadam, imma b'differenza minn robot li jitħarrek minn movimenti mekkaniċi u sterjotipati, huwa animat b'tali mod li dritt nidentifikaw il-ġisem ma' persuna individwu.
F'dan is-sens, kull ġisem hu differenti għax kull persuna hija differenti. Min iferi l-ġisem ta' xi ħadd, ikun ħabat għal dik il-persuna partikulari – għalhekk nistgħu ngħidu mhux biss li għandna ġisem, imma li aħna ġisem!
Permezz tal-medjazzjoni tal-ġisem, il-persuna tidħol f'relazzjoni mal-oħrajn. Hekk, permezz ta' din il-medjazzjoni tinbena l-komunità inter-personali u permezz ta' dawn ir-relazzjonijiet il-bniedem jibni lilu nnifsu. Fuq livell espressiv, il-komunità tinbena permezz tal-lingwaġġ, mentri fuq livell affettiv, permezz tal-għaqda sesswali.
Fl-ethos tal-bniedem tal-Punent, is-sesswalità umana m'għadhiex titqies bħala aspett serju tal-ħajja tal-bniedem. Svojtajna s-sesswalità mill-verità u t-tifsira proprja tagħha. Is-sesswalità m'għadhiex titqies bħala attività "sagra", u għax timpenja l-persuna bħala tali, issa qed tiġi pubbliċizzata bħala "attività mekkanika".
Infatti, l-uniku kriterju biex nivvalutaw id-diversi modi kif il-bniedem jeżerċita s-sesswalità tiegħu hu l-pjaċir – għażilna li ma nagħtux aktar każ jekk l-espressjoni sesswali hix konformi jew le man-natura u l-finalità proprja tas-sesswalità. Billi s-sesswalità tneżżgħet mill-valur intrinsiku tagħha, illum il-bniedem ma jikkomtemplax jekk huwiex liberu jew le fl-azzjoni tiegħu, imma jimxi kif ifettillu – spontanjetà!
Fi kliem ieħor, is-sesswalità umana ġiet snaturata mis-serjetà għaliex ġiet miftuma mill-persuna, liema separazzjoni timplika xpakkaturi ferm aktar serji.
Infatti, għaddej kurrent biex il-ġisem jinfired mill-persuna u hekk il-bniedem jittratta lil ġismu jew ġisem ħaddieħor daqslikieku hu oġġett distint mill-persuna. Meta l-ġisem uman inħall mill-persuna u bdejna nħarsu lejh daqslikieku kien parti oħra tan-natura – meta l-ġisem kien spersonalizzat, is-sesswalità kienet maħtufa mit-tifsira naturali tagħha u l-bniedem ħassu liberu li jagħtiha t-tifsira li ried hu. Hekk is-sesswalità, flok ma hija lingwaġġ tal-imħabba li jesprimi l-għotja tal-persuna u l-ftuħ għall-ħajja, saret mezz ta' gratifikazzjoni, strumentalizzazzjoni, sfruttament u kummerċ.
B'hekk dħalna f'raġunament li ladarba s-sesswalità hi xi attività newtrali (insinjifikanti), il-bniedem jinqeda biha għal liema għan irid hu. L-unika ħaġa li (forsi) l-bniedem li jirraġuna b'dan il-mod għadu jagħraf hija li jekk fl-eżerċizzju tas-sesswalità jkun hemm persuna oħra involuta, allura huwa mistenni li din tagħti l-kunsens tagħha!
F'dan il-kuntest, għalhekk, naslu biex nikkonvinċu ruħna li mhux biss l-attività eterosesswali hi umanament denja, imma l-attività omosesswali wkoll hija attività tajba u jistħoqqilha l-istess għarfien bħall-attività eterosesswali. B'din il-premessa, allura wieħed jasal biex jikkonkludi li mhux veru li hemm żewġ tipi ta' sesswalità – dik maskili u dik femminili, imma hemm "ir-raġel" u l-"mara": ir-raġel jista' jirrelata, kemm mal-mara, kif ukoll ma' raġel ieħor; u l-mara tista' tirrelata ma' raġel jew mara oħra!
Għaddej ukoll sforz biex issir firda bejn eros u l-imħabba. Il-viżjoni utilitarista tiċħad li l-bniedem għandu l-ħila li jkejjel ix-xewqat tiegħu skont il-virtù; anzi hemm min jgħid li jekk ngħidu li hemm verità li tmexxi lill-bniedem, dan ifisser li nkunu nammettu limitazzjoni umana! Għalhekk, ir-raġuni umana hija biss strument biex il-bniedem jissodisfa x-xewqat, il-passjonijiet u l-interessi kollha tiegħu.
Bir-raġun, għalhekk, li fl-Enċiklika Deus Caritas Est, Benedettu XVI jikteb li l-imħabba "eros" hija degradazzjoni tad-dinjità tal-bniedem. . . teħtieġ rażan u tisfija biex lill-bniedem tagħtih mhux pjaċir ta' mument (n.7). Huwa fatt li din il-proposta antropoloġika, minflok ma tagħmel lill-bniedem ħieles, tnittiflu l-libertà tiegħu biex tħallih jitmexxa mill-istinti tiegħu. Fil-kamp tas-sesswalità, dan ikompli jbattalha min-natura tagħha ta' mħabba li tingħata – is-sesswalità jibqagħlha biss dimensjoni erotika li ssaħħaħ l-aspett edonistiku tagħha. Huwa ovvju li impostazzjoni edonista tas-sesswalità tkompli tissepara s-sesswalità miż-żwieġ u ż-żwieġ mill-familja.
Kurrent ieħor qed ikompli jkisser ir-relazzjoni bejn iż-żewġ dimensjonijiet tal-att konjugali: dak unittiv u dak prokreattiv. Il-mentalità kontraċettiva ħarbtet dan ir-rapport mhux biss fuq livell bijoloġiku, imma wkoll fuq livell ta' intenzjoni. Huwa fatt li l-kultura tal-kontraċezzjoni wasslet għal kultura kontra t-twelid. Ir-rata baxxa tat-twelid f'pajjiżna hija indikattiva.
L-istess ħsara tista' tiġi kkawżata mill-prassi tat-tnissil medikament assistit. Fiż-żewg każijiet, l-imħabba konjugali espressa bil-lingwaġġ sesswali mhix aktar qed tkun miftuħa għall-ħajja, kemm għaliex hu possibbli li bejn il-miżżewġin ikun hemm att ta' mħabba kapriċċjożament magħluq għall-ħajja, kif ukoll għax jista' jkun hemm mod kif titnissel il-ħajja barra mill-kuntest tal-imħabba konjugali.
Mhux biss id-divorzju jibdel in-natura taż-żwieġ, imma wkoll din il-prassi li għadna kemm semmejna. Għaliex jekk iż-żwieġ hu dik l-għaqda leġittima bejn raġel u mara biex ikun hemm il-ħajja, is-separazzjoni tad-don tal-ħajja mill-għaqda leġittima u s-sesswalità umana, iddgħajjef l-istituzzjoni taż-żwieġ! Agħar minn hekk, il-prassi tat-tnissil medikament assistit tista' tgħin biex id-dritt tat-tnissil artifiċjali jiġi rikonoxxut lil diversi kategoriji konviventi, inklużi dawk f'relazzjoni omosesswali, u hekk dawn il-fenomeni jiġu ekwiparati mal-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ!
It-tifrik tal-verità u tat-tifsira tas-sesswalità wassal għal dik li tissejjaħ "ideoloġija tal-ġeneru [gender]" – skont din l-ideoloġija, l-identità u l-konvinċiment ta' persuna dwar is-sesswalità tagħha – jiġifieri jekk hijiex raġel jew mara – hija ħolqien tal-kultura li tiddependi mir-rwoli li soċjetà partikulari tattribwixxi lis-sessi. Mela, raġel iħossu raġel jew mara tħossha mara mhux għax skont kriterji oġġettivi, imma skont il-konvenzjonijiet soċjali tal-post!
Quddiem din il-konfużjoni antropoloġika, fejn se nfittxu d-dawl? Nifraħ lid-Dar Ġużeppa Debono li laqgħetna għal din il-Konferenza Nazzjonali, li fil-fehma tiegħi, hija providenzjali għaliex se tagħtina l-possibilità li nixtarru t-Teoloġija tal-Ġisem – wieħed mid-doni l-kbar li ħallielna l-Papa Ġwanni Pawlu II. Anzi l-Papa nnifsu jsejjaħ dan l-Evanġelju dwar il-ġisem bħala "la teologia del sesso" - "la teologia del corpo. . . diventa, in certo modo, anche teologia del sesso, o piuttosto teologia della masculinità e della femminilità".
Skont il-Papa, il-ġisem uman għandu "kelma profetika" fis-sens li l-ġisem, f'isem Alla l-Ħallieq, jiġbor fih grammatika u lingwaġġ li jurina t-triq tal-imħabba vera li twassal għal ħajja umana dinjituża; hekk, il-ġisem uman ikompli jkun medjatur biex il-bniedem jidħol mhux biss f'relazzjoni mal-oħrajn, imma wkoll ma' Alla.
Konvint li t-teoloġija tal-ġisem li se jesponi issa l-Professur Rev George Woodall għandha messaġġ deċiżiv għas-soċjetà Maltija li bħalissa qed ikollha tikkonfronta tematiċi serji.
Nagħlaq b'sentenza programmatika ta' Sant'Injazju minn Antijokja: Il Cristianesimo non è opera di persuasione, ma di grandezza" (Lettera ai Romani). Affrontati minn kurrenti fis-soċjetà tagħna li mhux biss jidhru li qed jagħlqu qalbhom għall-messaġġ ta' Kristu, imma wkoll probabbli għandhom antroploġija żbaljata, inxandru b'kuraġġ u qawwa l-ġmiel u l-ġdid (la grandezza) ta' din il-bxara t-tajba dwar il-ġisem uman – dwar il-persuna, iż-żwieġ u l-familja. L-isfida l-kbira tagħna mhix li dan il-messaġġ ma jiġix milqugħ, imma li ma nibqgħux nemmnu fil-ġmiel tal-messaġġ Nisrani u għalhekk nirtiraw mis-soċjetà.
No comments:
Post a Comment