Thursday, 22 April 2010

It-Torċa: Id-dilemma tal-Vatikan fuq....Omosesswali u pedofelija

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
18.4.10 minn Ivin Catania

Kien hemm diversi perjodi fl-istorja li fihom il-Knisja Kattolika spiċċat mira ta’ attakki minħabba l-ħidma tagħha u l-mod kif kienet twettaq din l-istess ħidma. F’dawk is-snin iżda l-attakki kienu marbuta mal-poter politiku u territorjali li kellha fuq il-ġnus u renji li kienu jiddominaw l-istorja Ewropea. Iżda fl-era moderna, qatt daqs dawn l-aħħar ġimgħat il-Knisja sofriet attakki kontinwi li xelfu u ċajpru t-tagħlim ta’ ħniena tagħha. Il-każi riċenti ta’ pedofelija nisslu fil-fidili tagħha sens ta’ delużjoni għax qatt ma jistgħu jifhmu kif nies b’ilbies reliġjuż setgħu abbużaw mill-fiduċja ta’ daqs tant familji u agħar minn hekk mill-innoċenza ta’ daqstant akbar ta’ tfal.
Illum il-fidili tal-Knisja Kattolika qiegħdin jitolbu għal riforma li permezz tagħha mill-ġdid tinkiseb il-fiduċja tal-1.1 biljun Kattoliku mifruxa mal-globu kollu. Biss jidher li din ir-riforma għadha ’l bogħod hekk kif kelliema uffiċjali tal-Knisja, fosthom is-segretarju tal-istat tagħha Tarcisio Bertone, qiegħdin jippruvaw jiddefendu lill-istess Knisja Kattolika billi jdawru l-kanuni tagħhom u jorbtu l-abbużi fuq minorenni mal-omosesswalità.
L-attakk riċenti ta’ Tarcisio Bertone fuq l-omossesswalità b’rabta mal-każi ta’ pedofelija, kompla aktar għarraq il-pożizzjoni tal-istess Vatikan u l-Papa Benedittu XVI, hekk kif aktar minn qatt qabel din l-istituzzjoni tinsab taħt attakk; kważi tista’ tgħid minn fuq il-fronti kollha. Il-pożizzjoni tal-Vatikan u l-istess Papa li jqisu l-omosesswalità bħala devjazzjoni perikoluża, jew forma ta’ marda, qiegħda ġġib ir-rabja minn fost il-komunitajiet gay u sekolari madwar id-dinja kollha.
Dan l-attakk qed jitqies bħala ammissjoni li l-Vatikan, jew mhux kapaċi jew ma jridx, jieħu passi kontra dawk il-qassisin li abbużaw mil-libsa tagħhom u nfexxew f’relazzjonijiet illeġittimi ma’ subien, u anke bniet, ta’ età żgħira. Il-fatt li l-Vatikan fuq is-sit uffiċjali tiegħu ppub-blika l-linji gwida dwar x’passi għandhom jittieħdu meta jfeġġ każ ta’ pedofelija mwettaq minn xi membru tal-kleru, mhux qed jitqies li huwa pass biżżejjed biex din il-problema li qiegħda tifni lill-Knisja Kattolika tkun kontrollata u meqruda.
Waqt li kien fiċ-Ċilì Bertone stqarr li: “Ħafna soċjoloġi u ħafna psikjatri rnexxielhom juru li m’hemm l-ebda relazzjoni maċ-ċelibat (referenza għall-qassisin) u l-pedofelija, filwaqt li oħrajn qaluli li hemm rabta bejn l-omosesswalità u l-pedofelija. Hekk hu u din hi l-verità. Din hija marda li tolqot lill-istrati kollha soċjali, u lill-qassisin tolqothom f’perċentwal żgħir.” Din id-dikjarazzjoni ta’ Bertone kompliet turi kif il-Vatikan qed jagħmel minn kollox biex jostor l-każi ta’ pedofelija fi ħdan l-istess Knisja Kattolika.
Iżda jidher li Bertone, minkejja li kellu aċċess, għażel li jinjora rapport li kien sar fl-2002 għall-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti u ppubblikat proprju s-sena li għaddiet. Dan ir-rapport li sar mill-John Jay College of Criminal Justice jissuġġerixxi li l-possibilità ta’ aċċess akbar għal subien huwa responsabbli għal perċentwal għoli ta’ każi ta’ abbuż maskili. Fil-fatt Margaret Smith, waħda mir-riċerkaturi tar-rapport qalet li: “Mill-informazzjoni li għandna sa issa ma sibna l-ebda rabta bejn l-identità omosesswali u ż-żieda fil-kontinwazzjoni tal-abbużi. .... Huwa importanti li ssir differenza bejn identità u attività sesswali. Persuna tista’ twettaq atti sesswali li jistgħu jitqiesu bħala ta’ natura omosesswali iżda ma jkollux identità omosesswali.”
Barra minn hekk il-professur tal-psikoloġija Thomas Plante fil-ktieb tiegħu ‘Mental Disorders of the New Millenium’ qal li minkejja l-maġġoranza tal-vittmi ta’ abbuż minn membri tal-kleru huma rġiel, dawn l-abbużi ma jistgħux ikunu marbuta mal-omosesswalità. Dan minħabba li fl-ewwel każ ħafna mill-qassisin involuti jistqarru li mhumiex omoses-swali. Dan huwa l-istess fil-każ ta’ abbużi mwettqa minn irġiel li mhumiex qassisin. Huwa jtenni li skont rapporti li għandu ħafna jabbużaw minn subien minħabba li għandhom aċċess akbar għalihom u jibżgħu mill-periklu li jekk jabbużaw minn bniet jistgħu jispiċċaw joħorġu tqal. Huwa qal ukoll li b’mod inġenerali nstab li meta mqabbla ma’ persuni eterosesswali persuni omosesswali huma anqas lesti li jabbużaw mit-tfal. Iżda l-aktar importanti li saħaq Plante kien li: “L-orjentazzjoni sesswali m’għandha l-ebda rabta ma reati sesswali.”
Għaldaqstant l-attakk ta’ Bertone flok mewwet ir-rabja kontra l-inabilità jew nuqqas ta’ rieda li jittieħdu passi kontra l-qassisin pedofeli, aktar żieded id-doża ta’ attakki fuq is-Santa Sede... u fuq il-Papa Benedittu XVI bħala l-kap tagħha u tal-Kattoliċi.
Iżda dawn l-attakki ħorox fuq il-Papa u l-Knisja Kattolika kif bdew? F’dawn l-aħħar ġimgħat ħarġu diversi stejjer kif Benedittu XVI kemm
meta kien Arċisqof ta’ Munich fil-Ġermanja, kif ukoll meta kien fil-kariga bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina, l-inkwiżizzjoni moderna, għamel minn kollox biex jaħbi każi ta’ pedofelija u jipproteġi ’l qassisin involuti.

Il-Każ Peter Hullerman

Il-Papa Benedittu XVI spiċċa taħt attakk wara li fil-pub-bliku ħarġu ittri u dokumenti iffirmati minnu u li jortbtuh mal-mod kif kien trattat il-każ tal-qassis Peter Hullerman. Meta Joseph Ratzinger kien għadu Kardinal kien mgħarraf li qassis Ġermaniż li kien għen biex jingħata t-terapija wara każi ta’ pedofelija, kien se jirritorna mill-ġdid jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta’ qassis, ftit jiem wara li kien beda dan l-istess trattament. Dan il-każ kellu l-bidu tiegħu ’l fuq minn 30 sena ilu.
Il-qassis Peter Hullerman kien instab ħati li mmolesta xi subien sitt snin wara li beda l-kura u waqt li kien qed iservi f’parroċċa oħra. Minkej-ja li fil-ġimgħat li għaddew l-Arċidjoċesi ta’ Munich tefgħet il-ħtija tal-kondotta ta’ Hullerman fuq id-deputat arċisqof Gerhard Gruber, memo tal-1980 juri mod ieħor. Dan il-memo juri kif Joseph Ratzinger kien jaf li Hullerman kien se jkun trasferit f’parroċċa oħra u kien talab ukoll li jibqa’ jinżamm infurmat b’dak li jkun qed jagħmel.
Hullerman kien tneħħa mill-parroċċa fejn kien iservi u ntbagħat għall-kura fl-1979 wara li l-ġenituri ta’ tliet subien ressqu akkużi kontrih. Biss minkejja dan huwa reġa’ beda jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta’ qassis fl-1980. Sitt snin wara huwa kien instab ħati ta’ abbużi fuq subien. Każi oħra ta’ abbużi fuq minorenni li fihom allegatament hu involut Hullerman seħħew ukoll f’raħal viċin Essen u fil-belt ta’ Garching an der Alz.
Kemm il-Vatikan u anke l-awtoritajiet tal-knisja ħarġu jiddefendu lill-Papa u qalu li hemm dubju jekk kienx jaf b’dak li seħħ. Biss fit-12 ta’ Marzu li għadda d-djoċesi tal-Bavaria kkonfermat li Joseph Ratzinger kien involut fid-deċiżjoni tat-trasferiment ta’ Hullerman u għaldaqstant kien jaf bl-abbużi tiegħu.

Il-każ ta’ Oakland

Kien fl-1986 li Rev. George E. Mockel, mit-tribunal ekkleżjastiku tad-djoċesi ta’ Oakland, sejjaħ lil Stephen Miller Kiesle, qassis li diġà kien ikkundannat tliet snin fuq abbużi pedofeli, biex jispjega li t-talba li għamel biex hu jitneżża mil-libsa ta’ qassis kienet imblukkata minn dak li dakinhar kien għadu Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina. L-istorja ta’ Kiesel bdiet lura fl-1981 meta l-Isqof John Cummins kien għarraf lil Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bl-akkuża li kien għamel sess ma’ tal-anqas sitt subien bl-etajiet ta‘ bejn il-11 u s-16-il sena.
Biss l-uffiċċju tal-Kongregazzjoni Għad-duttrina tal-Fidi kien talab aktar informazzjoni. L-informazzjoni mitluba ntbagħtet.... b’aktar akkużi fil-konfront ta’ Kiesel. Iżda min-naħa tal-Vatikan ma’ rċevew l-ebda tweġiba. Ir-Reverendu Mockel iddeċieda li jikteb direttament lil Ratzinger, il-prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Iżda għal darb’oħra baqa’ bla tweġiba. Min-naħa tiegħu Mockel saħaq ma’ Cummins biex jsir xi ħaġa. Kellhom jgħaddu sitt snin sakemm waslet t-tweġiba.
Fit-13 ta’ Jannar tal-1986 Mockel kiteb lil Kiesel fejn infurmah b’dak li kien wieġeb Ratzinger: “Ittra li rċevejna mill-Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi tgħid li għandhom bżonn ta’ aktar żmien biex jaħsbuha u jifhmu jekk lill-lajċizzazzjoni tkunx ta’ ġid għalik u għall-Knisja. Hemm il-biża’ li d-dispensa tiegħek tista’ toħloq xi skandlu qalb il-fidili.”
Illum il-ġurnata Kiesel, li għandu 63 sena, jinsab fuq il-lista ta’ persuni li wettqu reati sesswali fl-istat ta’ Kalifornja, fl-Istati Uniti.

Linji Gwida

Fl-isfond ta’ dan kollu, f’tentattiv mill-Vatikan biex tkun protetta l-immaġni tal-Papa Benedittu XVI, fil-jiem li għaddew kienu ppubblikati l-linji gwida ta’ kif l-Isqfijiet għandhom jimxu fil-każi ta’ pedofelija. Għall-ewwel darba sar magħruf li huwa obbligatorju li jsir rapport lill-pulizija meta jfeġġ każ simili. Aktar minn hekk f’każi gravi l-Papa jista’ jneżża’ qassis mil-libsa klerikali tiegħu.
Il-Vatikan stqarr li dawn il-linji gwida saru possibbli grazzi għall-intervent ta’ Joseph Ratzinger fl-2001 meta kien għadu prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Iżda sentejn ilu l-istess Papa Benedittu XVI approva linji gwida oħra, li tressqu quddiemu mill-prefett preżenti tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal Zenon Grocholewski.
Dawn il-linji gwida jagħmluha mandatorja biex isir użu ta’ psikologi u psikoterapisti jekk ikun hemm dubju li novizz ikollu tendenzi omosesswali. Dawn il-linji gwida tressqu: “Minħabba li l-omosesswalità hija ġerħa, devjazzjoni u rregolarità li żżomm qassis milli jaqdi dmiru.”
Ċaqlieq ta’ qassisin madwar id-dinja fuq akkużi ta’ pedofelija
• Tal-inqas jeżistu 30 każ li fihom il-qassisin involuti kienu trasferiti bejn pajjiż u ieħor biex iżommu mistur l-abbuż li wettqu u li f’uħud mill-każi kienu misjuba ħatja għalihom. Il-każi tal-qassisin involuti jmorru lura kważi 50 sena.
Tul dawn is-snin kellek każi fejn qassis intbagħat fil-Filippini mill-Amerika u kien jingħata ċekkijiet ta’ flus biex iżomm ħalqu magħluq. Kellek qassis fil-Kanada li wara li instab ħati ta’ abbużi sesswali ntbagħat Franza fejn mill-ġdid instab ħati ta’ abbuż ieħor. Qassis ieħor spiċċa jkun trasferit bejn l-Irlanda u l-Ingilterra minkejja li kien psikoloġikament ippruvat li jwettaq sodomija mas-subien. Dawn il-ftit każi juru l-metodu li bih huma kkontrollati u solvuti l-każi ta’ pedofelija fil-knisja: trasferiment mil-lok tar-reat.
•Joe Callander jgħid li kien għad kellu 14-il sena meta fl-1959 safa stuprat minn qassis fil-belt ta’ Boston. Dun Mario Pezzotti kien intbagħat il-Brażil fejn baqa’ jaħdem mill-1973 sal-2003.
• Dun Vijay Vhaskr Godugunuru, qassis Indjan, kien trasferit lejn l-Italja wara li kien akkużat li mmolesta tifla ta’ 15-il sena. Illum il-ġurnata huwa jaqdi l-ħtiġiet ta’ parroċċa ta’ 4,000 persuna... inkluż tfal.
Il-ġenituri tat-tifla involuti resqu l-każ quddiem il-Papa Benedittu XVI, iżda sal-lum għadhom bla tweġiba. Il-każ seħħ fl-2006.
• Għal 30 sena sħaħ il-Ġiżwita Taljan Clodevo Piazza ħadem ma’ tfal bla dar fil-Brażil. Biss f’Awwissu li għadda tal-anqas tmien subien u rġiel żgħażagħ stqarrew li kienu sfaw abbużati minnu. Illum Piazza jinsab jgħix u jaħdem fil-Możambik.
• Dun Joseph Skelton kien għadu seminarista ta’ 26 sena f’Detroit meta kien misjub ħati li abbuża tifel ta’ 15-il sena. Illum, għoxrin sena wara, jinsab fil-Filippini fejn qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta’ qassis.
• Wara li kien akkużat li abbuża minn tal-anqas 11-il tifel f’erba’ istituzzjonijiet tal-Knisja fi New Zealand, Dun Allan Woodcock intbagħat fl-Irlanda. Fl-2004 mill-ġdid intbagħat lura fi New Zealand fejn ammetta 21 ta’ każ ta’ abbuż sesswali.
Joe Callander stqarr li hu kull ma jrid hu li “Il-Knisja taddotta id iebsa ma’ min jabbuża mit-tfal, u flok tibgħatu pajjiż ieħor, tneżżgħu minn qassis.”

Każi ta’ pedofelija

L-ittra lill-Irlandiżi u l-pubblikazzjoni tal-linji gwida mill-Vatikan fir-rigward ta’ każi ta’ pedofelija huma tentattiv aħħari mill-Knisja Kattolika biex kemm jista’ jkun twaqqaf iż-żieda ta’ każi ta’pedofelija mwettqa minn membri tal-kleru. Iżda għalkemm f’dawn l-aħħar jiem ħarġu fil-beraħ aktar każi ta’ pedofelija, sal-lum għadu inċert kemm hu n-numru reali. Dan meta wieħed iqis kemm il-mitt sena ilha stabbilita din l-istituzzjoni reliġjuża. L-abbużi mhumiex marbuta ma’ pajjiż partikolari iżda huma mifruxa ma’ kull fejn hemm preżenza Kattolika.

Malta

Tul dawn l-aħħar 19-il sena kienu rappurtati xejn inqas minn 45 każ ta’ abbużi sesswali fuq it-tfal. Każ minnhom għadu għaddej fil-Qorti.

Irlanda

F’wieħed mill-akbar każi ta’ abbużi fuq tfal, jirriżulta li erba’ Arċisqfijiet ta’ Dublin, bejn l-1974 u l-2004, għalqu għajnejhom għal diversi rapporti dwar pedofelija mwettqa minn membri tal-kleru.
F’rapport li kien sar jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Knisja Irlandiża poġġew l-ewwel u qabel kollox l-interess tal-istituzzjonijet klerikali u mhux tal-vittmi. Agħar minn hekk fl-10 ta’ Marzu li għadda ħareġ każ ieħor fejn jirriżulta li l-kap tal-Knisja Kattolika fl-Irlanda, Sean Brady, kien preżenti meta t-tfal li sofrew abbuż kienu sfurzati jiffirmaw ħalfa ta’ silenzju biex jostru l-każ tagħhom.

Stati Uniti

Tul dawn l-aħħar għoxrin sena l-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti kellha toħroġ miljuni ta’ dollari bħala ħlas ta’ danni f’każ ta’ abbuż fuq minuri.
• Fl-2003 l-arċidjoċesi ta’ Boston ħallset $85 miljun f’danni, f’500 każ ta’ pedofelija.
• Fl-2007 l-arċidjoċesi ta’ Los Angeles ħarġet $660 miljun.
F’Marzu li għadda sar magħruf li Joseph Ratzinger, bħala Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi, naqas li jwieġeb għal talba ta’ direzzjoni mill-kleru Amerikan dwar il-każ ta’
Fr. Lawrence Murphy. Murphy li miet fl-1998 hu masub li bejn l-1950 u l-1974 kellu relazzjonijiet sesswali ma’ ’l fuq minn 200 tifel li kienu jattendu fi skola għal tfal neqsin mis-smiegħ.

Ġermanja

Barra l-każ imsemmi f’dawn il-paġni, jirriżulta li kien hemm madwar 170 każ ta’ abbuż ta’ tfal fi skejjel tal-Ġiżwiti, tliet skejjel Kattoliċi fil-Bavarja u anke minn fost dawk li kienu jattendu l-kor prestiġġuż ta’ Regensburg Domspatzen, li għal dawn l-aħħar 30 sena kien immexxi minn ħu l-Papa nnifsu: Mons. Georg Ratzinger. Barra dawn l-akkużi, kien hemm oħrajn dwar kif fis-snin 70 erba’ qassisin u żewġ sorijiet wettqu każi ta’ pedofelija.

Italja

Is-sena li għaddiet 67 persuna ffirmaw dikjarazzjoni li fiha akkużaw 24 qassis li bejn l-1950 u l-1980 abbużaw minnhom.

Olanda

F’Marzu li għadda 200 persuna stqarrew li kienu vittmi ta’ abbuż minn membri tal-kleru bejn l-1950 u l-1970.

Awstrija

Ħames qassisin kienu sospiżi wara allegazzjonijiet ta’ abbużi ta’ tfal. 16-il persuna rrappurtaw 27 każ li seħħew tul 50 sena. Barra minn hekk il-kap tal-monasteru f’Saliburgu rreżenja wara li ammetta li abbuża minn tifel... 40 sena ilu.

No comments:

Post a Comment