http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9057
31.1.10; minn Bernard Muscat, Malta Gay Rights Movement, Mosta
Il-kontribuzzjoni ta’ qarrej tat-TORĊA li kiteb lil Fr Colin Apap u li uża l-psewdonimu ‘Favur il-Knisja’ ħallietni kważi bla nifs. Ma naħsibx li qatt iltqajt ma’ taħlita hekk qarsa ta’ miżinformazzjoni u mibegħda kontra persuni gay.
Bħala żagħżugħ gay u attivist għad-drittijiet ugwali għal persuni leżbjani, gay, bisesswali u transgender, qed inkun akkużat li jien “saħta għall-umanità” mill-pinna tal-kontributur li pprefera jżomm ismu mistur. B’dak li kiteb, min bagħat din l-ittra qed juri li m’għandu l-ebda ħjiel dwar is-suġġett li qed jikteb dwaru.
Filwaqt li ma nikkunsidrax lili nnifsi nisrani, niftakar li dak Alla, li din il-persuna għandha tant għal qalbha, qal ħafna dwar nies ipokriti, regħba, ostili, giddieba u ħallelin - iżda qatt ma semma xejn fuq persuni li jħobbu lil xi ħadd tal-istess ġeneru tagħhom.
Possibbli li fis-sena 2010, il-kontributur - mgħammex kif inhu mill-preġudizzji li jħaddan - ma jirrealizzax li persuni gay jinsabu kullimkien fis-soċjetà u li jikkontribwixxu lejha kif tagħmel kull persuna oħra? L-unika differenza hi fl-attrazzjoni affettiva ta’ persuni gay. Filwaqt li persuni eterosesswali jsibu l-milja tagħhom f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ persuna tas-sess oppost, persuni omosesswali jagħmlu dan f’relazzjoni ma’ persuna tal-istess sess.
Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-kontributur jiffoka l-enerġiji tiegħu fuq nies li tassew qiegħdin ikunu ta’ piż għas-soċjetà bl-għemil tagħhom. Huma l-mibegħda, il-ksenofibija, l-omofobija, il-preġuddizju, il-vjolenza, l-isfruttament, il-fundamentaliżmu reliġjuż u ħafna affarijiet oħra li huma “saħta għall-umanità”. Huma dawn il-“pesti” li rridu neqirdu. Iżda żgur mhix l-imħabba ġenwina ta’ bejn żewġ persuni adulti li qiegħdin jgħixu ħajja deċenti ta’ mħabba mal-maħbub/a tagħhom tal-istess sess, mingħajr ma jagħtu l-ebda fastidju lil ħadd - u li jibqgħu solidi fid-dedikazzjoni tagħhom lejn xulxin minkejja l-kliem ta’ mibegħda bħal dawk ta’ min jinħeba wara psewdonimi simili.
Filwaqt li nfaħħar il-mod li bih Fr Colin tratta s-sitwazzjoni, sfortunatament l-atteġġament pożittiv tiegħu mhux daqstant komuni fil-knisja. Jien smajt b’widnejja lil saċerdot isejjaħ lil persuni gay ‘aberrazzjoni tar-razza umana’ fuq l-istazzjon nazzjonali xi snin ilu, u lkoll smajna kemm-il darba lil bosta membri tal-knisja jirreferu għal persuni gay bħala ‘midinbin’, ‘imsieken’ u ‘intrinsikament diżordinati’, fost kliem ieħor mhux xieraq.
Jien nistaqsi, kemm-il darba jrid jintqal dan il-kliem qabel nindunaw bil-ħsara li qed jagħmel kemm lin-nies li dwaru qed jintqal kif ukoll lis-soċjetà in ġenerali? Kemm iktar imħuħ debboli għandhom ikunu influwenzati biex jiktbu dak li kiteb dan il-qarrej qabel dawk responsabbli jieqfu milli jitfgħu iktar tajn u jxerrdu iktar gideb fuq minoranzi diġà storikament oppressi?
Jidher li din l-imġiba ta’ injoranza kbira qiegħda tħalli frott qares, fil-forma ta’ ittri bħal dik mibgħuta lit-TORĊA Minn mibegħda tassew tinbet iktar mibegħda.
No comments:
Post a Comment