Thursday, 26 March 2009

It-Torċa: Fr. Colin Apap: X’jagħmel single parent għal uliedu... għaliex il-gays ma jistgħux jadottaw?

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
22.3.9

Single mothers, is-sess u l-edukazzjoni

Għażiż Fr Colin,

Qrajt l-artiklu tiegħek fejn ktibt dwar is-single mothers u kif dawn irabbu lil uliedhom. Inħossni urtata ħafna għax jiena single mother għax missier it-tifel abbandunah wara li ġabu fid-dinja. Inti ktibt li tfal li jitrabbew minn ġenitur wieħed jibdew il-ħajja bi żvantaġġ. Nista’ niżgurak
li jiena lil ibni rajbejtu bl-akbar għożża, nagħmel minn kollox għalih u ma jonqsu xejn.
Tista’ tgħidli għaliex tfal li jitrabbew minn ġenitur wieħed ikollhom problemi fl-edukazzjoni tagħhom? Għaliex ikollhom problema għall-orjentazzjoni sesswali tagħhom? Jiena ngħallmu kull ma naf u nista’ niżgurak li qed jitrabba normalissimu.

Jien lil ibni fuq l-altar għammidtu u ħadd ma sabli problema kif qiegħda nrabbi. Jiena nħoss li meta wieħed jikkritika lis-single mothers ikun qed jagħmel inġustizzja mal-omm u mat-tfal stess. Alla biss jaf x’sagrifiċċji nagħmlu għal uliedna. Ngħixu għalihom u għalihom biss ħafna drabi ninsew lilna nfusna biex narawhom kuntenti u jkollhom l-aħjar edukazzjoni. Ma tistax tiġbed riga waħda għal kulħadd. Nitolbok tiskuża ruħek mas-single mothers jew inkella fisser aħjar x’ridt tgħid għax jista’ jkun hemm min jifhem li allura għandna niddiskriminaw mat-tfal li ġejjin minn single parents. Min jaqra l-artiklu tiegħek jista’ jaħseb li għandu jitratta lit-tfal tagħna b’mod differenti minn ta’ ħaddieħor. Mhux sewwa li ktibt li tfal ta’ single parents ikollhom diffikultajiet ikbar fl-edukazzjjoni tagħhom u li din teffettwa s-sesswalità u l-orjentazzjoni sessali tagħhom.
Il-problema tas-single mothers hija li qiegħda ssir inġustizzja magħhom għax m’għandhom protezzjoni minn ħadd. Aħjar titlob għall-vokazzjonijiet milli tikteb dwar dawn l-ommijiet li jridu
jrabbu t-tfal weħidhom u minflok li tikkritikana jkun aħjar li tgħid lill-irġiel ikunu responsabbli għal dak li jagħmlu.

Single Mother
***************


X’jagħmel single parent għal uliedu... għaliex il-gays ma jistgħux jadottaw?

Naħseb li hemm differenza meta l-ulied jitrabbew minn missier u omm flimkien jew jitrabbew minn omm biss jew missier biss.

Naħseb li hemm atmosfera differenti fid-dar fejn jitrabbew uliedna fejn il-missier u l-omm flimkien huma preżenti l-ħin kollu ma’ uliedhom: jilagħbu t-tnejn magħhom, jitkellmu magħhom, jieklu magħhom, jagħmlu l-homework flimkien magħhom, jiċċelebraw il-birthdays flimkien bħala familja waħda. Ma naħsibx li min ma jitrabbiex b’dal-mod se jħossu l-istess. Ma jfissirx li hu tort tiegħu jew tort ta’ ommu u missieru.

Jista’ jkun li tifel jew tifla titrabba minn ġenitur wieħed għal bosta raġunijiet. Jew għax il-ġenitur ikun miet. Jew għax isiefer fit-tul. Jew għax telaq u ħadd ma jaf x’sar minnu. Jew għax żbalja u spiċċa l-ħabs għal żmien twil. Jew għax marad...

Dawn huma kollha raġunijiet li jġiegħlu t-tfal jgħixu t-tfulija tagħhom nieqsa minn xi ħadd mill-ġenituri. Mhuwiex l-istess daqs li kieku l-ġenituri huma t-tnejn preżenti. Hawn min hu single mother għax għażel li jkun single mother. Hawn min welled tarbija mingħajr ma kien qed jistenna; inħasad meta sar jaf li sar missier jew omm. Hawn min ikun jistenna lit-tarbija li titwieled u hawn min jisħet il-mument li se titwieled. Mhumiex l-istess. Tarbija, anki qabel ma titwieled, tkun taf jekk hix aċċettata jew le. Tħoss jekk ġietx fid-dinja bi żball jew għax kienet mixtieqa.

Iva, hemm differenza bejn min jgħix ma’ ommu u mis--sieru flimkien, f’atmosfera ta’ familja "normali" u dawk li - qatt mhu tort tat-tfal isaqsu fejn hi ommhom jew fejn hu missierhom u jingħataw balla gideb. Mhux l-istess meta jmorru l-iskola u għandhom lil wieħed mill-ġenitur iwassalhom, ikun preżenti waqt xi school party, waqt il-gradwazzjoni jew xi premju u dawk li qatt ma jaraw lil missierhom preżenti f’xejn.

Hemm differenza preżenza ta’ missier ħdejn uliedu u dawk li mhux tort tagħhom dejjem man-nanna jew nannu jew ommhom moħħha fil-karriera, fix-xogħol u qatt ma jkunu fil-ħajja ta’ uliedhom.

Mhux l-istess fil-klassi meta l-għalliem/a jgħidu lit-tfal jiktbu father’s card, jew mother’s card jew birthday card lil omm u l-missier, jew jiktbu xi essay dwar "il-familja tiegħi" u t-tfal ma jafux x’se jiktbu dwar missierhom li qatt ma raw jew qatt ma kien preżenti.

Jiena rajt u qrajt kartolini ta’ tfal li ma qalulhomx dwar missierhom u sibthom tfal li jitħawdu. Ma jafux x’se jwieġbu għaz-zikar ta’ sħabhom fl-iskola.

Ma jfissirx li min għandu ommu u missier ma jkollux il-problemi tiegħu. Ma jfissirx li min hu miżżewweġ jaf irabbi u jeduka. Ma jfissirx li missier jew omm isibu rapport ma’ uliedhom u jgħinuhom jikbru u jagħtuhom dik is-sikurezza li t-tfal għandhom bżonn.

Dwar l-orjentament sesswali: dan jikber fit-tfal meta jidentifikaw lilhom infushom jew mal-omm jew mal-missier. Jew għall-inqas ma’ membru tal-familja jew persuna influwenti f’ħajjithom (in-nannu, it-teacher - xi ħadd mill-"extended family" xi ħadd li huwa "the significant other".

Meta dawn ikunu neqsin, mhux bil-fors tort tagħhom, it-tifel jew it-tifla ma’ min iridu jidentifikaw lilhom infushom? Mal-omm biss? Mal-missier biss? Jekk it-tfal subien ma jarawx kif tkun l-imġiba tar-raġel fid-dar m’hemmx iktar ċans li jidentifikaw lilhom infushom biss mar-rowl femminili ta’ ommhom?

Għalhekk jiena kontra li l-omosesswali jingħataw it-trobbija jew l-edukazzjoni esklussiva tat-tfal. Jiena kontra li anki jekk l-Istat xi darba jagħti rikonoxximent lill-koppji omosesswali xorta waħda ma naqbilx li dawn għandhom jingħataw tfal biex irabbuhom. Qed ngħid hekk mhux għax l-omosesswali jistgħu jabbużaw mit-tfal. Il-maġġoranza tal-istudji xjentifiċi li qrajt ma jsemmu ebda konnessjoni bejn omosesswalità u pedofilja. Hija gidba min jipprova jħammeġ lill-omosesswali b’dal-mod. L-abbużi fuq it-tfal ħafna drabi jsiru minn membri tal-familja jew minn "kbar" li t-tfal għandhom fiduċja fihom. Ma naqbilx li tnejn omosesswali waqt li għandhom ikollhom kull dritt legali li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ bejniethom quddiem l-Istat għandhom jingħataw it-tfal għall-adozzjoni jew biex irabbuhom jew bħala fostering.

Jidhirli li f’Malta anki dawk li qiegħdin ifittxu ġustament id-drittijiet tal-gays, ma jistennewx mill-Istat id-dritt tal-adozzjoni. Ma nafx li xi għaqda rikonoxxuta qiegħda titlob dan. Anzi l-mexxejja tal-Moviment Gay f’Malta qaluli li din mhix fuq l-aġenda tagħhom. Ir-raġuni ewlenijia hija li t-tfal għandhom bżonn ta’ identifikazzjoni ma’ xi ħadd: l-omm jew il-missier.

Jekk jgħixu biss ma’ nies tal-istess sess allura faċli li l-orjentament sesswali tagħhom jieħu direzzjoni waħda biss.


Dan ma jfissirx li m’hawnx single mother u single father li jrabbu lil uliedhom verament tajjeb, maturi, responsabbli. Ħafna single parents li naf huma ta’ eżempju eċċellenti ta’ mħabba, sens ta’ sagrifiċċju, dedikazzjoni enormi, li jagħtu sense of security verament qawwi.

Huwa proprju minħabba d-diffikultajiet fl-edukazzjoni sħiħa ta’ uliedna li dawn is-single parents huma l-qaddisin u l-eroj ta’ żmienna. Minkejja elf problema u diffikultà jirnexxilhom jagħmlu l-ikbar suċċess minn uliedhom li jkabbruhom ċittadini onesti u responsabbli, maturi biżżejjed li jikbru u jibnu familja tassew sabiħa mimlija b’dik l-istess imħabba li ommhom jew
missierhom tahom biex rabbewhom weħidhom.

Fr. Colin Apap

---
Nota minn P. Attard: Huwa interessanti ħafna li Fr. Colin jaqbel li r-relazzjonijiet ta'  nies gay għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istat.

Rigward adozzjoni ta' tfal, jien ma nafx minn fejn ġab l-informazjoni Fr. Colin, iżda l-istudji ta' l-American Psychological Association ma jurux l-istess konklużjonijiet:

Ara rapport hawnPDF version. [Section: Parenting of Children].

No comments:

Post a Comment