http://www.illum.com.mt/2008/10/05/t12.html
Aħbarijiet 05 ta’ Ottubru 2008 Nr 101 minn Sabrina Agius
Kull ġenitur jiddejjaq jisma’ xi ħaġa kontra uliedu. Iktar u iktar jekk tkun xi ħaġa li żgur ma tistax tinbidel.
L-orjentazzjoni sesswali hi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi li jistgħu joħolqu ansjetà fil-familja. L-istigma li tippersisti kontra nies gay żgur mhix ta’ pjaċir għall-ġenituri ta’ tfal b’orjentazzjoni sesswali differenti.
Weġgħa oħra li tolqot lill-ġenituri fil-laħam il-ħaj hi li jafu li jagħmlu x’jagħmlu, uliedhom se jkunu diskriminati mis-soċjetà.
Anki jekk għad hawn min jaħseb li tkun gay hi moda jew fażi ta’ esperimentazzjoni, għal ġenituri ta’ tfal gay din hi realtà li mhux se tinbidel.
Illum ikkuntattjat grupp ta’ ġenituri li jiltaqgħu bejniethom fi grupp biex jiddiskutu ċ-ċirkostanzi familjari tagħhom.
Mill-kummenti ħareġ ċar li l-inkwiet tagħhom dwar uliedhom kollu ġej minħabba l-pressjonijiet li tikkawża s-soċjetà fuq nies gay .
“Għalkemm aħna support group m’aħniex hawnhekk għax ma naċċettawx lil uliedna. L-esperjenzi ta’ kulħadd huma differenti. Min hu muġugħ u min il-ħajja baqgħet għaddejja. Aħna nagħtu sapport lil xulxin. Aħna niġu biex naqsmu l-esperjenzi tagħna,” sostnew uħud mill-ġenituri li kienu preżenti.
Il-grupp spunta ftit xhur ilu fiż-żmien fejn hawn Malta kien hawn Sr Jeannine Gramick li kienet mistiedna mill-grupp kattoliku gay Drachma f’konferenza pubblika bit-titlu ‘On Becoming Whole: Sexual and Spiritual Integration.’
“Din iż-żjara wasslet biex inħoloq dan il-grupp għall-ġenituri Maltin li għalissa jiltaqa’ darba fix-xahar,” qal Mario Gerada, il-moħħ wara Drachma.
Il-ftit tensjoni li kien hemm fil-bidu tal-intervista telqet bil-mod il-mod mal-mogħdija tal-ħin. Infetħu l-pjagi ta’ kull ġenitur.
Ftit bsart kemm frażijiet bħal “ara dak qisu pufta” jew “ara dik lesbjana” jistgħu jweġġgħu ġenitur li għandu ibnu jew bintu gay. Staqsejthom xi tfisser għalihom meta jisimgħu lil xi ħadd jgħid xi frażi dispreġġattiva.
“Weġgħa kbira,” qaltli spontanjament Grace. “Taf li jistgħu jkunu qed jgħidu hekk fuq uliedek u mhix xi ħaġa sabiħa għax wara kollox hemm l-individwalità tal-persuna. Taf li qed jiġġudikaw bniedem minħabba s-sesswalità tiegħu.”
Grace u r-raġel tagħha Lawrence huma l-ġenituri ta’ Sofia. Grace irrakkontat li Sofia hi l-iżgħar tal-familja.
“L-ewwel li ma qalet kienet lil ħutha. Ħadt xokk kbir. Ippruvajt ngħid lili nnifsi li forsi kienet fażi u ġibt elf mitt skuża għal ħafna żmien. Kienet toħroġ ma’ ġuvni, allura iktar u iktar ħsibt li kienet fażi,” qalet l-omm.
“Biż-żmien bdejt naċċetta s-sitwazzjoni u llum il-ġurnata m’għadhiex problema,” tgħid bi ftit inċertezza u b’ħarsa mhux daqstant konvinċenti.
Il-ġenituri preżenti ammettew li l-ikbar problema hi li l-ġenituri jridu jegħlbu l-aspettattivi għolja li jkunu imponew fuq uliedhom.
Għal Grace l-iktar li se jiddispjaċiha għax bintha mhix se tiżżewweġ, mhix se jkollha tfal u hi mhix se ssir nanna.
Inkwiet ieħor li jvenven f’moħħ il-ġenituri hu dwar x’se jgħidu n-nies.
“Bdejt ninkwieta li n-nies iweġġgħuha. Bħala omm ridt affarijiet differenti. Imma tgħallimt li dak li hu normali għalija mhux normali għal ħaddieħor. Illum il-ġurnata nista’ ngħid li għandi tifla gay, li għandha karriera u li hi tal-ġenn. Kont ninkwieta li jistgħu joqogħdu jgħadduha biż-żmien,” sostniet omm oħra li xtaqet ma tissemmiex b’isimha.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien il-fenomenu gay iktar ħiereġ fid-deher imma kif irrakkuntaw il-ġenituri, il-Knisja tippreferi tibqa’ siekta u b’għajnejha mgħottija.
Tkellmet Rose, ‘l-imqarba’ tal-grupp. Hi omm żagħżugħ ta’ 20 sena. L-aħbar li binha gay ma tantx ħaditha bi kbira. “Qalli tliet snin ilu. Għal bidu ma ħadthiex bis-serjetà. Qalli b’sms meta konna fil-karozza. Staqsejtu jekk kienx bagħat sms lili bi żball minflok lil xi ħabib tiegħu. Qalli ‘le, lilek bgħattu’. L-sms kien jgħid “I am gay”. Qalli li kien ilu jaf minn mindu kellu disa’ snin. Qalli li kien ippreparali ittra li kien fiha xi sitt paġni. Meta wasalt id-dar qrajtha. The letter was a real relief.”
Xi ħaġa li laqtet lil Rose kienet li t-tifel kien jippreferi jgħid lil oħtu ż-żgħira milli lilha. Dik kienet xi ħaġa li ġiegħlitha taħseb.
L-għaqda bejn il-familja hu s-sigriet biex id-diffikultajiet li jinqalgħu jissolvew bl-iktar mod kalm possibbli.
Rose spjegat li t-tifel għandu boyfriend u ilu sitt xhur miegħu. Issa t-test mal-kumplament tal-familja se jkun fil-Milied.
“Suppost għandhom ikunu flimkien sa dak iż-żmien għax tidher relazzjoni tajba u qed tinbena b’saħħitha,” qalet Rose fuq ir-relazzjoni ta’ binha.
Punt ieħor li ttambar fuqu Rose, kif ukoll ġenituri oħra, hu li uliedhom ma jistgħux jesprimu rwieħhom fil-pubbliku.
“Ninkwieta għax għal kuntrarju ta’ żgħażagħ oħra t-tifel tiegħi ma jistax jesprimi ruħu fil-pubbliku. L-unika post fejn jista’ jesprimi ruħu hu d-dar biss. Din sa ċertu punt tweġġagħni. Ikollu jiġi d-dar biex ikun komdu,” qalet imbaqbqa Rose.
“Li tgħallimt minn din l-esperjenza hi li the more you are open, the better the relationship. Minn mindu qalilna li hu gay xorta għadna niċċajtaw. M’għandniex inibizzjonijiet u pjuttost għandna sens ta’ umoriżmu. Anki mal-ħbieb tagħna, m’hemm l-ebda problema. Jaċcettaw is-sitwazzjoni kif inhi,” irrakkuntat Rose.
Illum il-ġurnata t-tifel ta’ Therese għandu 38 sena u saret taf li hu gay 15-il sena ilu. Anki għal Therese kien xokk kbir. Peress li t-tifel kien jaf li kienet se toħodha bi kbira, ma marx waħdu biex jgħidilha. Ammettiet li meta saret taf għamlet lejl tibki u ma raqditx.
“Ma setax jgħidli waħdu. Allura ġie ma xi ħbieb. Għannaqni u qalli li hu gay. Qalli li kien se jagħżel li jitlaq mid-dar u ma jgħidli xejn biex ma jinkwetanix. Għidtlu li kien se jagħtini żewġ xokkijiet minflok wieħed!”
Il-biża’ li kellha Therese kienet li forsi għamlet xi ħaġa ħażina hi peress li hi omm weħidha. Serrħet rasha biż-żmien meta rrealizzat li binha kien ilu jaf minn ċkunitu dwar is-sesswalità tiegħu.
Il-Milied hu żmien diffiċli għall-familja ta’ Therese ukoll. B’weġgħa u emozzjoni tgħid “ikollok pjanijiet għat-tfal, imma trid tbiddilhom. Il-Milied dejjem problema għalina għax iz-zijiet għadhom ma niżżluhiex. Inħossni b’dahri mal-ħajt għax inħossni maqsuma fit-tnejn.”
F’ċirkostanzi estremi l-pressjoni tas-soċjetà u l-knisja jistgħu jwasslu omm biex taqa’ f’dipressjoni. Kif ġara fil-każ ta’ Marthese. Ir-raġel tagħha li kien preżenti għal-laqgħa irrakkonta kif l-orjentazzjoni sesswali ta’ binthom wasslet lil martu biex kważi kważi ma taċċettahiex.
Charles qal: “l-ewwel ħaġa naċċettaha għax dik binti u tiġi l-ewwel u qabel kollox. Vera li f’qalbek tgħid, kif ħarġet hekk jekk m’għamilt xejn ħażin? Imma din parti min-natura bħal meta xi ħadd eżempju jitwieled zopp jew ikollu xi tip ta’ diżabbiltà. X’tagħmel allura? Temarġina lill-uliedek? Ma tagħmilx sens.”
Bħal Lawrence, Charles konxju li bintu tbati għax gay.
“Jien konxju li hi tbati wkoll. Meta tiġi ma’ xi partner id-dar ommha tarma tħares bl-ikrah. Ġeneralment taqbad tidħol fil-kamra u joqogħdu hemm, fuq il-kompjuter jew jaraw it-televixin. U l-mara toqgħod bil-geddum. Tiġi d-dar bis-serqa. U jien f’qalbi ngħid, kieku kienet prostituta x’konna nagħmlu?”
“F’pajjiżi ċivilizzati dawn il-problemi ma jeżistux,” saħaq Lawrence fuq din it-tema.
Meta qajjimt is-suġġett tal-Knisja, kollha kienu kor wieħed. Spikkat il-kelma “ipokrezija.” Hemm qbil bejn il-grupp li mhemmx djalogu biżżejjed. Clayton, ġuvni ta’ 22 sena li jifforma parti minn Drachma, sosta li għandu jsir xogħol pastorali ma’ persuni gay.
“Ġesù kien man-nies emarġinati. Imma l-qassisin jibżgħu jidhru ma’ nies gay,” qal il-ġuvni.
Għal Lawrence l-problema tibqa’ li l-Knisja taċċetta żewġ nisa jew irġiel flimkien imma ma taċċettax li jesprimu r-relazzjoni bejniethom b’mod intimu. “Kulħadd għandu d-dritt għall-imħabba,” sostna Lawrence.
Staqsejthom jekk qatt iddiskriminawx kontra nies gay qabel saru jafu li uliedhom stess huma gay.
Grace fost l-oħrajn kienet waħda li ma tantx kellha kliem sbieħ għal nies gay.
“Naf li għandi tifla sew imma qed tmur kontra l-iskrittura, skont il-Knisja. Qabel jien stess kont kontra nies omosesswali. I was being judgemental until I got to know that my own daughter is gay. Din xi ħaġa li tista’ tiġri lil kulħadd.”
Għalihom l-edukazzjoni tibqa’ l-aħjar arma biex titneħħa l-istigma fuq persuni gay.
“Importanti li jkun hemm iktar edukazzjoni fl-iskejjel. Importanti li s-suġġett jidħlu fih iktar fil-fond b’hekk tibda titneħħa l-oppressjoni,” saħqu l-ġenituri.
Fejn jidħol żwieġ bejn koppji gay kien hemm qbil li għandu jkun hemm xi forma ta’ partnership rikonoxxuta mill-Istat. Iżda fejn tidħol l-addozzjoni tat-tfal ħafna sostnew li għadu prematur li jkun diskuss għax peress li Malta għadha lura fis-suġġett it-tfal jistgħu ibatu.
Għal ġenituri li huma interessati jingħaqdu mal-grupp Drachma, jistgħu jżuru l-website www.drachmalgbt.org jew iċemplu fuq 79342328
No comments:
Post a Comment