http://www.illum.com.mt/2008/10/26/toniupeppi.html
26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104 minn Toni u Peppi
TONI
Skont Kanun 1055 tal-Kodiċi Kanoniku ż-żwieg hu kuntratt bejn raġel u mara li jwaqqfu bejniethom soċjetà minn ħajjithom kollha u li fih innifsu hu fin-natura tiegħu maħsub li jwassal lill-miżżewġin għall-ħajja konjugali b’saħħitha u għall-prokreazzjoni u t-trobbija tat-tfal.
Nammettu li hi definizzjoni wisq Kristjana u li fiż-żminijiet tal-lum, fost il-ħafna forom ta’ familji li tippermetti s-soċjetà post moderna, f’moħħ minoranzi li dejjem qed jikbru ma tirriflettix ir-realtà soċjali.
Iżda tajjeb jew ħażin din hi d-definizzjoni ta’ żwieġ li jaddottaw il-Qrati tagħna. Fl-Att taż-Żwieġ tal-1975 kif emendat fl-1995, m’għandniex definizzjoni ta’ x’inhu żwieġ ċivili. Allura fin-nuqqas l-Imħallfin tagħna jaqgħu fuq parti mid-definizzjoni tal-Liġi Kanonika.
X’inhu żwieġ fil-Liġi Ċivili hu biss implikat, bħal pereżempju li jista’ jinħall f’każ ta’ impotenza ta’ xi ħadd mill-partijiet għaż-żwieġ. L-implikazzjoni hi li żwieġ irid ikun bejn mara u raġel għax l-impotenza li tirreferi għaliha l-Liġi hi dik anatomika li tiġġenera t-tfal.
Bħal meta l-Liġi tirreferi għal żwieġ putattiv fir-rigward tat-tfal f’każ li żwieġ jiġi annullat. Għalhekk għandna din l-anomalija li filwaqt li l-Liġi ma titkellimx b’mod ċar x’tifhem bi żwieġ fl-istess ħin hu ċar li dak li nemmnu fih hu żwieġ Kristjan.
Din l-introduzzjoni pedantika kemm hi pedantika kienet meħtieġa biex nifhmu x’tibdiliet diġà ġabet u kemm se ġġib aktar Joanne Cassar.
F’soċjetà fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem qed isiru aktar raffinati u spjegati, u fejn ix-xjenza ta’ kuljum qed tiftaħ bibien b’argumenti legali-etiċi li qatt ma ltqajna magħhom qabel, il-każ ta’ Joanne Cassar hu wieħed li jista’ jibdel soċjetà żgħira u magħluqa bħal tagħna mil-lejl għan-nhar.
Il-Qrati m’għadhomx f’bozza tal-fenek. Illum id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu eżaminati u mibdula minn tribunali li jidher li huma ħafna aktar liberali minn dawk tagħna. Għalija, f’Malta diġà saret froġa legali.
Meta fl-2006 Joanne Cassar ingħatat id-dritt li kemm fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha u f’dokumenti oħra jitniżżel li hi ta’ sess femminili b’konsegwenza tat-tibdil fis-sess tagħha wara operazzjoni, l-istorja messha waqfet hemm.
Jekk l-Istat kien lest li jirrikonoxxi li kienet mara f’kull dokument uffiċjali ma setax wara jċaħħadha mid-dritt li tiżżewweġ.
Kellu raġun l-Imħallef Gino Camilleri meta ordna lir-Reġistratur taż-Żwiġijiet joħroġ it-tnidijiet biex Joanne Cassar tkun tista’ tiżżewweġ. Ma jistax l-Istat jagħtik rikonoxximent ta’ mara u wara jċaħħdek mid-dritt li kull mara ħafna drabi tant tistenna b’ħerqa: iż-żwieġ.
Hemm prinċipju legali importanti li japplika kemm għaċ-ċittadini u anki għall-Istat, li ġaladarba tkun għażilt triq ma tistax wara tibdilha għax ma jaqbillekx bi preġudizzju għad-drittijiet ta’ ħaddieħor. Fi ftit kliem ma tistax iċċaqlaq il-lasti biex tiskorja bilfors. Fil-fehma tiegħi meta r-Reġistratur taż-Żwieġ rebaħ l-appell, li Joanne Cassar ma kelliex id-dritt li tiżżewweġ, iċċaqilqu l-lasti.
Hu veru wkoll li skont l-Att taż-Żwieġ tal-1975 hu implikat li waħda mill-karatteristiċi ta’ żwieġ ċivili hi dik li l-partijiet ikunu f’sitwazzjoni li jġibu t-tfal fid-dinja. Dan joħroġ minn dak li semmejt fejn il-Liġi titkellem dwar impotenza ta’ xi parti u r-referenza li ssir għat-tfal fi bnadi oħra tal-istess Liġi. Minbarra dan hemm diversi sentenzi ta’ annullament fejn żwiġijiet ġew annullati mhux wisq għax xi parti għaż-żwieġ kienet impotenti iżda għaliex minkejja li seta’ jkun hemm tfal xi parti tkun daħlet għaż-żwieġ bil-patt li ma jkunx hemm tfal.
Għalhekk jista’ jiġi argumentat li jekk Joanne Cassar saret mara fiżikament u forsi anki tħossha psikoloġikament mara, minn ġewwa l-organi tagħha għadhom ta’ raġel u tfal ma jista’ jkollha qatt.
Iżda fil-fehma tiegħi dan l-argument m’għandux ikun kontra li Joanne tingħata d-dritt li tiżżewweġ.
L-argument għandu jkun li hemm bżonn tibdiliet radikali fil-Liġi taż-Żwieg tagħna b’mod li tkun tirrifletti t-tibdil mgħaġġel li qed iseħħ f’soċjetà moderna. Il-Liġi hi hemm biex taqdi lill-bniedem u mhux bil-kuntrarju.
Hu veru li aħna lsiera tal-Liġi biex inkunu aktar ħielsa iżda l-Liġi mhix hemm biex minnha tagħmel ilsiera ta’ istituzzjonijiet li għamlu żmienhom.
Minbarra dan aħna ma nistgħux, u naħseb lanqas se nitħallew ngħixu barra mir-realtà l-ġdida li kultant qed insibuna diffiċli naddattaw għaliha: dik Ewropea.
Tajjeb jew ħażin, fuq il-kontinent hemm moviment qawwi favur drittijiet fundamentali tal-bniedem aktar raffinati u sofistikati minn kif konna nafuhom sa ftit ilu. Fuq il-kontinent u anki l-filosofija ta’ ħafna fl-Unjoni Ewropea, qed jinfatmu mid-definizzjonijiet marbuta ma’ kriterji reliġjużi, inkluża dik Kristjana.
Dan hu rifless anki fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Joanne Cassar determinata li tibqa’ tiġġieled għad-dritt tagħha li tiżżewweġ. Diġà għamlitha ċara li jekk titlef il-kawża Kostituzzjonali għandha l-ħsieb li tibqa’ tiela’ sa Strasburgu.
Miniex konvint li l-Qorti Kostituzzjonali f’Malta mhux se taħsibha bħall-Imħallef Gino Camilleri. Iżda jekk il-każ jerġa’ jintilef f’Malta jien żgur li l-Qorti fi Strasburgu se tapplika l-istess prinċipju ta’ Christine Goodwin.
Christine Goodwin, bħal Joanne Cassar, għamlet operazzjoni fejn biddlet is-sess tagħha. Christine, bħal Joanne, sabet partner u riedet tiżżewweġ. L-awtoritajiet Ingliżi ċaħħduha minn dan id-dritt. Christine marret quddiem il-Qorti Ewropea fi Strasburgu u ngħatat raġun.
Dik il-Qorti qalet li fi żminijiet fejn fis-soċjetà qed jinbtu forom ġodda ta’ familji u fejn l-istess Christine diġà kienet kisbet ir-rikonoxximent ċivili li hi ta’ sess femminil, ikun bi ksur tad-dritt tagħha taħt Artiklu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea li ma titħallhiex tiżżewweġ u tifforma familja.
Joanne wkoll għandha dan id-dritt u jekk ma jkollhiex suċċess f’pajjiżna ma tistax tfalli fuq il-kontinent.
Sentenza bħal din se jkollha konsegwenzi soċjali aktar profondi f’pajjiżna. Jekk transesswali se tikseb id-dritt li tiżżewweġ, allura kemm aktar għandu jkollhom id-dritt dawk li huma eterosesswali li jerġgħu jiżżewġu u jiffurmaw familja?
Kemm aktar qed jinkiser id-dritt ta’ dawk li għalkemm eterosesswali u għandhom relazzjoni barra ż-żwieġ, li l-pożizzjoni tagħhom tiġi regolarizzata taħt il-Liġi?
Jekk Joanne Cassar tirbaħ il-kawża tagħha hemm kategoriji oħra ta’ nies li sal-lum għexu fil-kantina tas-soċjetà li se jitħajru jieħdu d-drittijiet tagħhom.
idħol: toniabela.blogspot.com
PEPPI
Kważi nasal biex ngħid li hu skandlu kif xi ħadd jistaqsi jekk Joanne, li hi persuna li għamlet l-operazzjoni biex ma tibqax tbati f’ġisem li mhux tagħha, għandhiex dritt tiżżewweġ.
Skandlu għax Joanne llum hi tfajla, tgħix ta’ tfajla, il-karta tal-identità tagħha hi ta’ tfajla u allura assolutament ma nifhimx għala hawn min qed jagħmel minn kollox biex iċaħħad lil Joanne milli tiżżewweġ. Kieku tafu kif insir żibel meta nintebaħ li hawn uħud li għandhom il-hobby morbuż li jridu jindaħlu f’dak kollu li nagħmlu u kieku jistgħu jikontrollawna anki fil-kamra tas-sodda fl-iktar mumenti intimi ta’ ħajjitna.
Xi dwejjaq ta’ pajjiż! Rieqed quddiem inġustizzja bħal din li fottiet il-ħajja ta’ din il-koppja li kellha kollox lest biex tiżżewweġ.
Jekk qed taħseb li qed nagħmilha bi kbira wisq nixtieqek timmaġina li int wasalt biex tiżżewweġ. Għandek id-data, ħriġt l-inviti, ommok, missierek, il-kunjati kuntenti bik u bil-partner tiegħek. Isimkom jitla’ fuq in-notice board nazzjonali li int se tiżżewweġ biex jekk xi ħadd ikollu xi oġġezzjoni jitkellem. Immaġina ssib lil xi ħadd li jmur jipprotesta għax jgħid li int m’intiex mara imma raġel anki jekk int tħossok li kont twelidt f’ġisem mhux tiegħek u għaddejt minn ħafna tbatija u sagrifiċċji biex ġismek issa sar komdu għalik.
Mhux sirt mara imma minn dejjem kont mara ħlief li kellek tagħmel bidliet f’ġismek biex issir konformi miegħek innifsek, kif twelidt. Immaġina li jkollok terġa’ twaqqqaf kollox, iċċempel lil mistednin u tgħidilhom; “Isma mhux se niżżewweġ għax l-Istat li ngħixu fih lili ma jirrikonoxxinix bħala mara.”
Id-deċiżjoni li Joanne ma titħallhiex tiżżewweġ kienet kattiva u turi l-insensittività ta’ dan in-nazzjon ipokrita li jrid jiddetta l-valuri li m’għandux fuq dawk li jemmnu fiż-żwieġ.
Nammira lil Joanne li mhux se ċċedi. Qed terġa’ tagħmel kawża u m’għandix dubju li tibqa’ għaddejja sal-ogħla istituzzjonijiet fl-Ewropa.
Joanne hi mara ta’ prinċipju. Kulma xtaqet kienet li tgħix ħajja mal-persuna li tħobb għal dejjem fi żwieġ. Joanne tista’ tagħmel dan mingħajr ma tiżżewweġ iżda Joanne trid titkellem f’isem dawk kollha li qed ikunu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jiżżewġu.
Joanne mhux biss qed tkun imċaħħda mid-dritt li tiżżewweġ lill-ġuvni li tħobb iżda qed tkun imċaħħda wkoll milli tiżżewweġ. Jekk l-Istat ma jirrikonoxxix li hi mara għall-fini taż-żwieġ allura jekk mhux mara hi raġel. Allura min qed jagħmel din il-ġinnastika kollha biex ma jħallix lil Joanne tiżżewweġ ikun lest li jħalliha tiżżewweġ mara?
Għax jekk l-Istat iqis lil Joanne bħala raġel allura Joanne tista’ tiżżewweġ mara.
Il-probabbiltà hi li min iqażżeż lil kulħadd billi jindaħal fil-ħajja tan-nies joġġezzjona wkoll li Joanne tiżżewweġ mara. Ovvja, mhux se jaċċettaw li jista’ jkun hemm żwieġ bejn żewġ nisa jew żewġ irġiel. Ma tarax!
Allura lil Joanne qed inċaħħdulha d-dritt sagrosant li tiżżewweġ kemm lir-raġel li tħobb kif għandha d-dritt u kemm lil mara oħra jekk inqisuha raġel li qatt ma kienet.
F’dan il-pajjiż li għadu jiddiskuti jekk hemmx bżonn diskussjoni dwar id-divorzju, li għandu Isqof li jgħid li anki d-diskussjoni dwar id-divorzju hi ħażina, ma tista’ tieħu xejn bi kbir. Għalxejn toqgħod tinħaraq.
Fejn f’pajjiżi oħra qed jiddiskutu, u ħafna minnhom iddeċidew, li anki żewġ irġiel u żewġ nisa jistgħu jiżżewġu flimkien, hawn Malta għadna qed inċaħħdu mara li tiżżewweġ ir-raġel li tħobb.
Ħasra li mentalment pajjiżna għadu qisu se japplika biex jidħol fl-Unjoni Ewropea. L-aqwa li ma nitilfux il-valuri. X’valuri?
Li naduraw l-istatwi? Li nittrattaw lill-mara qisha l-kċina tad-dar? Li lesti nagħmlu kollox biex naqilgħu lira għall-familja? Li lesti niddefendu lil min jispara fuq kull ħlejqa li ttir? Li fil-fond ta’ qalbna nixtiequ li l-Gvern ikollu l-bajd li jħalli lill-klandestini jegħrqu biex ma jmorrux jitħalltu magħna? Li nċaħħdu persuna milli tiżżewweġ lis-sieħeb li tħobb?
Mhux li kien nitilfu l-valuri jaħasra…
No comments:
Post a Comment