Friday, 16 May 2008

It-Torċa: “Maqtugħin mill-komunità Maltija... għalqulna l-bibien”

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=6697
minn Victor Vella

Hawn ġew mhux milqugħin’. ‘Qegħdin tgħixu fid-dnub u ma rridux nitkellmu magħkom’. Aħsbu ftit jiġi xi ħadd jgħidlek dan il-kliem kif tħossok, b’mod partikolari jekk jgħiduhulek nies ta’ nazzjonalità bħalek u li miegħek ikunu qed jgħixu f’art barranija. Tirribella. Tgħid mela ma’ dawn m’għandhix x’naqsam iżjed. Tipprova kemm jista’ jkun tħassar il-memorja ta’ dawn sħabek Maltin u forsi ta’ pajjiżek ukoll. Din hi s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fiha l-omosesswali Maltin li ‘eżiljaw’ ruħhom minn Malta biex bdew ħajja ġdida f’dan il-pajjiż. Konsegwenza ta’ dikjarazzjonijiet li saru, l-omosesswali Maltin, anki dawk li telqu riċentament lejn dan il-pajjiż, m’għandhom ebda kuntatt mal-Kunsill tal-Kommunità fl-Awstralja. L-omosesswali Maltin jinsabu maqtugħin mhux biss mill-bqija tal-kommunità Maltija fl-Awstralja imma anki minn Malta, hekk kif qed jippruvaw iħassru l-memorji negattivi ta’ kif kienu trattati f’Malta.

F’din is-sensiela fuq l-omosesswali, it-torċa tkellmet ma’ Joseph Chetcuti, attivist omosesswali, li matul din is-sena mistenni jiġi Malta biex jintroduċi l-ktieb tiegħu dwar is-suġġett, ktieb li mistenni jqajjem kontroversji ġodda fuq is-suġġett b’mod partikolari dwar l-ewwel koppji omosesswali f’Malta. Joseph Chetcuti din is-sena se jkun wieħed minn dawk li se jmexxi l-Mardi Gras, parata ta’ l-omosesswali f’Awstralja. Dan minħabba li din is-sena jaħbat it-30 anniversarju mindu 53 attivist omosesswali ġew arrestati fl-ewwel Mardi Gras fl-Awstralja.

Joseph Chetcuti tkellem magħna dwar l-omosesswali li qegħdin jeżiljaw ruħhom mhux biss lejn pajjiżi Ewropej imma anki lejn l-Awstralja.

Qalilna li “ninsab diżappuntat li pajjiż bħal Malta li tgħid li għandha ospitalità qawwija lejn il-barranin, tispiċċa tkun iebsa ħafna mat-tfal tagħha stess sempliċiment għax ikunu jħobbu persuna ta’ l-istess sess tagħhom. Nistaqsi l-Maltin huma ospitabbli daqs kemm jgħidu?. Is-sitwazzjoni f’Malta hi tali li dawk li huma privileġġjati, sinjuri u li għandhom kuntatti barra, jispiċċaw isibu t-triq kif lill-maħbubin tagħhom jġibuhom f’Malta jew jitilqu huma. Qed naħseb fuq każ partikolari dak ta’ John Francia li fis-sebgħijnijiet adotta lil maħbub tiegħu. Kienu jsiru parties formali u informali għall-omosesswali. Issa omosesswali li m’humhiex privileġġjati, sinjuri u li m’għandhomx kuntatti barra, jispiċċaw ikunu mċaħħda milli jgħixu mal-maħbubin tagħhom f’Malta. L-omosesswali ma jitilqu minn Malta biex jgħixu mal-maħbub tagħhom biss. Jitilqu għax barra hemm ħafna aktar opportunitajiet. Huma jkunu jixtiequ li jmorru jgħixu f’pajjiżi li għandhom kultura fejn l-omosesswali jgawdu d-drittijiet tagħhom u huma stmati daqs iċ-ċittadini l-oħra. Malta għadha qiegħda tgħix fl-estrem. F’Malta tispiċċa maħnuq.”

L-omosesswali Maltin fl-Awstralja

Joseph Chetcuti jgħidilna li “fl-Awstralja irrappreżentajt lill-Maltin li emigraw lejha fuq il-bażi tar-relazzjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess. Il-leġislazzjoni Awstraljana għandha proviżjonijiet speċifiċi li mhux biss titratta l-koppji magħmulin minn raġel u mara, imma anke koppji ta’ l-istess sess. L-impressjoni tiegħi hi li ħafna Maltin omosesswali ikunu kuntenti ħafna li jitilqu minn Malta biex jiġu jgħixu fl-Awstralja. Biss jien m’għamilt l-ebda studju fuq dan. Li hu interessanti hu l-fatt li l-ebda omosesswali jew lesbjani Maltin m’huma nvoluti f’xi attivitajiet tal-Maltin emigranti fl-Awstralja. Sfortunatament, ħafna jekk mhux il-mexxejja kollha huma maqtugħin mhux biss mir-realtajiet Awstraljani imma anke mill-kuntatt ma’ Malta. Biżżejjed ngħidlek li l-Kunsill tal-Kommunità Maltija, waqqaf kull diskussjoni fuq l-omosesswalità fiċ-ċentru li huma għandhom f’Parkville. Dan sar minħabba li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li għandha l-art li fuqha inbena ċ-ċentru, oġġezzjonat li jsiru taħdidiet simili. Qalu li l-omosesswalità hi dnub u għalhekk ma riedux jitkellmu. Din id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li ċ-ċentru u dak li jsir fih m’hux xi għaqda reliġjuża. Dan hu eżempju ċar ta’ l-influwenza insidjuża tal-Knisja.

Messaġġ lill-Gvern fuq l-eżiljati Maltin

Joseph Chetcuti ikompli jgħid li “rrid nagħmilha ċara li m’għandi l-ebda tama li l-amministrazzjoni ta’ bħalissa immexxija mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, se tagħmel xi ħaġa jew tieħu xi deċiżjoni biex tgħin lill-persuni omosesswali, sakemm ma tkunx imbuttata mill-Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista fuq kollox hu l-istess partit li kien konta id-dekriminalizazzjoni ta’ l-omosesswalità f’Malta fis-sena 1973, fejn dak iż-żmien għaddiet liġi fil-Parlament mill-Prim Ministru Mintoff u l-Ministru Buttiġieġ. Apparti dan il-liġi Maltija hi siekta għal kollox fuq l-omosesswali, apparti l-avviżi legali 297 tas-sena 2003, 461 tas-sena 2004 u 53 u 54 tas-sena 2007. Dawn jitrattaw diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol u ġew introdotti wara pressjoni mill-Unjoni Ewropea. Il-messaġġ li nibgħat lill-Gvern u lill-partiti l-oħrajn hu dak li meta jitrattaw l-omosesswali jew meta ma jagħtux każ, huma qegħdin jitrattaw mat-tfal Maltin, mal-qraba u l-ħbieb tagħhom. Min jaf kif iħossuhom il-politiċi kieku huma stess ikunu vittmi ta’ diskriminazzjoni”.

Il-messaġġ lill-omosesswali

Joseph Chetcuti jenfasizza li ‘l-messaġġ li jien nibgħat lill-omosesswali f’Malta hu fuq il-bżonn li dawk iżidu l-kritika tagħhom fuq il-liġijiet eżistenti f’Malta. M’humhiex biss kwistjoni tal-wirt, drittijiet ta’ l-immigrazzjoni, żwiġijiet u trobbija tat-tfal li fihom l-omosesswali m’għandhomx l-istess drittijiet tal-persuni l-oħra. Hemm kwistjonijiet oħra. Per eżempju f’Malta ma tistax titkellem fuq il-mejtin, għax tispiċċa taqla’ libell. Tista’ tara artiklu 543 tal-Kodiċi Kriminali. M’hemmx difiża tal-verità. Dan ifisser li ma tistax tiddokumenta jew tikteb fuq l-istorja ta’ l-omosesswalità f’Malta. Wasal iż-żmien li din il-liġi tinbidel”.

‘Gay drain’ minn Malta

Isostni li tluq ta’ persuni omosesswali minn Malta qiegħed iwassal biex Malta qed titlef ħafna riżorsi umani tajbin. “Ħares lejn l-istat li tinsab fih l-arti u l-letteratura f’Malta u malajr tasal għall-konklużjoni. Malta ma tistax tibqa’ titlef it-tfal tagħhom biex imorru jaħdmu f’pajjiżi oħra. Malta se tispiċċa qisha dar ta’ l-anzjani.

Jista’ jiġi Malta

Joseph Chetcuti qalilna li “jien kont f’Malta f’Diċembru li għadda. Probabbilment se nirritorna f’Malta biex iniedi l-ktieb ġdid tiegħi dwar l-omosesswalità f’Malta. Il-ktieb jitratta l-issue tad-dekriminalizazzjoni ta’ l-omosesswalità u r-rejazzjoni tal-Knisja, il-liġijiet f’Malta u kif qed jaffettwaw lill-persuni omosesswali, il-letteraturi Maltija u ħajja ta’ l-omosesswalita fi Triq id-Dejqa u f’Balzunetta. Il-ktieb fih madwar 200,000 kelma u fih diversi ritratti”.

victorvella2002@yahoo.com

No comments:

Post a Comment