Saturday, 11 January 2014

iNews Malta: Fenech jivvota kontra anke jekk il-PN jitolbu mod ieħor

http://www.inewsmalta.com/dart/20140111-fenech-jivvota-kontra-anke-jekk-il-pn-jitolbu-mod-ie-or
14:37 | 11.01.2014



L-eks Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech qal li hu se jivvota kontra l-liġi tal-unjoni ċivili kif inhi. Anke jekk il-Partit Nazzjonalista jitolbu mod ieħor. Fenech saħaq dwar l-importanza li jiddaħlu l-emendi tal-Partit Nazzjonalista.

Tonio Fenech iddikjara dan waqt li kien qiegħed jitkellem fil-programm Għandi xi Ngħid fuq Radju Malta. Huwa kien mistoqsi mill-preżentatur Andrew Azzopardi dwar x'jagħmel jekk il-Partit Nazzjonalista jitolbu jivvota favur il-liġi kif inhi llum. Fenech wieġeb “bla dubju li nivvota kontra.” Huwa kompla jgħid li anke l-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-liġi kif proposta.

Fenech qal li qabel l-elezzjoni ġenerali ħadd mill-partiti l-kbar ma qal li se morru għal-liġi ta' unjoni ċivili eżatt bħal żwieġ inkluż l-adozzjoni. “Il-gvern għażel li jikkonsulta ma' min irid hu. Qed nitkellmu fuq istituzzjoni, naqblu li ħadd m'għandu jindaħal fuq l-istil ta' ħajja li jrid jgħix. Kulħadd jaqbel li hu dritt ta' individwu li jagħżel ma' min jgħix. Iżda l-adozzjoni mhiex dritt tal-adulti, huwa dritt tat-tfal li jkollhom familja,” kompla Fenech.

Huwa qal li l-emendi dwar din il-liġi li resqu l-Partit Nazzjonalista saru fuq żewġ livelli: li l-adozzjoni m'hi dritt ta' ħadd, u li l-liġi tal-unjoni ċivili ma tkunx ugwali eżatt bħal dik taż-żwieġ.

L-eks Ministru kien wieħed mill-membri Parlamentari li fl-2011 kienu jitkellmu b'saħħa kontra l-liġi tad-divorzju. Saħansitra f'kitba tiegħu li kienet dehret f'The Malta Independent qal li l-Madonna tinstab iddispjaċuta li Malta qed tiddiskuti d-divorzju u li kull min jivvota favur ikun mar kontra l-pjan t'Alla u se jiffaċċja l-konsegwenzi.

Preżenti fil-programm kien hemm ukoll iċ-chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola u d-Deputat Mexxej Laburista, Toni Abela. Huma saħqu fuq il-punt li l-adozzjoni mhi dritt ta' ħadd, iżda li kull persuna għandha d-dritt li tapplika biex issir ġenitur adottiv.

No comments:

Post a Comment