http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article107614.html
5.7.2013 ?
Alan Gauci ta’ 37 sena mill-Mellieħa ntbgħat il-ħabs mill-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Michael Mallia li bidlet sentenza ta’ libertà kundizzjonata għal dik ta’ 12-il xahar ħabs wara li kkaġuna feriti gravi fuq Awstraljan wara li kien tajru bil-karozza. L-aċċident kien beda’ f’ħanut tax-xorb fejn jidher li l-Malti kien ħa għalih għax l-Awstraljan għajru omosesswali. Alan Gauci kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin mill-Maġistrat Carol Peralta. Il-każ seħħ wara li nqala’ argument f’ħanut tax-xorb fil-Mellieħa meta Awstraljan qagħad jiddieħaq bil-Malti, li dan aktar tard rah fit-triq u tajru bil-karozza.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Awstraljan u Gauci kienu qegħdin jixorbu u li x-xorb għamel tiegħu. Kien hawn li qam argument fejn allegatament l-Awstraljan għajjar lil Malti ‘gay’. L-argument deher li kien waqaf hemm, iżda Gauci baqa’ jewden u wara xi ħin iddeċieda li jidħol fil-karozza u jsuq għal Jeremy Lalic. Dan sar madwar 40 minuta wara li seħħ il-każ fil-bar.
Dan id-dewmien, qalet il-Qorti tal-Appell, żgur li ma jaġevolax lil Gauci, peress li kien hemm żmien biżżejjed biex hu jirrifletti fuq dak li kien sejjer jagħmel u jerġa’ lura minn dan il-ħsieb. Bniedem ta’ temperament ordinarju hekk kien jagħmel u mhux jieħu l-liġi b’idejh, u jasal biex jikkawża ġrieħi gravi b’debolizza permanenti fuq persuni oħrajn.
Għal dak li jirrigwardja l-piena, mhux kontestat li l-vittma sofra ġrieħi gravi fejn skont il-liġi l-parametri tal-piena huma ta’ bejn disa’ xhur sa disa’ snin. Sadanittant fid-deċiżjoni tagħha dwar dan il-każ il-Qorti tal-Maġistrati kienet ħadet inkonsiderazzjoni l-lokalità u l-mentalità tas-soċjetà tal-lokalità tal-Mellieħa. Il-każ kien seħħ fil-21 ta’ Marzu tal-2004 fl-4.30 a.m.
Mill-provi rriżulta li Alan Gauci saq il-karozza tiegħu għal fuq il-vittma għal tal-apposta. X’ħin Gauci kien sejjer lejn id-dar f’moħħu beda jberren u jaħseb, “dan ħaqqu daqqa ta’ karozza” u fix-xhieda qal ukoll li dak il-ħin, “bdejt nitbaqbaq minn ġewwa”. B’kumbinazzjoni rah għaddej mit-triq u tah daqqa ta’ karozza.
Fil-ħanut l-Awstraljan kien qed jagħmel ħafna storbju u beda joffendi lin-nies li kien hemm preżenti. Madankollu l-aktar li beda joffendi kien lil Gauci, fejn għamillu mossi kemm quddiem wiċċu u anke minn wara daru biex jagħti l-impressjoni quddiem in-nies kollha li kien hemm fil-ħanut li Gauci huwa omosesswali u li kien qiegħed iħajru biex imur miegħu.
Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li Gauci huwa residenti l-Mellieħa u għalhekk, fil-moħħ tiegħu, għandu reputazzjoni x’jiddefendi fil-Mellieħa u meta dan l-aċċident seħħ fl-istess lokalità u quddiem il-Melliħin, l-insinwazzjon li forsi l-Gauci seta’ kien omosesswali, waqt li ma hemm xejn ħażin f’dan, forsi fil-moħħ tiegħu għaċ-ċittadini tal-lokal dan m’mhuwiex wisq aċċettabli.
No comments:
Post a Comment