Sunday, 10 February 2013

It-Torċa: Taħseb li l-‘gays’ se jkunu mqarrqa mill-PN?

http://www.torca.com.mt/oldarticles/article43865.html
3.2.13

Minn ħabta ta’ sena ’l hawn il-Partit Nazzjonalista donnu għamel ‘u-turn’ kbira f’dik li hi ideo-loġija. Minn partit ‘tal-Knisja’; tar-‘Religio et Patria’, ta’ Malta Kattolika rebħet, ta’ kontra d-divorzju, ta’ viċi Prim Ministru li jkollu viżjonijiet tal-Madonna, ta’ segretarju parlamentari li jsostni li l-gvern għandu d-dritt jindaħal fil-morali li tħaddan fil-kamra tas-sodda; sar partit mill-aktar liberali. 

Mhux biss Simon Busuttill indika li l-PN kien żbaljat fil-pożizzjoni li ħa fir-referendum tad-divorzju (minkejja li l-kap tiegħu spiss stqarr li l-PN kien dejjem fuq in-naħa t-tajba tal-istorja) imma l-PN ħabbar li ħaddan il-proposta li kien għadu kemm ippropona l-PL li koppji omosesswali u lesbjani jkunu jistgħu jadottaw tfal kemm-il darba koppja omosesswali jew lesbjana, bħalma jseħħ fil-każ ta’ koppja eterosesswali, tkun meqjusa bħala kompetenti li trabbi t-tfal. Mhux hekk biss, fil-manifest elettorali l-PN wiegħed li se jdaħħal klawsola fil-kostituzzjoni li ma tħalli ebda forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, u dan minkejja li fil-parlament Ewropew l-MEPs Simon Busuttil u David Casa, flimkien ma’ bosta Ewro-Parlamenterali tal-PPE, saħansitra opponew riżoluzzjonijiet li jikkundannaw b’mod drastiku d-diskriminazzjoni skont orjentazzoni sesswali.

‘U-turn’

Wieħed ma jistax iqis din il-‘u-turn’ tal-PN bħala xi ħaġa negattiva. Din il-gazzetta kienet fost tal-ewwel li mbuttat il-bżonn ta’ aktar drittijiet ċivili għal nies t’orjentazzjoni sesswali differenti. Hu b’sodisfazzjon allura, li din il-gazzetta tara l-PN jibdel il-politika tiegħu għal waħda aktar progressiva. Madankollu hi bidla li, kif inhu ovvju, kellha twassal għal dubji, taħwid u mistoqsijiet fost dawk li kienu u għadhom jemmnu li l-PN hu l-partit tal-valuri tradizzjonali u tar-‘Religio et Patria’. Dan deher ċar f’bosta siti elettroniċi. Li hu evidenti f’dawn hu l-fixla ta’ wħud u l-ipokrezija t’oħrajn. Hemm min, bħal Giovanni De Martino tal-Mosta, li kien u forsi għadu jemmen li l-PN hu l-partit tal-valuri tradizzjonali u tar-‘Religio et Patria’, li donnu fuq din il-kwistjoni waqa’ fil-muta. Jispikka n-nuqqas tiegħu minn ċerti blogs li fihom is-soltu jitfa’ kummenti. Hemm akkolti Nazzjonalisti oħra, madankollu, li donnhom iriduha ħobla u tredda’; li donnhom iridu jgħidu li minkejja dak li jidher, il-PN għadu l-partit li kien; il-partit tar-‘Religio et Patria’.
Uħud iridu jbellgħuha li dak li qal il-PN ma jmurx kontra dak li tixtieq il-Knisja, għax il-PN (u anke l-PL) mhux qegħdin jipproponu żwieġ bħall-Alternattiva, imma biss unjoni ċivili. Li ma jgħidux dawn hu li l-Knisja anke dwar dawn l-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess spiss ikkundannat, kif seħħ meta Prodi ppropona dawn fl-Italja.

Bil-PN fil-gvern il-‘gays’ u l-lesbjani ma jadottawx?

Madankollu, kien hemm min mar oltre. Kien hemm min ried jgħid li saħansitra dak li l-PN jidher li qal dwar id-dritt ta’ koppji lesbjani u omoses- swali li jadottaw it-tfal, hu dritt li fir-realtà m’hu se jwassal għal ebda adozzjoni mill-omossesswali u lesbjani. 

Fost dawn, jispikkaw il-kummenti ta’ ċertu tabib, Nazzjonalist ippatentjat, li jilgħabha wkoll ta’ xi paladin Nisrani. (Il-Kristjaneżmu tiegħu jispikka f’kummenti li jagħmel fejn spiss toħroġ b’mod ċar l-imħabba Nisranija li għandu għal-Laburisti, nies li jinsabu fil-faqar u min jitkellem dwarhom, nies b’ideat progressivi, Musulmani u Atei, fost l-oħrajn. Tispikka fih ukoll il-virtù Nisranija tal-umiltà, tant li dejjem jiffirma bl-ittri tal-professjoni tiegħu wara ismu.) F’kummenti fuq blog li ta għal artiklu li deher f’gazzetta bl-Ingliż taħt it-titlu ‘PN: We would change the law to allow gay adoption’, meta mistoqsi jekk hux se jivvota xorta PN wara dan il-‘u-turn’, dan it-tabib ċaħad li kien hemm ‘u-turn’. Hu qal li min jaħseb li l-PN bidel il-priniċipji tiegħu jew li dak li l-partit qed jipproponi se jwassal biex l-omossesswali u l-lesbjani jkunu jistgħu jadottaw ma jafx x’inhu jgħid.

‘Religio et Patria’

Dan it-tabib stqarr li “in-Nazzjonalisti għadhom kburin bil-motto ‘Religio et Patria’. Huma jitolbu ’l Alla biex fil- ħniena tiegħu jagħti lil Malta l-gvern li jistħoqqilha; gvern li ma jxekkilx il-Knisja mill-mandat li taha Kristu...” Dwar il-kwistjoni, dan it-tabib stqarr li: “Jien ma nħossx li jridu jillegalizzaw l-adozzjoni minn ġenituri ‘gay’. Iridu biss jiġbdu l-voti tal-lesbjani, l-omosesswali u transesswali.” (I do not think they are bent on legalising adoption by gay parents. They are only bent on attracting the votes of the LGBT.)
Hu qal li l-‘ismall print’ tal-proposta jgħid li t-tfal jingħataw għall-adozzjoni biss jekk ikun fl-interess ta’ dawn tal-aħħar. (If you read the small print it says that in all adoptions should be in the interest of the children and these would be paramount...)
Issa, skont dak li qal dan it-tabib, taħt l-ebda ċirkustanzi m’hu fl-interess tat-tfal li jitrabbew f’ambjent ‘gay’; ambjent li jsejjaħ ‘ta sodomija’ (‘a sodomy environment’). Allura, lill-omosesswali u l-lesbjani l-PN fil-verità m’hu qed iwiegħdhom xejn.
F’risposta minnhom saħansitra qabbel lill-gvern ma’ ragħaj li jħares lill-ħrief (it-tfal) minn ilpup imġewħa (The shepherd is there to protect the sheep not to provide meat for ravenous wolves. That is stating the obvious but only to the discerning.)
Biex isostni l-argument tiegħu li l-omossesswali u l-lesbjani qatt ma jistgħu jadottaw ikkwota riċerka ppubblikata minn Professur ta’ Università ta’ Texas, minkejja li kif ikkummentaw bloggers oħra, l-istess professur ċaħad li din ir-riċerka tindika li dawk li huma kontra d-drittijiet tal-omosesswali u l-lesbjani għandhom raġun, u minkejja li hemm bosta riċerka oħra magħmula minn universitajiet u professuri oħra li tindika li l-ġibda sesswali tal-ġenituri m’għanda ebda rabta mat-trobbija tajba jew le tat-tfal.

Ma weġibx...

Meta kien hemm min staqsa lil dan l-akkoltu Nazzjona-lista, jekk il-PN hux allura qed iqarraq bl-omosesswali u l-lesbjani jekk qed jagħtihom x’jifhmu li l-ġibda sesswali tagħhom mhix t’ostaklu għall-adozzjoni tat-tfal meta fil-fatt hi, dan it-tabib jew ħarab mill-mistoqsija jew ma weġibx.

No comments:

Post a Comment